MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aċċess ugwali għas-swieq tas-settur pubbliku fl-UE u f’pajjiżi terzi u dwar ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku inklużi l-konċessjonijet
4.5.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Andreas Schwab, Raffaele Baldassarre, Regina Bastos, Frank Engel, Jean-Paul Gauzès, Philippe Juvin, Constance Le Grip, Konstantinos Poupakis, Zuzana Roithová f’isem il-Grupp PPE
Evelyne Gebhardt, Bernadette Vergnaud f’isem il-Grupp S&D
Jürgen Creutzmann, Cristian Silviu Buşoi f’isem il-Grupp ALDE
Malcolm Harbour f’isem il-Grupp ECR
Heide Rühle f’isem il-Grupp Verts/ALE
B7‑0284/2011
dwar l-aċċess ugwali għas-swieq tas-settur pubbliku fl-UE u f’pajjiżi terzi u dwar ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku inklużi l-konċessjonijet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE dwar il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi u d-Direttivi 89/665/KE, 92/13/KE u 2007/66/KE rigward il-proċeduri ta’ rieżami dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwisti pubbliċi (P7_TA(2010/0173),
– wara li kkunsidra r-rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, mill-Professur Mario Monti, bit-titlu ‘Strateġija ġdida għas-Suq Uniku – għas-servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea’,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" (COM(2010)608),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku - ‘Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti’ (COM (2011) 0015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi suq tal-akkwist pubbliku li jopera tajjeb hu ta' importanza essenzjali sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku, tkun stimolata l-innovazzjoni, ikun promoss livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali u tal-klima kif ukoll l-inklużjoni soċjali fl-UE u jinkiseb valur ottimali għall-awtoritajiet pubbliċi. iċ-ċittadini u dawk li jħallsu t-taxxi,
B. billi speċjalment fil-perspettiva tas-superament tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-ħarsien kontra kull kriżi futura, l-akkwist pubbliku huwa ta' rilevanza kruċjali, billi jservi ta' katalist għar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE u għaldaqstant għall-impjiegi u l-benessri fl-UE,
C. billi proċess sod u maħsub tajjeb ta’ titjib tal-qafas legali għall-akkwist pubbliku hu ta’ importanza vitali għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE, għall-konsumaturi tal-UE u għan-negozji tal-UE, għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali u għaldaqstant għall-approvazzjoni tal-UE bħala entità;
D. billi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwantità ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-rieżami tal-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, għandhom jitqiesu l-prijoritajiet differenti f’termini ta’ urġenza kif ukoll ta’ rabta tematika, minħabba żviluppi politiċi li għaddejjin bħalissa fuq livell Ewropew u internazzjonali,
E. billi sett estensiv ta’ mistoqsijiet fi ħdan il-qafas tradizzjonali tal-akkwist pubbliku u l-kwistjoni marbuta mill-qrib mal-konċessjonijiet jeħtieġu valutazzjoni koerenti bbażata fuq konsultazzjoni konsistenti mal-partijiet ikkonċernati,
F. billi l-kwistjoni speċifika tas-salvagwardja tat-trattament ugwali u l-kompetizzjoni ġusta fis-swieq tal-akkwist pubbliku fl-UE u f’pajjiżi terzi teħtieġ b’mod urġenti aktar attenzjoni politika, speċjalment fid-dawl tal-problemi attwali marbuta mal-aċċess għas-swieq tas-settur pubbliku f’pajjiżi terzi, il-progress kajman fin-negozjati dwar ir-rieżami tal-ftehim dwar il-kuntratti pubbliċi (GPA) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u r-riluttanza ċara ta’ bosta pajjiżi terzi li jingħaqdu mal-GPA,
