Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0243/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0243/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

4.4.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Bairbre de Brún, Takis Hadjigeorgiou, Nikolaos Chountis, Elie Hoarau, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0236/2011

Proċedura : 2011/2650(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0243/2011
Testi mressqa :
B7-0243/2011
Testi adottati :

B7‑0243/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-Ġappun inqatlu aktar minn 12 000 ruħ meta t-tsunami li tqanqal mit-terremot tal-Ġimgħa 11 ta’ Marzu għadda jiġri bil-qawwa minn fuq il-linja tal-kosta, laqat bliet sħaħ kif ukoll l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima Daiichi,

B.  billi l-istandards internazzjonali tas-sikurezza nukleari għandhom jissaħħu,

C. billi, minbarra l-inċidenti nukleari f’Windscale fil-Gran Brittanja fl-1957, li bagħat merżuq radjuattiv fl-arja li raxx radjunuklidi fuq il-pajjiż kollu u fl-Ewropa tat-tramuntana, jew l-inċident magħruf sew li seħħ fi Three Mile Island fl-Istati Uniti 1979, f’Chernobyl fl-Ukraina fl-1986 jew il-manipulazzjoni tad-data tas-sigurtà fl-impjant ta’ riproċessar Ingliż f’Sellafield jew fl-istazzjon tal-enerġija nuklear Ġappuniż f’Tepco, matul dawn l-aħħar 12-il sena Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Ungerija kellhom inċidenti nukleari relevanti li ma għandhomx jiġu ttraskurati,

D. billi fl-2007 l-Ġappun diġa’ ffaċċja inċident simili minħabba terremot serju ta’ 6.8 gradi li għamel ħsara lill-kumpless ta’ reatturi f’Kashiwazaki, li r-riżultat tagħha kien li trasformaturi ħadu n-nar, kien hemm tnixxiha ta’ likwidi radjuattivi u fl-aħħar ġiegħlet lit-Tokyo Electric Power Co., l-istess operatur fl-impjant ta' Fukushima, jagħlaq l-impjant massiv ta' seba' unitajiet għal ħafna snin,

E.  billi l-inċident fil-Ġappun juri li l-awtorità regolatorja tas-sikurezza nazzjonali Ġappuniża mhijiex biżżejjed u għalhekk għandha tiġi msaħħa u l-awtoritajiet regolatorji tas-sikurezza nazzjonali kollha kemm huma għandhom ikunu f’idejn is-sjieda pubblika u obbligati li jagħtu rendikont lill-pubbliku,

F.  billi l-Kunsill tal-Enerġija fil-21 ta’ Marzu qabel li l-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi sa Ġunju li ġej f’kooperazzjoni mal-Istati Membri standards u kriterji komuni bil-għan li l-143 installazzjoni nukleari eżistenti fl-UE jiġu sottomessi għal valutazzjoni komprensiva tar-riskju u tas-sikurezza, l-hekk imsejħa testijiet tal-istress peress li xejn ma sar s'issa f'dan il-kamp,

G. billi dawn it-testijiet tal-istress li għandhom jitwettqu sat-tieni nofs tal-2011 huma biss fuq bażi volontarja u għad mhemmx previsti la liema huma l-miżuri ta’ prekawzjoni li jridu jittieħdu waqt it-testijiet li jkunu għaddejjin u l-anqas liema se jkunu d-deċiżjonijiet vinkolanti rigward il-ġejjieni ta’ dawk l-installazzjonijiet li ma jweġbux b’mod sikur għal tali testijiet tal-istress,

H. billi l-Kunsill Ewropew itenni fil-25 ta’ Marzu li dawn it-testijiet se jitwettqu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri filwaqt li, waqt li jqis il-fatt li ħafna installazzjonijiet nukleari jinsabu ħdejn fruntieri nazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm approċċ ta’ sikurezza komuni Ewropew and kooperazzjoni biex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni fl-UE kollha,

I.   billi l-konsegwenzi ta’ inċident nukleari, meta jitqies li l-ebda teknoloġija oħra ma hija ffaċċjata b’theddida simili f’dak li hu riskju ta’ kontaminazzjoni irreversibbli tal-arja u r-riżorsi naturali, l-affarijiet tal-ikel, l-għalf u l-bnedmin, mhumiex limitati fl-impatt drammatiku tagħhom ’il ġewwa mill-fruntiera nazzjonali tal-pajjiżi li jkunu jospitaw installazzjonijiet nukleari fejn jistgħu jseħħu inċidenti eventwali,

J.   billi hemm ħtieġa urġenti li jkomplu jiġu msaħħa aktar it-tliet pilastri tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), jiġifieri l-mekkaniżmi tan-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kontroll għall-użu ċivili tal-enerġija nukleari, billi jiżdiedu l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni universali u effettiva tar-regoli u l-istrumenti tan-nonproliferazzjoni, b’mod partikolari billi jiġu mtejba u msaħħa l-mezzi ta' verifika,

1.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-poplu tal-Ġappun milqut minn dan l-inċident nukleari li kien l-aktar traġedja kbira b’konsegwenzi severi kemm għall-poplu kif ukoll għall-ambjent u għalhekk jenfasizza li d-dinja kollha għandha tislet lezzjonijiet minn din il-katastrofi;

2.  Jafferma li jeħtieġ li jkun hawn strateġija li biha l-enerġija nukleari titneħħa fi stadji kemm fiż-żmien medju u kemm fil-ġejjieni ’l bogħod, kif diġà seħħ fil-Ġermanja u fi Spanja;

3.  Jitlob li jsir moratorju fuq il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni u jinsisti fuq il-fatt li m’għandhomx jinbnew stazzjonijiet tal-enerġija nukleari fuq żoni sismiċi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid il-politika tagħhom dwar l-enerġija wara l-inċident u jżidu l-mira għall-enerġija rinnovabbli u jgħollu l-istandards tal-effiċjenza enerġetika u jiżguraw finanzjament xieraq għall-enerġija minn għejun rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija kif ukoll jipprovdu l-inċentivi għar-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam;

5.  Jinsisti li t-testijiet tal-istress għandhom ikunu obbligatorji fejn l-ogħla standards komuni jqisu fatturi multipli u kumplessi mil-lok ġeoloġiku sikur tal-impjanti tal-enerġija nukleari u l-esponiment tagħhom għal avvenimenti ta' riskju perikolużi sar-rieżami u l-aġġornament tal-proċeduri li jkunu qed jissawru, u b'hekk tali valutazzjonijiet jiġu inklużi fil-qafas leġiżlattiv nazzjonali tas-sikurezza nukleari kif mitlub mid-Direttiva 2009/71;

6.  Jitlob li t-testijiet tal-istress għandhom jivvalutaw l-affidabilità tal-katina tal-produzzjoni nukleari kollha kemm hi, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-installazzjoni ibda mill-valutazzjoni tal-ippjanar, ir-rekwiżiti tal-kostruzzjoni, il-produzzjoni, it-trasport u t-trattament tal-iskart u l-miżuri meħuda għall-ħżin sikur tal-fjuwil eżawrit;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw livell għoli ta’ informazzjoni u trasparenza liċ-ċittadini, lill-partijiet interessati, lit-trejdjunjins, u lill-assoċjazzjonijiet ambjentali kollha rigward il-kalendarju u dak li joħroġ mit-testijiet tal-istress, inklużi d-deċiżjonijiet konsegwenti li għandhom jittieħdu meta l-installazzjonijiet ittestjati jkunu wrew problemi ta’ sikurezza kritiċi u inaċċettabbli għall-operazzjoni preżenti u futura tagħhom, f’dan ir-rigward iħeġġeġ il-ħtieġa ta’ dibattitu pubbliku dwar il-mod kif jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija li għad ikun hemm fil-ġejjieni u l-ħtieġa li tiżdied is-sikurezza, id-diversità u l-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima;

8.  Jissuġġerixxi lill-Istati Membri li, sakemm ikunu għaddejjin iħejju valutazzjoni tar-riskju u tas-sikurezza rigward l-installazzjonijiet nukleari tagħhom, meta jkun il-waqt xieraq jieħdu d-deċiżjoni eventwali li temporanjament jagħlqu dawk l-impjanti nukleari li diġà ilhom joperaw għal aktar minn 25 sena, bħala miżura ta’ prekawzjoni sakemm issir valutazzjoni definittiva u sikura taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, permezz tal-kooperazzjoni, biex jevitaw li tali dispożizzjonijiet temporanji jistgħu jimplikaw spiża finanzjarja mhix sostenibbli addizzjonali għall-konsumatur aħħari;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li permezz tal-użu tal-fondi pprovduti fir-Regolament 300/2007 ninvolvu lill-pajjiżi ġirien tagħna, b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni mal-UE u l-pajjiżi li huma aktar affettwati mir-riskju ta’ terremoti peress li jinsabu f’żoni sismiċi, biex japplikaw testijiet sikuri simili lill-istallazzjonijiet nukleari eżistenti tagħhom jew biex jivvalutaw mill-ġdid l-istallazzjonijiet ippjanati tagħhom u r-rekwiżiti għas-sejħiet għall-offerti li jkollhom għaddejjin bil-għan li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tas-sikurezza aktar stretti aġġornati;

10. Jenfasizza, li t-tisħiħ tat-TNP bħala l-ġebla tax-xewka tar-reġim globali tan-nonproliferazzjoni huwa ta' importanza vitali u li għandu jsir kull sforz biex it-trattat jiġi implimentat fl-aspetti kollha tiegħu; jafferma li biex l-isforzi multilaterali jkunu effettivi dawn għandhom jiġu segwiti fil-kuntest ta' viżjoni żviluppata sewwa li naslu fi stat fejn ikollna dinja ħielsa mill-armi nukleari fl-iżjed data bikrija possibbli;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlament tal-Istati Membri, lill-Euratom u lill-ENSREG.