Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0292/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0292/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

4.5.2011

imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7‑0292/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Kader Arif, Véronique De Keyser, Michael Cashman, Harlem Désir f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0292/2011

Proċedura : 2011/2620(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0292/2011
Testi mressqa :
B7-0292/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0292/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri tar-Raba' Konferenza Ministerjali tad-WTO, li ġiet adottata fl-14 ta' Novemberu 2001 f'Doha u b'mod partikulari l-paragrafu 44 tagħha rigward Trattament Speċjali u Differenzjali (SDT),

 

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) u dwar is-Saħħa Pubblika li ġiet adottata fid-29 ta' Novembru 2005,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar Il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini[1],

 

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali, id-dikjarazzjoni tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, il-kodiċi tal-imġiba miftiehma taħt l-awspiċji ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FAO, il-WHO u l-Bank Dinji, u l-isforzi li jsiru taħt l-awspiċju tal-UNCTAD biex jirregolaw l-attivitajiet tal-impriżi f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 30 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 48, 138, 139, 153, 156, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 intitolata ‘Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020’ (COM(2010)0612),

 

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima[2],

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[3],

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[4],

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali,[5]

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020[6],

 

–   wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tas-Samit bejn l-UE u l-Indja, tal-10 ta' Diċembru 2010, fi Brussell,

 

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Indja dwar il-Kultura, tal-10 ta' Diċembru 2010, fi Brussell,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti prijorità lil sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tad-WTO, li toffri l-aħjar prospetti għal kummerċ internazzjonali ġust u ekwu billi tistabbilixxi regoli xierqa u tassigura konformità magħhom,

 

B.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti prijorità lil riżultat bilanċjat tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), li għandha tappoġġa l-integrazzjoni ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fis-sistema tal-kummerċ internazzjonali,

 

C.  billi huwa essenzjali li jiġi identifikat il-bilanċ ġust bejn ftehimiet multilaterali, bilaterali u plurilaterali,

 

D. billi l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja li jirrappreżenta madwar EUR 84 biljun f'kummerċ ta' oġġetti u servizzi fl-2009 - 10. L-UE tirrappreżenta 20.15% tal-esportazzjonijiet kollha tal-Indja u 13.32% tal-importazzjonijiet kollha tal-Indja. Min-naħa l-oħra, l-Indja tirrappreżenta 2.6% tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE u 2.2% tat-total kollu tal-importazzjonijiet,

 

E.  billi l-Unjoni Ewropea ilha l-ikbtar investitur fl-Indja b'volum kumulattiv ta' madwar EUR 20.0 biljun sa mill-2000. L-UE hija wkoll l-iktar destinazzjoni importanti għall-investiment estern mill-Indja,

 

F.  billi l-Indja hija l-akbar benefiċjarju tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ); billi l-importazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mill-Indja b'rata preferenzjali jew mingħajr dazju kienu jammontaw għal EUR 19.9 biljun fl-2009, filwaqt li kienu jikkorrispondu għal 83 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE mill-Indja,

 

G. billi kif iddikjarat fir-Rapport 2007/2008 dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Indja tikklassifika fil-128 post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (minn 177 pajjiż); billi l-Indja tikklassifika fit-62 post fl-indiċi tal-faqar tal-bniedem għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fost il-108 pajjiżi li qed jiżviluppaw li għalihom kien ikkalkulat l-indiċi; u billi l-Indja għandha waħda mill-ogħla rati ta’ tfal li jaħdmu,

 

H. billi tnedew Negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) mal-Indja f'Ġunju 2007,

 

I.  billi, skont it-Trattati, il-politka kummerċjali komuni għandha ssir b'mod konsistenti mal-objettivi kollha tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-objettivi soċjali, ambjentali u tal-għajnuna għall-iżvilupp,

 

J.   billi l-Indja hija manifattur u esportatur prinċipali ta' mediċini ġeneriċi lid-dinja li qed tiżviluppa, u b'hekk kull dispożizzjoni dwar Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPRs) mhux ser ikollha b'xi mod impatt negattiv fuq l-aċċess għall-mediċini bi prezz raġonevoli,

 

K. billi huwa ta' importanza kruċjali għall-Unjoni Ewropea li tiżgura iktar għarfien u protezzjoni effiċjenti ta' indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs),

 

L.  billi l-FTA għandu jinkludi impenji li jorbtu u li jistgħu jiġu infurzati dwar standards soċjali u ambjentali u dwar żvilupp sostenibbli u implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali miftiehma fil-qasam soċjali u ambjentali bħala kundizzjoni neċessarja biex tkun appoġġjata l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti,

 

Kwistjonijiet Ġenerali

 

1.   Jikkunsidra li s-sistema kummerċjali multilaterali hija l-aktar qafas effikaċi biex jinkiseb kummerċ ġust u ekwitabbli fuq bażi globali; b'hekk iqis li l-kisba ta' riżultat bilanċjat ta' negozjati DDA fil-WTO għandha titqies bħala prijorità min-negozjaturi tal-Unjoni; jemmen li l-Unjoni u l-Indja jistgħu jikkontribwixxu għal konklużjoni b'suċċess tan-negozjati tad-DDA; ikun imħasseb jekk negozjati bilaterali itellfu mill-ilħuq ta' dan l-objettiv;

 

2.   Jinnota li l-UE u l-Gvern Indjan, wara l-aħħar Samit bejn l-UE u l-Indja (Diċembru 2010) u iktar minn tliet snin ta' negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles qegħdin f'punt kruċjali tan-negozjati; b'hekk iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati biex jiżguraw konsultazzjoni sħiħa, fl-istadji kollha, mal-azzjonisti prinċipali tagħhom; jitlob liż-żewġ partijiet biex jipprevedu biss il-konklużjoni ta' FTA ġust u bilanċjat fl-interess komuni ta' soċjetajiet u ekonomiji Ewropej u Indjani;

 

3.   Jinnota li l-Indja hija s-seba' l-akbar ekonomija fid-dinja; il-Gvern Indjan jipprevedi tkabbir ta' 8.6% tal-PDG fl-2010-11; juri dispjaċir li minkejja t-tkabbir ekonomiku kontinwu, għadhom jeżistu inugwaljanzi kbar, u aktar minn 800 miljun persuna jgħixu b’inqas minn żewġ dollari Amerikani kuljum; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-FTA ma jillimitax is-setgħat meħtieġa mill-Gvern Indjan biex jindirizza l-faqar u l-inugwaljanza; speċjalment f'żoni rurali fejn l-agrikoltura hija l-attività primarja;

 

4.   Jenfasizza li l-FTA għandu jinkludi mekkaniżmu vinkolanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn żewġ stati, dispożizzjonijiet ta' medjazzjoni dwar l-ONT u dwar anti-dumping u miżuri dwar dazji tas-sisa protettivi u klawżola ta' eċċezzjoni ġenerali bbażata fuq l-Artikoli XX u XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT);

 

5.   Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-FTA tinkludi klawżoli ta' salvagwardja li huma b'saħħithom u effikaċi;

 

Żvilupp sostenibbli

 

6.   Ifakkar li l-objettivi ta' politika kummerċjali komuni għandhom jiġu koordinati b'mod sħiħ mal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea; li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha ssir 'fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni', u li, skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-iżvilupp sostenibbli, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

 

7.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi klawżoli ġuridikament vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali u s-CSR u l-infurzar tagħhom, li jinkludu miżuri f'kaz ta' ksur;

 

8.   Jitlob li dan il-kapitolu jkopri minimu ta' tmien konvenzjonijiet bażiċi tal-ILO u erba' konvenzjonijiet ta' prijorità u standards ambjentali li sar ftehim internazzjonali dwarhom, u jipprovdu wkoll inċentivi lill-impriżi biex jidħlu fl-obbligi tas-CSR u l-obbligu ta' diliġenza għall-impriżi u għall-gruppi tal-impriżi, jiġifieri obbligu biex jieħdu miżuri proattivi biex jidentifikaw u jipprevjenu kull vjolazzjoni ta' drittijiet umani jew ambjentali, korruzzjoni jew evażjoni fiskali, anke fis-sussidjarji u l-katini ta' provvista tagħhom; jitlob lill-Gvern Indjan biex jirratifika u japplika b'mod effikaċi l-konvenzjonijiet bażiċi kollha tal-ILO;