1. Jirreferi għall-kummenti tiegħu li jinsabu fir-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwist pubbliku, u speċjalment fil-paragrafu 46 ta’ din ir-riżoluzzjoni li fiha jintqal li, waqt li jargumenta bis-saħħa kontra miżuri protezzjonisti fil-qasam tal-akkwist pubbliku fuq livell globali, jemmen bil-qawwa fil-prinċipju ta’ reċiproċità, benefiċċju reċiproku u proporzjonalità f’dak il-qasam; u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dettaljata tal-benefiċċji potenzjali u l-problemi assoċjati bl-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet proporzjonali u mmirati dwar aċċess għal partijiet tas-swieq tal-akkwist tal-UE, kif ukoll valutazzjoni tal-impatt li tanalizza meta tista’ tintuża u valutazzjoni tal-bażi legali li strument bħal dan għandu jadotta għal dawk is-sħab kummerċjali li jibbenefikaw minn ftuħ tas-suq tal-UE iżda li ma urew ebda intenzjoni li jiftħu s-swieq tagħhom għall-kumpaniji tal-UE, filwaqt li jkompli jħeġġeġ is-sħab tal-UE biex joffru arranġamenti għal aċċess tas-suq reċiproku u proporzjonali għall-kumpaniji Ewropej qabel ma jkun propost kwalunkwe test ieħor fil-qasam tal-akkwist pibbliku;
2. Hu tal-opinjoni li l-ispirtu ta’ reċiproċità u trasparenza filfatt se jiżgura ftuħ akbar tas-swieq tal-akkwist pubbliku u jevita miżuri protezzjonisti bl-użu tal-għodda eżistenti kollha disponibbli;
3. Konvint li sabiex ikunu evitati miżuri protezzjonisti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-esportaturi tal-UE anki f’oqsma differenti mis-swieq tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni għandha tfittex li tindividwa miżuri adegwati li ma jippermettux kontromiżuri nazzjonali jew Komunitarji ġenerali, iżda li dawn ikunu bbażati fuq għodda xierqa fil-qasam tal-akkwist pubbliku;
4. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-problemi assoċjati ma' offerti straordinarjament baxxi u biex jiġu proposti soluzzjonijiet xierqa;
5. Jirrakomanda lill-awtoritajiet kontraenti jipprovdu tagħrif bikri u suffiċjenti lill-offerenti l-oħra f’każ ta’ offerti baxxi mhux normali, sabiex ikun jistgħu jevalwaw jekk hemmx bażi għal ftuħ ta' proċedura ta' rieżami;
6. Iqis bħala bżonn urġenti li l-UE tikseb koerenza akbar bejn il-politika komuni tal-kummerċ estern tal-UE u l-prattiki fi Stati Membri li jaċċettaw offerti eċċezzjonalment baxxi ta’ kumpaniji minn pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-GPA, bi żvantaġġ għall-kumpaniji mill-Istati Membri tal-UE;
7. Minħabba l-mistoqsija 114 tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbbliku li titlob għal klassifikazzjoni fl-importanza u għall-prijoritajiet ewlenin fost il-bosta kwistjonijiet imqajma fil-Green Paper, jenfasizza l-importanza kruċjali li jinkisbu soluzzjonijiet maħsuba tajjeb kemm għall-kwistjoni l-aktar urġenti tal-aċċess tas-suq kif ukoll għal aspetti addizzjonali tar-rieżami tal-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex qabel kollox tindirizza l-kwistjoni ta’ aċċess bilanċjat tajjeb għas-swieq tas-settur pubbliku u biex wara twettaq rieżami tal-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, sabiex tippermetti għal involviment validu meħtieġ tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, iżda anki taċ-ċittadini u n-negozji, bil-għan li tinkiseb l-aċċettazzjoni meħtieġa ta’ dawn il-kwistjonijiet importanti kollha marbuta mas-Suq Uniku b’rilevanza qawwija għall-benessri ġenerali tal-UE;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-modernizzazzjoni tar-regoli ta’ akkwist pubbliku u tittratta l-konċessjonijiet marbuta mas-servizzi b’tali mod li tkun evitata frammentazzjoni addizzjonali tal-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku skont il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar.
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni.