MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-użu ta’ vjolenza sesswali f’kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani
4.4.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Eva-Britt Svensson, Sabine Lösing, Patrick Le Hyaric, Nikolaos Chountis, Cornelia Ernst, Ilda Figueiredo, Marisa Matias, Jacky Hénin, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0244/2011
B7‑0248/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta’ vjolenza sesswali f’kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, li jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u biex iħarrku dawk responsabbli għal reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, inklużi dawk relatati ma’ vjolenza sesswali u vjolenza oħra kontra n-nisa u l-bniet,
– wara li kkunsidra l-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'kunflitti armati, f’Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati,
– wara li kkunsidra l-Entità l-ġdida tan-NU dwar il-ġeneru (UN Women),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984, u d-Dikjarazzjoni 3318 tal-Assemblea Ġenerali dwar il-Ħarsien tan-Nisa u t-Tfal waqt Emerġenzi u Kunflitti Armati tal-14 ta' Diċembru 1974, b'mod partikolari l-paragrafu 4 li jitlob li jkun hemm miżuri effettivi kontra l-persekuzzjoni, it-tortura, il-vjolenza u t-trattament degradanti tan-nisa,
– wara li kkunsidra l-missjoni għar-riforma tas-settur tas-sigurtà EUSEC RD Kongo, stabbilita f'Ġunju 2005 (Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta' Mejju 2005 dwar il-missjoni tal-Unjoni Ewropea biex tipprovdi pariri u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)),
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/769/PESK tad-19 ta' Ottubru 2009 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing u tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta’ Azzjoni (Beijing+10)[2] u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing (Beijing +15),
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra u jqisuhom bħala forma ta' tortura u bħala reat serju tal-gwerra, kemm jekk dawn l-atti jkunu mwettqa b'mod sistematiku kif ukoll jekk le waqt kunflitti internazzjonali jew interni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-nisa pparteċipaw b'mod attiv fl-irvellijiet għal iktar demokrazija, drittijiet u libertajiet fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani.
B. billi l-gradwata fil-liġi Iman al-Obeidi sfat imkaxkra ’l barra minn lukanda fi Tripli nhar is-26 ta’ Marzu minn qawwiet tas-sigurtà u kienet detenuta, wara li tħabbar lill-ġurnalisti internazzjonali li kienet sfat stuprata minn suldati Libjani leali lejn il-Kurunell Mu'ammar Gaddafi,
C. billi fl-Eġittu, dimostranti nisa affermaw li huma ġew soġġetti għal testijiet tal-verġinità mis-suldati, li nġabru mill-Pjazza Tahrir fid-9 ta' Marzu u suċċessivament ġew assoġġettati għal tortura u stupru, filwaqt li ġew esegwiti t-testijiet tal-verġinità u ttieħdu ritratti fil-preżenza ta' suldati rġiel, u billi xi nisa Eġizzjani se jgħaddu ġuri quddiem it-tribunali militarali talli weħlu mit-testijiet tal-verġinità,
D. billi, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerra; billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element tad-delitt tal-ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari; billi l-UE għandha tappoġġja sforzi maħsuba biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,
E. billi fir-RD tal-Kongo seħħew l-istupri tal-massa minn gajjijiet seħħew mit-30 ta' Lulju sal-4 ta' Awwissu 2010 fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li tal-anqas 8300 stupru ġew irrappurtati s-sena li għaddiet fil-Kongo u li tal-anqas 1244 mara rrapurtaw li ġew stuprati fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li hija medja ta' 14-il stupru kuljum;
F. billi intwera bil-provi li hemm impatt sproporzjonat u uniku tal-kunflitti armati fuq in-nisa; billi permezz tal-parteċipazzjoni, il-prevenzjoni u l-protezzjoni, ir-rwol tan-nisa fil-bini tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti ser jissaħħaħ, il-gwerer u l-kunflitti jiġu evitati u tingħata protezzjoni mtejba lin-nisa u lit-tfal fir-reġjuni tal-gwerer u l-kunflitti,
G. billi l-implimentazzjoni tal-impenji ta’ UNSCR 1820, 1888, 1889 u 1325 tikkonċerna u hija responsabilità komuni ta’ kull Stat Membru tan-NU, kemm jekk ikun milqut minn kunflitt, kif ukoll jekk ikun donatur jew xorta oħra, jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-adozzjoni f’Diċembru 2008 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, li hija sinjal politiku b’saħħtu li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,
H. billi l-jeddijiet tan-nisa, u l-vjolazzjoni tagħhom, kulma jmur qed jintużaw aktar għal-leġittimazzjoni tal-operazzjonijiet militari, billi interventi militari ma jgħinux fl-iżgurar tad-drittijiet tan-nisa, iżda minflok iżidu l-vjolazzjoni kontra n-nisa u kontra jeddijiethom,
I. billi huma biss il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ċivili f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt li jistgħu jippermettu li jiġu prevenuti u eviditi l-vjolazzjonijiet kontra n-nisa,
J. billi l-azzjoni esterna tal-UE għandha tagħti prijorità lill-implimentazzjoni ta’ UNSCR 1820 u 1325 u tal-linji-gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal biex jingħata appoġġ xieraq lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’kunflitti armati u f’pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti; billi l-Parlament Ewropew għandu josserva dawn l-implimentazzjonijiet,
K. Billi l-Unjoni Afrikana dan l-aħhar fissret l-impenn tagħha favur l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa f'sitwazzjonijiet ta' gwerra u ta' kunflitt, u ħatret rappreżentant speċjali dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
1. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Gvernijiet tal-Istati Membri biex jopponu b'saħħa l-użu ta' attakki sesswali, l-intimidazzjoni u l-mira speċifika fuq in-nisa fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani;
2. Jirrakkomanda li jsiru inkjesti indipendenti li jżommu lill-perpetraturi tal-vjolenza sesswali responsabbli, skont ma tgħid il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
3. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha ma jagħtu l-ebda appoġġ lil reġimi u li jużaw il-forzi armati, inklużi reġimi li jibagħtu lill-minorenni bħala suldati f’kunflitti armati, li jwettqu b’mod sistematiku abbużi tal-jeddijiet tal-bniedem jew vjolenza sesswali sistematika;
4. Iħeġġeġ lill-Istati tal-UE jwaqqfu b’mod definittiv tal-użu ta’ forza militari fil-kunflitti u l-gwerer internazzjonali u jitlob li jkun hemm waqfien immedjat ta’ kooperazzjoni bejn il-militar u ċ-ċivili;
5. Jikkundanna l-pjanijiet reċenti ta’ membri tan-NATO li jagħtu l-armi lir-ribelli antigovernattivi fil-Libja billi dan se jkattar il-vjolenza u se jkollu konsegwenzi li ma jistgħux jitbassru għall-popolazzjoni ċivili, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal;
6. Jitlob li tintemm il-missjoni tal-EUPOL fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo li, flimkien mal-EUSEC DR Congo, għamlet kontribut negattiv għaż-żieda fil-vjolenza u għas-sitwazzjoni fil-pajjiż, billi ħarrġet suldati u pulizija li kienu qed iwettqu reati kontra l-popolazzjoni ċivili tagħhom stess, u b’mod partikolari kontra n-nisa u t-tfal;
7. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jippromwovu b’mod attiv u sostenibbli - kemm politikament kemm finanzjarjament – l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet u mekkaniżmi ta’ kontroll tar-riżoluzzjoni tan-NU 1325 fil-livell Ewropew u dak tan-Nazzjonijiet Uniti u biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni fil-livelli internazzjonali kollha;
8. Jemmen bis-sħiħ li t-tibdiliet li qed iseħħu fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani għandhom jikkontribwixxu biex tintemm id-diskriminazzjoni tan-nisa u biex huma jkollhom rwol parteċipattiv sħiħ fis-soċjetà hekk kif għandhom l-irġiel u skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, CEDAW;
9. Jisħaq li r-rwol tan-nisa fir-rivoluzzjonijiet għandu jkun rikonoxxut, u jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa li jeddijiet in-nisa jkunu assikurati b’mod ġenerali fl-istrutturi demokratiċi u ġuridiċi l-ġodda ta' dawn is-soċjetajiet;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn s-sessi u azzjonijiet li jwaqqfu l-vjolenza kontra n-nisa, u approċċ effikaċi u sistematiku ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi tal-PEV; inklużi l-eradikazzjoni tal-faqar tan-nisa, it-taqbida kontra l-illitteriżmu tan-nisa, il-promozzjoni tal-impjiegi tan-nisa, l-iżgurar tal-aċċess tan-nisa għall-jeddijiet ta’ saħħa riproduttiva u sesswali, u l-ksib ta’ parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.