 

9.   Huwa mħasseb dwar l-użu tat-tħaddim tat-tfal fl-Indja, li ħafna drabi jiġu sfruttati f’kundizzjonijiet mhux sikuri u ħżiena għas-saħħa; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni matul in-negozjati dwar l-FTA u jitlob lill-Gvern Indjan biex jimmassimizza l-isforzi tiegħu biex jeqred il-kawżi fundamentali sabiex dan il-fenomenu jintemm;

 

10. Iqis li nuqqas ta' konformità ma' standards soċjali u ambjentali internazzjonali jikkostitwixxi forma ta' dumping li hu ta' detriment għal impriżi u ħaddiema Ewropej;

 

Kummerċ ta' oġġetti u agrikoltura

 

11. Jinnota li t-tariffi medji applikati tal-Indja naqsu iżda għadhom konsiderevolment ogħla mit-tariffi tal-UE, b'mod partikolari, it-tariffa medja tal-Indja għan-NAMA li bħalissa hija ta’ 10.1% meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 4%; u li t-tariffa medja tal-Indja għall-agrikoltura hi ta' 31.8% meta mqabbla mat-tariffa medja tal-UE ta' 13.5%;

 

12. Jitlob li l-ftehim jirrispetta s-setturi sensittivi Ewropej, l-industriji u l-agrikoltura u jipproteġi l-proprjetà industrijali u t-tikkettar oriġinali;

 

13. Jappella sabiex tingħata prijorità lit-tnaqqis tat-tariffi fil-kummerċ ġust u lil prodotti sostenibbli permezz ta' emendi xierqa tal-kodiċi tad-dwana tal-UE;

 

14. Iqis li hu importanti li l-FTA jinkludi kapitoli ambizzjużi dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, f'dan ir-rigward, tindirizza kwistjonijiet pendenti;

 

Il-Kummerċ fis-Servizzi

 

15. Jinnota li l-kummerċ fis-servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja huwa relattivament żbilanċjat; l-UE tesporta 1.9% tas-servizzi tagħha lejn l-Indja, filwaqt li l-Indja tesporta 11.6% tal-esportazzjoni totali tagħha lejn l-Unjoni Ewropea;

 

16. Jirrikonoxxi li s-servizzi huma l-iktar parti tal-ekonomija Indjana li qed tikber b'rata mgħaġġla; jinnota li l-Indja għandha interessi offensivi fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-Modalità 1 u tal-Modalità 4 tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS);

 

17. Iqis li minkejja l-interess tal-Indja fil-Modalità 4, kull ftuħ ta' servizzi taħt il-Modalità IV m'għandux ixekkel jew jippreġudika l-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali tal-ħaddiema, u għandu jiggarantixxi l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-pagament ugwali għal xogħol tal-istess valur;

 

18. Jiġbed l-attenzjoni li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bl-ebda mod m’għandha tfixkel id-dritt biex jiġu regolati s-servizzi, u speċjalment biex jinżammu u jiġu żviluppati servizzi pubbliċi sodi, element essenzjali għall-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali u d-demokrazija;

 

19. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji lista tas-servizzi li għandhom jiġu koperti, skont il-prinċipju ta' lista pożittiva, u biex teskludi minnha s-servizzi pubbliċi, u s-servizzi kulturali u awdjoviżivi;

 

Investimenti

 

20. Jenfasizza li l-kapitolu dwar l-investimenti għandu jippromwovi investiment ta' kwalità għolja, li jirrispetta l-ambjent u li jinkoraġġixxi kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol; jitlob ukoll li l-kapitolu tal-investiment jirrispetta d-dritt taż-żewġ partijiet biex jirregolaw, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, l-ambjent, is-saħħa pubblika, id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, il-politika industrijali u d-diversità kulturali;

 

