Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0253/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0253/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen

4.4.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

Véronique De Keyser, Hannes Swoboda, Kristian Vigenin, Kader Arif, Harlem Désir, Roberto Gualtieri, Richard Howitt, María Muñiz De Urquiza, Vincent Peillon, Boris Zala f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0249/2011

Proċedura : 2011/2645(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0253/2011
Testi mressqa :
B7-0253/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0253/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta’ qabel tiegħu dwar il-Lvant nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, b’interess partikolari għas-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen,

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Marzu 2011 mill-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek dwar l-attakk mortali kontra d-dimostranti fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn u l-Jemen tal-21 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Baħrejn tal-10, 15 u 17  ta' Marzu; dwar is-Sirja tat-18, 22, 24 u 26 ta’ Marzu; u dwar il-Jemen tal-10, 12 u 18 Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta’ Marzu 2011 mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni dwar ‘Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran’,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2004 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif aġġornati fl-2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, wara dak li seħħ f’pajjiżi Għarab oħra, dimostrazzjonijiet fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u sejħa popolari qawwija għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali immirati lejn il-kisba ta’ demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, u l-ħolqien ta’ kundizzjonijet ekonomiċi u soċjali aħjar,

B.  billi r-reazzjoni vjolenta min-naħa tal-forzi tas-sigurtà fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen waslet għal telf konsiderevoli ta’ ħajjiet u għal dimostranti midruba u arrestati,

C. billi r-reazzjoni vjolenta mill-forzi tas-sigurtà naqset milli twaqqaf il-mewġa ta' protesti mill-tinfirex mal-pajjiż kollu fis-Sirja; billi l-forżi tas-sigurtà Sirjani użaw munizzjon attiv kontra d-dimostranti; billi f’Damasku u fi bliet oħra l-awtoritajiet Sirjani mmobilizzaw dimostranti favur ir-reġim; billi fid-29 ta’ Marzu 2011 il-gvern Sirjan irreżenja u s-Sur Adel Safar inħatar biex jifforma gvern ġdid; billi fit-30 ta’ Marzu 2011 id-diskors tal-President Bashar al-Assad fil-parlament Sirjan naqas milli jilħaq l-aspettattivi u t-tamiet għal riformi importanti,

D. billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim ġie pospost fuq rikjesta tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu parti essenzjali ta’ dan il-Ftehim,

E.  billi s-Sirja ilha taħt l-Liġi ta’ Emerġenza mill-1963; billi dan l-aħħar ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-Baħrejn u l-Jemen,

F.  billi, skont ir-rapporti tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-forzi tas-sigurtà ħadu kontroll tal-isptarijiet u l-persunal mediku, id-dimostranti ta’ kontra l-gvern u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew molestati u iżolati fi sptarijiet filwaqt li l-ambulanzi li kienu qed iwasslu l-isptar lid-dimostranti feruti li huma kontra l-gvern ġew ostakolati mill-forzi tas-sigurtà fil-Baħrejn u fil-Jemen,

G.  billi truppi tal-Għarabja Sawdija, tal-Kuwajt u tal-Emirati Għarab Magħquda ntbagħtu fil-Baħrejn, wara t-talba mill-gvern, bl-appoġġ tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) biex jipparteċipaw fir-repressjoni tad-dimostranti; billi dan il-fatt jikkuntrasta bil-kbir mal-appoġġ tal-GCC għall-protezzjoni taċ-ċittadini li qed jitolbu l-libertà u d-demokrazija fil-Libja,

H. billi l-President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh, li ilu jmexxi l-pajjiż għal 32 sena, wiegħed li jirreżenja; billi, madankollu, il-President s’issa ma ħa ebda passi serji biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu għal tranżizzjoni demokratika u paċifika,

1.  Jikkundanna bis-saħħa r-repressjoni vjolenta mill-forzi tas-sigurtà ta’ dimostranti paċifiċi fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen, filwaqt li jfaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen biex iwaqqfu l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti, jirrispettaw il-libertà ta’ assemblea u ta’ espressjoni tagħhom, u jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom; jitlob għal inkjesti indipendenti fl-avvenimenti li wasslu biex dimostranti paċifiċi inqatlu, indarbu u ġew arrestati f’dawn il-pajjiżi u biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob li jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet il-persuni kollha arrestati matul id-dimostrazzjonijiet kif ukoll il-priġunieri politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha;

4.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex jinvolvu ruħhom fi proċess politiku u fi djalogu miftuħ u sinifikanti mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, bil-parteċipazzjoni tal-forżi politiċi demokratiċi kollha u tas-soċjetà ċivili, maħsuba biex titwitta t-triq għal demokrazija ġenwina, jitneħħa l-istat ta' emerġenza u jkunu implimentati riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali konkreti, ambizzjużi u sinifikanti, li huma essenzjali għal stabilità fit-tul u żvilupp;

5.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’attenzjoni speċjali għal-libertà ta' assemblea u ta' espressjoni kif ukoll għad-dritt ta' dimostrazzjoni paċifika; iħeġġeġ lill-gvern tal-Baħrejn biex jiggarantixxi rispett sħiħ għal-libertà ta’ reliġjon fil-pajjiż;

6.  Jistieden lill-President Bashar al-Assad itemm il-politika ta’ repressjoni tal-oppożizzjoni politika u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ineħħi realment l-istat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ mill-1963, jappoġġa proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fis-Sirja, u tkun stabbilita aġenda konkreta għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar il-parteċipazzjoni ta’ truppi barranin bl-appoġġ tal-GCC fir-repressjoni tad-dimostranti fil-Baħrejn u jitlob għall-irtirar mingħajr kundizzjonijiet tagħhom; jitlob ukoll għal djaolgu politiku li jista’ jwassl għal aktar riformi politiċi meħtieġa fil-pajjiż;

8.  Jistieden lill-President Ali Abdullah Saleh tal-Jemen biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu għal tranżizzjoni demokratika inkluż l-organizzazzjoni ta’ elezzjoni ħielsa u korretta kif ukoll it-trasferiment paċifiku tal-poter permezz ta' istituzzjonijiet kostituzzjonali; jistieden il-forzi politiċi kollha jerfgħu r-responsabbiltà tagħħom billi jinvolvu ruħhom fi djalogu politiku kostruttiv u trasparenti li jinkludi l-partiti politiċi demokratiċi kollha u l-movimenti kif ukoll is-soċjetà ċivili;

9.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar u li għadhom għaddejjin kif ukoll żviluppi oħra fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen fir-relazzjonijiet bilaterali ma' dawn il-pajjiżi, inkluża s-sospensjoni ta' negozjati addizzjonali dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li għadu pendenti bejn l-UE u s-Sirja; jistieden lill-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni biex telabora u timplimenta proposti u miżuri konkreti f’dan ir-rigward; jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw sejħiet għal investigazzjonijiet indipendenti marbuta ma’ attakki kontra dimostranti f’dawn il-pajjżi;

10. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi u paċifiċi tal-poplu tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen u jkunu lesti jgħinu, f'każ ta' impenn serju mill-awtoritajiet nazzjonali, l-implimentazzjoni ta' aġendi ta' riforma politika, ekonomika u soċjali f’dawn il-pajjizi;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.