Proċedura : 2011/2645(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0254/2011

Testi mressqa :

B7-0254/2011

Dibattiti :

PV 06/04/2011 - 13
CRE 06/04/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2011 - 6.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0148

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0249/2011
4.4.2011
PE459.791v01-00
 
B7-0254/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen


Anneli Jäätteenmäki, Marielle De Sarnez, Edward McMillan-Scott, Ramon Tremosa i Balcells, Kristiina Ojuland, Sonia Alfano, Marietje Schaake f’isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen  
B7‑0254/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Jemen,

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-24 ta' Marzu 2010 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu, adottat fl-10 ta' Ottubru 2006, li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, fuq in-naħa l-oħra,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hi firmatarja tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1975, li ġiet irratifikata mis-Sirja fit-18 ta' Settembru 2004,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE dwar il-Baħrejn, tal-10, il-15 u s-17 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE dwar il-Jemen, tal-10 u s-17 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE dwar is-Sirja, tat-18, it-22, l-24 u s-26 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-21 ta' Marzu 2011 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta' Marzu 2011 dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiġu appoġġjati aktar il-bidla demokratika u s-soċjetà ċivili b'reazzjoni għall-iżviluppi storiċi attwali fir-reġjun,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi dimostrazzjonijiet reċenti f'diversi pajjiżi Għarab tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani talbu t-tmiem tar-reġimi awtoritarji kif ukoll riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, libertà, demokrazija u kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar għall-poplu; billi d-dimostrazzjonijiet massivi f'bosta pajjiżi Għarab urew li reġimi mhux demokratiċi u awtoritarji ma jistgħux jiggarantixxu stabbiltà kredibbli u li l-valuri demokratiċi huma fundamentali għas-sħubijiet ekonomiċi u politiċi,

B.  billi, fil-Baħrejn, is-Sirja u l-Jemen, bħalma ġara f'pajjiżi Għarab oħra bħat-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja, l-Alġerija, il-Marokk u l-Ġordan, id-dimostranti għamlu dimostrazzjonijiet fil-ġimgħa li għaddiet biex jitolbu riformi li jiżguraw tqassim aħjar tal-għana, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u ċivili u sistema politika aktar demokratika,

C. billi l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà fil-Baħrejn, il-Jemen u s-Sirja wassal għal ħafna mwiet u feruti,

D. billi f'Marzu l-websajts tan-netwerking soċjali talbu li jsiru dimostrazzjonijiet paċifiċi favur ir-riformi demokratiċi, il-ħelsien tal-priġunieri tal-kuxjenza u t-tmiem tal-istat ta' emerġenza (li ilu fis-seħħ mill-1963), u li din it-talba wasslet għal bosta laqgħat paċifiċi fis-Sirja; billi l-Liġi ta' Emerġenza li effettivament qed tillimita liċ-ċittadini fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom filwaqt li tagħti kontroll kontinwu lill-awtoritajiet Sirjani fuq is-sistema ġudizzjarja, tikser il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li s-Sirja hi firmatarja tiegħu,

E.  billi d-dimostrazzjonijiet bdew fil-belt ta' Deraa fin-Nofsinhar tas-Sirja, qabel ma nfirxu għal bliet u rħula oħra fil-pajjiż; billi l-awtoritajiet Sirjani rażżnu d-dimostrazzjonijiet bl-użu ta' balal attivi biex ixerrdu l-laqgħa paċifika u arrestaw mijiet ta' ċittadini,

F.  billi nhar l-Erbgħa 23 ta' Marzu, l-armata Sirjana daħlet fil-moskea Omari f'Deraa u bdiet tispara fuq ċittadini mhux armati; billi l-elettriku u l-komunikazzjonijiet inqatgħu wkoll f'partijiet tal-belt,

G. billi ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-Baħrejn u l-Jemen,

H. billi, skont ir-rapporti, l-istaff mediku, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi ġew miżmuma fil-Baħrejn, u l-forzi tas-sigurtà ħadu kontroll tal-isptarijiet, filwaqt li fil-Jemen l-ambulanzi li kienu qed iwasslu l-isptar lid-dimostranti feruti li huma kontra l-gvern ġew ostakolati mill-forzi tas-sigurtà,

I.   billi s-sitwazzjoni fil-Baħrejn għadha gravi, u fil-ġimgħa li għaddiet bejn 50 ruħ u 100 ruħ ġew irrappurtati neqsin; billi huwa rrappurtat li fost dawk arrestati hemm attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tobba u infermiera mill-isptar Salmaniya,

J.   billi mijiet ta' ċittadini nqatlu f'operazzjonijiet militari kontra l-Houthis f'Saada, fit-Tramuntana tal-Jemen, billi l-Arabja Sawdija ngħaqdet mal-armata Jemenita fl-operazzjonijiet ta' ġlied; billi l-awtoritajiet Jemeniti użaw il-gwerra kontra t-terroriżmu bħala pretest biex jibdew kampanji militari kontra l-provinċji tan-Nofsinhar, li r-residenti tagħhom huma involuti fi protesti mifruxa kontra l-politiki ta' marġinalizzazzjoni u esklużjoni u kontra t-trażżin kontinwu taċ-ċittadini tan-Nofsinhar,

K. billi wara t-talba li saret mill-Gvern tal-Baħrejn, il-forzi tas-sigurtà tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf, mill-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Kuwajt intbagħtu l-Baħrejn,

1.  Jilqa' r-rebbiegħa Għarbija u l-mewġa ta' rivoluzzjonijiet u ta' dimostrazzjonijiet popolari kontra reġimi awtoritarji bħala sinjal ta' kuraġġ, determinazzjoni u rieda għal bidla demokratika fir-reġjun kollu; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi innoċenti ta' dawn ir-rewwixti u jfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-popli Għarab favur bidla demokratika;

2.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu rigward il-livell ta' vjolenza kontra dimostranti li kkaratterizza d-dimostrazzjonijiet fit-tliet pajjiżi, għalhekk jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-forza u jħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà ma jibqgħux jużaw il-vjolenza; jenfasizza l-ħtieġa li jintlaqgħu l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u li jiġu indirizzati permezz ta' djalogu politiku inklużiv u ta' riformi ġenwini u mhux bit-trażżin;

3.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jniedu djalogu kostruttiv u inklużiv; itenni l-importanza tar-riformi politiċi u ekonomiċi għall-istabbiltà futura tal-Jemen, is-Sirja u l-Baħrejn u li f'dan ir-rigward l-UE trid tappoġġja lill-poplu;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sirja, tal-Jemen u tal-Baħrejn biex jirrispettaw l-impenji internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet f'dawn il-pajjiżi biex:

–  ineħħu minnufih l-Istat ta' Emerġenza;

–  jeħilsu minnufih lill-priġunieri politiċi kollha;

–             jinkorporaw il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni fil-liġi u fil-prattika;

–  iżidu l-miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

–  jiggarantixxu drittijiet ugwali għall-minoranzi;

–  jiżguraw l-aċċess għal mezzi tal-komunikazzjoni, bħall-internet u l-mowbajls;

–  jiżguraw l-aċċess għall-midja indipendenti;

6.  Jikkundanna t-tfixkil mill-awtoritajiet fil-Baħrejn u fil-Jemen tal-forniment ta' trattament mediku u tal-aċċess għall-faċilitajiet tas-saħħa;

7.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex mhux biss jikkundannaw il-qtil u l-arresti ta' mijiet ta' dimostranti, inklużi t-tfal, iżda biex jitolbu wkoll riformi politiċi kbar, it-tmiem tal-istat polizjesk u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha;

8.  Jinnota li d-deċiżjoni meħuda fil-Jemen biex jinbeda proċess ta' riforma hija pass importanti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw; jistieden lill-President Saleh jieħu passi konkreti favur l-implimentazzjoni tal-wegħda tiegħu li 'jittrasferixxi l-poter paċifikament permezz ta' istituzzjonijiet kostituzzjonali';

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn u lil partiti oħra biex jibdew djalogu sinifikanti u kostruttiv mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, biex jitwettqu r-riformi; jilqa' d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li n-NU hija lesta tipprovdi appoġġ għall-isforzi mmexxija nazzjonalment, jekk tkun mitluba li tagħmel dan;

10. Jieħu nota tar-riżenja tal-Gvern fid-29 ta' Marzu iżda jemmen li tali att ma jkunx biżżejjed biex itaffi l-frustrazzjonijiet li qed jiżdiedu tal-poplu Sirjan;

11. Iħeġġeġ lill-President Al-Assad biex itemm it-trażżin brutali kontra d-dimostranti u biex ma juża l-ebda tip ta' vjolenza; jitlob li jinħelsu minnufih id-dimostranti, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri politiċi miżmuma kif ukoll li jintemm il-monopolju tal-partit Ba'th fuq l-istat u s-soċjetà Sirjani;

12. Jitlob lill-awtoritajiet Sirjani jibdew djalogu sinifikanti u kostruttiv ma' partiti oħra sabiex jiġu indirizzati d-domandi u l-aspirazzjonijiet leġittimi tad-dimostranti;

13. Jitlob l-għajnuna tal-UE favur il-proċessi demokratiċi fir-reġjun tal-Mediterran biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini - partikolarment tan-nisa, li kellhom rwol kruċjali fid-domandi favur il-bidla demokratika - fil-ħajja politika;

14.  Jistieden lill-UE tieħu r-riedni f'idejha minnufih u tlaqqa' Sessjoni Speċjali tal-HRC biex jiġu ttrattati l-abbużi li twettqu fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn matul it-trażżin tad-dimostrazzjonijiet u tad-dissidenza;

15. Jistieden lill-UE tipprojbixxi minnufih l-għajnuna kollha lill-Baħrejn fir-rigward tas-sigurtà, inkluż il-bejgħ ta' materjal għall-kontroll tal-irvelli u t-tagħmir militari, sakemm l-awtoritajiet tal-Baħrejn iwaqqfu l-abbużi u min hu responsabbli jkollu l-obbligu li jagħti rendikont ta' għemilu;

16. Jisħaq fuq l-impenji meħuda mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiġu appoġġjati aktar il-bidla demokratika u s-soċjetà ċivili b'reazzjoni għall-iżviluppi storiċi attwali fir-reġjun; għalhekk jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-aspirazzjonijiet leġittimi u l-aspettattivi politiċi tal-popolazzjoni Sirjana u jwaqqfu l-isforzi tagħhom biex jiġi konkluż il-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Sirja wara t-trażżin vjolenti; huwa tal-fehma li l-konklużjoni ta' tali ftehim għandu jiddependi mill-ħila tal-awtoritajiet Sirjani li jwettqu r-riformi demokratiċi mistennija;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tuża b'md sħiħ u efikaċi l-appoġġ eżisteni mogħti permezz tal-ENPI, l-EIDHR u l-IfS, u tfassal urġentement proposti konkreti dwar kif l-għajnuna finanzjarja futura tal-UE tista' tgħin aħjar lill-pajjiżi u lis-soċjetajiet ċivili fil-Lvant Nofsani u fil-Golf fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

18. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom rigward il-Baħrejn, is-Sirja u l-Jemen u jieħdu pożizzjoni komuni b'saħħitha tal-UE kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi; jenfasizza li għandhom jiddaħħlu sanzjonijiet jekk jibqa' jseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ċ-ċittadini;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Re, il-Gvern u l-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza