MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
4.4.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Kyriacos Triantaphyllides, Willy Meyer, Nikolaos Chountis, Patrick Le Hyaric, Marisa Matias, Jacky Hénin, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0255/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni f'kull pajjiż hija differenti, ikkaratterizzata mill-pekuljaritajiet tagħha, u għalhekk għandha tkun ittrattata separatament,
B. billi fix-xhur u l-ġimgħat reċenti faqqgħu dimostrazzjonijiet popolari favur l-impjieg, standards ta' għajxien aħjar, drittijiet soċjali u tax-xogħol, favur id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll favur bidliet kostituzzjonali f'għadd ta' pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani,
C. billi l-kumpaniji barranin u min ikollu l-poter biss jibbenefikaw mill-isfruttament tar-riżorsi kbar taż-żejt, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni trid tbati biex tgħix ħajja dinjituża,
D. billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żiedu l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali diġà eżistenti f'dawn il-pajjiżi,
E. billi l-avvenimenti fil-Baħrejn bdew b'laqgħa popolari kbira fil-Pearl Roundabout f'Manama, fl-14 ta' Frar 2011, li ġiet attakkata mill-pulizija ta' kontra l-irvelli, attakk li wassal biex mietu u ġew midruba n-nies; billi dimostrazzjonijiet sussegwenti ġew ikkonfrontati bl-istess mod,
F. billi d-dimostranti qed jitolbu r-riżenja tar-Re Hamad Ben Issa Al-Khalifa,
G. billi l-kunflitt ġie deskritt bħala wieħed bejn ix-Shias u s-Sunni f'tentattiv li tiġi ddevjata l-attenzjoni minn fuq ir-raġunijiet veri għall-kunflitt,
H. billi l-5 Flotta tal-Istati Uniti hija stazzjonata fil-Baħrejn, faċċata l-Iran; billi l-pulizija ta' kontra l-irvelli tal-Baħrejn hija mħarrġa u armata minn persuni li jħarrġu u armamenti Britanniċi,
I. billi fl-14 ta' Marzu, wara deċiżjoni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf fuq talba tal-Gvern tal-Baħrejn, madwar 1000 suldat mill-Arabja Sawdija daħlu fil-Baħrejn u warajhom daħlu 500 pulizija mill-Emirati Għarab Magħquda biex jgħassu faċilitajiet ewlenin, bħall-istallazzjonijiet tal-gass u taż-żejt u l-istituzzjonijiet finanzjarji; billi l-poplu tal-Baħrejn qies din l-azzjoni bħala okkupazzjoni; billi r-Re ddikjara sitwazzjoni ta' emerġenza ta' tliet xhur,
J. billi wara mewġa dejjem tikber ta' dimostrazzjonijiet fil-Jemen, li bdew minn studenti fl-Università ta' Sanaa, fit-18 ta' Marzu miraturi pajżana leali għall-President Ali Abdullah Saleh, sparaw fuq dimostrazzjoni kontra l-gvern, u qatlu 52 ruħ, fatt li wassal għal aktar dimostrazzjonijiet u protesti,
K. billi l-President Saleh huwa alleat iddikjarat tal-Istati Uniti u rċieva miljuni ta' dollari bħala għajnuna 'kontra t-terroriżmu', kif ukoll għajnuna għat-tħarriġ tal-armata u l-forniment ta' armi li issa qed jintużaw kontra l-poplu,
L. billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Jemen fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar li jagħti għall-Kanal ta' Suez u li jiżbokka fil-Golf ta' Aden hija waħda ta' importanza strateġika marbuta ma' rotot marittimi u riżorsi ta' enerġija sinifikanti,
M. billi fit-23 ta' Marzu fil-belt Sirjana ta' Daraa, l-armata sparat fuq iċ-ċittadini, u kkawżat madwar 50 vittma fost id-dimostranti li kienu qed jitolbu li jitneħħa l-istat ta' emerġenza kif ukoll riformi; billi d-dimostrazzjonijiet infrixu lejn aktar bliet Sirjani b'rapporti ta' aktar vittmi u arresti,
N. billi l-President Bashar Al Assad ħabbar żidiet fil-pagi, xolja l-gvern u sussegwentement ħatar Prim Ministru ġdid, u wiegħed li jeżamina l-possibbiltà li jitneħħa l-istat ta' emerġenza, li jinvestiga l-avvenimenti f'Daraa u f'inħawi oħra kif ukoll li jtejjeb l-istandard tal-għajxien tal-poplu Sirjan,
1. Iqis li kull poplu huwa intitolat li jagħżel il-futur tiegħu bla ndħil barrani, kemm politku kif ukoll militari; jiddenunzja kull ndħil politiku fil-pajjiżi speċifiċi u fir-reġjun; jistieden lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jirrispettaw għalkollox is-sovranità u l-integrità territorjali ta' kull stat;
2. Jirrifjuta kull intervent militari barrani biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiżi speċifiċi; jikkundanna l-inkursjoni fil-Baħrejn ta' forzi mill-Arabja Sawdija u mill-Emirati Għarab Magħquda, u jitlob li jiġu rtirati minnufih;
3. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popli tar-reġjun, u l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;
4. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti u jiddeplora l-għadd kbir ta' persuni li nqatlu jew ndarbu; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u tal-midruba;
5. Jitlob li jieqaf minnufih it-tixrid tad-demm u li l-persuni arrestati jinħelsu minnufih; jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-qtil, l-arresti u l-allegati torturi;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi nnegozjata soluzzjoni politika għall-problemi;
7. Jiddenunzja l-użu tad-differenzi reliġjużi fl-istigazzjoni ta' kriżi politika;
8. Jikkundanna l-konnivenza u l-kompliċità tal-Unjoni Ewropea mad-dittatorjati fir-reġjun;
9. Jikkritika bil-qawwa l-kummerċ intensiv ta' armi tal-Istati Membri tal-UE ma' diversi pajjiżi fir-reġjun;
10. Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kunsill jivverifika jekk kienx hemm ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE fil-qasam tal-esportazzjoni ta' armi u jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jiġi rrispettat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha;
11. Jistieden lill-UE ma tibqax tuża kejl differenti fil-politiki esterni tagħha, tinsisti fil-każijiet kollha fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, u tiżviluppa relazzjonijiet ekwi mal-pajjiżi msemmija hawn fuq, abbżi tar-rispett tal-pekuljaritajiet u s-sovranità tagħhom;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u lill-Gvernijiet tas-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen.