MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-użu ta’ vjolenza sesswali f’kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani
4.4.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Antonyia Parvanova, Marietje Schaake, Marielle De Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Kristiina Ojuland, Sarah Ludford, Giommaria Uggias, Edward McMillan-Scott, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0244/2011
B7‑0246/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta’ vjolenza sesswali f’kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani
The European Parliament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b’mod partikolari,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, il-25 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Jum Internazzjonali tal-Mara, fit-8 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni tal-1951 rigward l-Istatus tar-Refuġjati, u l-prinċipju tan-non-refoulement,
– wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna u l-Programm ta’ Azzjoni tal-25 ta’ Ġunju 1993 adottat mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23) u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Diċembru 1997 bit-titolu ‘Il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-miżuri ta’ ġustizzja kriminali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa’ (A/RES/52/86), tat-18 ta’ Diċembru 2002 bit-titolu ‘Ħidma lejn l-eliminazzjoni tad-delitti kontra n-nisa mwettqa f’isem l-unur’, (A/RES/57/179), u tat-22 ta’ Diċembru 2003 bit-titolu ‘L-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika kontra n-nisa’ (A/RES/58/147),
– wara li kkunsidra r-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali tal-Kummissarju Għoli tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolenza kontra n-nisa u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 adottata mill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (il-11-il Sessjoni, 1992),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing u tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta’ Azzjoni (Beijing+10)[2] u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing (Beijing +15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2006 bit-titolu ‘Intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi eliminata kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa’ (A/RES/61/143), u r-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra u jqisuhom bħala forma ta' tortura u bħala reat serju tal-gwerra, kemm jekk dawn l-atti jkunu mwettqa b'mod sistematiku kif ukoll jekk le waqt kunflitti internazzjonali jew interni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-nisa pparteċipaw b'mod attiv fl-irvellijiet għal iktar demokrazija, drittijiet u libertajiet fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani.
B. billi r-reġimi stabbiliti fil-Libja u fl-Eġittu rrikorrew għal attakki sesswali bħala parti mill-kunflitt f'dawn ir-revoluzzjonijiet, billi ffukaw fuq in-nisa u b'mod partikolari għamluhom vulnerabbli,
C. billi l-vjolenza sesswali tidher li tintuża bħala mezz sistematiku li bih jiġu intimidati u ddegradati n-nisa,
D. billi mara Libaniża, Iman al-Obeidi, li qalet lill-ġurnalisti f'lukanda fi Tripli li ġiet stuprata u abbużata minn suldati, fis-26 ta' Marzu 2011 ġiet miżmuma f'lokazzjoni mhux magħrufa u issa qed jittieħdu proċeduri kontriha minħabba malafama mill-irġiel li qed takkuża bi stupru.
E. billi fl-Eġittu, dimostranti nisa affermaw li huma ġew soġġetti għal testijiet tal-verġinità mis-suldati, li nġabru mill-Pjazza Tahrir fid-9 ta' Marzu u suċċessivament ġew soġġetti għal tortura u stupru, filwaqt li ġew esegwiti t-testijiet tal-verġinità u ttieħdu ritratti fil-preżenza ta' suldati rġiel,
F. billi xi nisa Eġizzjani se jiġu pproċessati quddiem qrati militari talli weħlu mit-testijiet tal-verġinità,
1. Jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri biex jopponu b'saħħa l-użu ta' attakki sesswali, l-intimidazzjoni u l-mira speċifika fuq in-nisa fil-Libja u l-Eġittu;
2. Jirrakkomanda li għandha tiġi stabbilita inkjesta indipendenti u li min wettaq dawn l-atti għandu jinżamm responsabbli, b'riferiment speċifiku għall-investigazzjoni dwar l-atti krimininali ta' Gadaffi, skont il-kundizzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
3. Jisħaq li kulħadd għandu jkun jista' jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-futur demokratiku ta' pajjiżu mingħajr ma jiġi arrestat, ittorturat jew sottopost għal trattamenti degradanti u diskriminatorji;
4. Jemmen bis-sħiħ li t-tibdiliet li qed iseħħu fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani għandhom jikkontribwixxu biex tintemm id-diskriminazzjoni tan-nisa u biex huma jkollhom rwol parteċipattiv sħiħ fis-soċjetà hekk kif għandhom l-irġiel u skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, CEDAW;
5. Jisħaq li hu neċessarju li d-drittijiet tan-nisa jiġu ġeneralment żgurati fl-istrutturi demokratiċi u legali ġodda ta' dawn is-soċjetajiet;
6. Jenfasizza li r-rwol tan-nisa fir-rivoluzzjonijiet għandu jiġi rikonoxxut, inklużi t-theddid li dawn jiffaċċaw u l-mod li bih jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom;
7. Jisħaq il-bżonn li jiġu integrati d-drittijiet umani u l-politiki tal-PEV u li jitqassmu b'mod attiv l-esperjenzi komuni tal-UE dwar il-vjolenza u l-ugwaljanza tas-sessi, bħala parti integrali mill-proċess ta' demokratizzazzjoni;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn s-sessi u jappoġġja azzjonijiet speċifiċi sabiex jinkiseb approċċ effettiv u sistematiku ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi tal-PEV; iħeġġeġ lill-gvernijiet u s-soċjetà ċivili jżidu l-inklużjoni soċjali tan-nisa, jiġġieldu l-illitteriżmu tan-nisa u jippromwovu l-impjieg tan-nisa biex tiġi żgurata preżenza sinjifikanti tan-nisa fil-livelli kollha;
9. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ipoġġu fuq quddiem nett fl-aġenda tagħhom tad-diskorsi mal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV il-prijoritajiet politiċi tal-UE dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, u r-rispett tal-libertajiet fundamentali, u r-ratifika ta' numru ta' strumenti legali internazzjonali, fosthom l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 rigward l-Istatus tar-Refuġjati;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.