MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
4.4.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Ashley Fox, Ryszard Antoni Legutko, Michał Tomasz Kamiński, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Konrad Szymański on behalf of the ECR Group
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0249/2011
B7‑0252/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, il-Beħrejn u l-Jemen,
– wara li kkunsidra għadd kbir ta' dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar ir-Relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (2010/2233(INI)),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tal-21 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Is-Sirja
A. billi ċ-ċittadini tas-Sirja huma soġġetti għal arrest arbitrarju u priġunerija mingħajr proċess, jew proċess minn qorti militari u m'għandhomx ġudikatura indipendenti li tiddefendihom, m'għandhomx il-libertà tal-kelma u m'għandhomx dritt iggarantit bil-liġi li jipprotestaw,
B. billi fis-16 ta' Marzu bdew id-dimostrazzjonijiet f'Damasku, segwiti mill-manifestazzjonijiet tal-'ġurnata ta' dagħdigħa' f'ħafna bliet fis-Sirja, li fihom inqatlu tal-anqas erba' persuni, li wassal għal aktar inkwiet u aktar dimostrazzjonijiet,
C. billi l-Gvern tas-Sirja għamel numru ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi ta' impenn favur il-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni politika iżda naqas milli jwettaq progress tanġibbli dwar din il-kwistjoni,
D. billi l-President Bashar al-Asad naqas li jimpenja ruħu favur aġenda speċifika ta' riforma li tissalvagwardja l-libertajiet pubbliċi u l-indipendenza ġudizzjarja u li jipprojbixxi l-Gvern Sirjan milli jostakola d-drittijiet tal-bniedem,
E. billi l-Gvern Sirjan juża l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali (SSSC), qorti speċjali li tibqa' barra mis-sistema ta' ġustizzja kriminali ordinarja, biex jittellgħu l-qorti l-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
F. billi s-Sirja ddikjarat stat ta' emerġenza fl-1963 u, sal-ġurnata tal-lum, għadha ma rrevokatx il-Liġi ta' Emerġenza tas-Sirja,
Il-Baħrejn
G. billi fl-14 ta' Frar, il-'Ġurnata ta' Rabja dimostranti paċifiċi nġabbru f'Manama ċentrali sabiex jitolbu kostituzzjoni ġdida,
H. billi, b'risposta għal dawk il-protesti paċifiċi l-forzi tas-sigurtà użaw forza konsiderevoli, billi attakkaw lid-dimostranti paċifiċi bil-gass tad-dmugħ u bil-bulits tal-gomma,
I. billi t-truppi Sawdin daħlu fil-Baħrejn bil-kompitu ddikjarat li jipproteġu l-infrastruttura essenzjali, bħalma huma l-installazzjonijiet taż-żejt,
J. billi l-persunal tal-forzi tas-sigurtà allegatament sawtu lit-tobba mill-isptar Salmaniya li kienu qed jippruvaw jgħinu lill-feruti fit-toroq,
Il-Jemen
K. billi l-moviment favur id-demokrazija ilu jissaħħaħ fil-Jemen sa minn Jannar 2011 u wassal għall-protesti riċenti favur id-demokrazija fit-toroq ta' Sanaa,
L. billi l-miraturi sparaw fuq il-kamp ta' dawk favur id-demokrazija fil-belt kapitali Sanaa, fit-18 ta' Marzu 2011 u qatlu aktar minn 50 ruħ,
M. billi l-parlament tal-Jemen fit-23 ta' Marzu 2011 approva l-leġiżlazzjoni ta' emerġenza li tawtorizza 30 ġurnata ta' setgħat mifruxata' arresti, detenzjonijiet, u ċensura,
N. billi fl-1 ta' April eluf ta' dimostranti ħarġu fit-toroq ta' Sanaa b'oppożizzjoni għall-President Ali Abdullah Saleh; billi fl-istess ġurnata l-forzi tas-sigurtà sparaw fuq id-dimostranti fil-belt Jemenita ta' Taiz u qatlu minn tal-anqas 12-il persuna u ndarbu ħafna aktar,
O. billi l-Jemen hu l-aktar pajjiż fqir fil-Lvant Nofsani bi tnaqqis ta' riżervi taż-żejt, popolazzjoni li dejjem tikber, gvern ċentrali dgħajjef, nuqqas ta' ilma li dejjem jiżdied u b'investiment baxx fl-ekonomija tal-pajjiż,
1. Jinsisti li l-Gvernijiet tas-Sirja, tal-Baħrejn u tal-Jemen jiggarantixxu protezzjoni għad-dimostranti u jżommu d-dritt tad-dimostranti li jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet paċifiċi biex jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni;
2. Jistieden lill-Gvernijiet tas-Sirja, tal-Baħrejn u tal-Jemen iwaqqfu immedjatament l-użu tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi; iħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà jaġixxu bl-akbar moderazzjoni possibbli meta jirreaġixxu għad-dimostrazzjonijiet;
3. Jistieden lill-Gvernijiet tas-Sirja, tal-Baħrejn u tal-Jemen iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detetenzjoni ta' attivisti politiċi u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Jikkunsidra neċessarju li l-Gvernijiet tas-Sirja, tal-Baħrejn u tal-Jemen jimmiraw għal aktar demokratizzazzjoni u jimplimentaw riformi demokratiċi mingħajr dewmien billi jintroduċu liġijiet ġodda li jwessgħu l-parteċipazzjoni politika u dik tas-soċjetà ċivili;
5. Jinnota d-deċiżjoni tal-President tas-Sirja Bashar al-Assad li jifforma kumitat legali biex jeżamina t-tneħħija tal-liġijiet ta' emerġenza; iħeġġeġ lill-kumitat jaħdem favur ir-revoka tal-leġiżlazzjoni ta' emerġeza tal-1963;
6. Jistieden lill-partiti kollha involuti fid-diskussjonijiet fil-Jemen dwar il-qsim tal-poter biex jaġixxu bl-akbar moderazzjoni u jieħdu l-passi neċessarji biex titnaqqas it-tensjoni mingħajr ma jkun hemm aktar vjolenza;
7. Jenfasizza li d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza fi kwalunkwe pajjiż ma teżentax lill-Gvern ta' dak in-Nazzjon mill-obbligi essenzjali tiegħu li jirrispetta l-istat tad-dritt u mill-impenji internazzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem;
8. Jistieden lill-Gvernijiet tas-Sirja, tal-Baħrejn u tal-Jemen biex iwettqu investigazzjoni indipendenti u trasparenti tal-azzjonijiet tal-forzi tas-sigurtà u li kwalunkwe membru tas-servizzi tas-sigurtà li spara jew ordna l-isparar fuq dimostranti mhux armati bl-użu ta' munizzjon attiv jinżamm responsabbli; jitlob li ssir investigazzjoni fil-Baħrejn fuq l-allegazzjoniet ta' ndħil barrani li instigaw lid-dimostranti jirrikorru għall-vjolenza;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani biex iwaqqfu ċ-ċensura tal-Gvern fuq pubblikazzjonijiet lokali u barranin, u li jtemmu l-kontroll tal-Gvern fuq il-gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra;
10. Jistieden lill-Gvern tas-Sirja jabolixxi l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali (SSSC) u joħloq kummissjoni ġudizzjarja indipendenti biex tirrevedi l-każijiet eżistenti quddiem il-qorti;
11. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-parlament tal-Jemen biex tiġi introdotta liġi ġdida dwar l-emerġenza u jitlob lill-awtoritajiet biex joħolqu bidla permezz ta' riformi u djalogu mad-dimostranti minnflok l-użu tal-forza;
12. Jistieden lill-awtoritajiet fit-tliet pajjiżi jagħtu rendikont pubbliku ta' kull persuna li nqatlet, indarbet jew ta' dawk li għadhom ma nstabux;
13. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jirrispettaw in-newtralità tal-għoti tal-kura tas-saħħa u jħeġġiġhom jeħilsu lill-persunal mediku li ġie arrestat riċentement u jekk l-allegazzjonijiet jiġu ppruvati, iressqu quddiem il-qorti lill-uffiċjali tas-sigurtà responsabbli għal din is-sitwazzjoni;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvernijiet tal-Jemen, tas-Sirja u tal-Baħrejn.