21  Jistieden lill-Kummissjoni biex teskludi servizzi pubbliċi u setturi sensittivi bħall-kultura, l-edukazzjoni, id-difiża nazzjonali u s-saħħa pubblika mill-ftehimiet bl-iskop tal-investiment;

 

22. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma stennietx sakemm il-PE adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-politika futura tal-investiment qabel ma pproponaiet abbozz ta' mandat dwar negozjati ta' investiment lill-Kunsill; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-opinjoni espressa f'din ir-riżoluzzjoni qabel ma jipproponu l-abbozz tal-mandat dwar in-negozjati tal-investiment;

 

Akkwist pubbliku

 

23. Jinnota li l-Indja qablet li tinkludi l-akkwist pubbliku fl-FTA; jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja sistemi ta' akkwist effikaċi u trasparenti; jikkunsidra li huwa importanti li jiġu żgurati simetrija u trasparenza, b'mod partikolari f'każ tal-SMEs, fi proċeduri ta' akkwist pubbliku, filwaqt li titħares bis-sħiħ il-multifunzjonalità tal-politiki tal-akkwist;

 

24. Iqis li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-SMEs, u għalhekk jissuġġerixxi li fil-programmi kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja, l-SMEs jistgħu jiġu msaħħa permezz ta' miżuri li jgħinu sabiex jiġu ffinanzjati proġetti lokali proposti miċ-ċittadini;

 

Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali

 

25. Jilqa' l-impenn sod tal-Indja favur reġim tal-IPR b'saħħtu u favur l-użu ta' flessibilitajiet tal-ftehim TRIPS f'leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali, sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi tagħha rigward is-saħħa pubblika b'rabta mal-aċċess għall-mediċini; jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni u l-inforzar rigoruż filwaqt li jinżamm l-aċċess għal mediċini essenzjali; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex jiżguraw li l-impenji skont l-FTA ma jeskludux l-aċċess għal mediċini essenzjali waqt li l-Indja qed tiżviluppa l-kapaċità tagħha minn industrija ġenerika għal waħda bbażata fuq ir-riċerka; jenfasizza li dawn in-negozjati għandhom ikunu kompatibbli mal-ħarsien tal-bijodiversità u t-tagħrif tradizzjonali;

 

26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Indjani konċernati jelaboraw flimkien definizzjoni komuni tal-mediċini falsifikati b'mod li ma jkunux ta' periklu għall-aċċess għall-mediċini essenzjali, u jikkoordinaw l-azzjonijiet biex jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-falsifikazzjoni u, partikolarment, kontra mediċini falsifikati li jikkawżaw ħsara lil saħħet il-pazjenti;

 

27. Jitlob lill-KE biex ma titlobx esklussività tad-data fil-kuntest tan-negozjati tal-IPR, kif imniżżel fir-Reiżoluzzjoni tal-PE tat-12 ta' Lulju 2007, u biex tagħraf li l-esklussività tad-data jkollha konsegwenzi akbar għall-produzzjoni ta' mediċini ġeneriċi u b'hekk hija ta' detriment għall-aċċess għal mediċini u għall-politika tas-saħħa pubblika ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw;

 

28. Jenfasizza li livell għoli ta' protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi huwa ta' importanza kruċjali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-għarfien u l-protezzjoni effettiva tal-GIs;

 

Valutazzjonijiet tal-impatt

 

29. Jinsisti dwar l-obbligu assolut tal-Kummissjoni li tagħmel valutazzjonijiet indipendenti tal-impatt li jkunu żvelati pubblikament u aġġornati hekk kif in-negozjati javvanzaw biex jiċċekkjaw il-koerenza mal-politki l-oħra tal-UE u jagħmluhom strument deċiżiv ta' għajnuna għall-Kunsill u l-Parlament Ewropew;

 

30. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni settorjali dettaljata, li għandha teżamina l-impatt fuq is-setturi kollha li jistgħu jiġu affetwati mill-FTA; jirrikjedi kapitolu speċifiku dwar l-impatt tiegħu fuq l-impjiegi Ewropej;

 

31. Iħeġġeġ lill-partijiet biex jindirizzaw ukoll l-iżvantaġġi potenzjali tal-FTA u l-modi kif l-iżvilupp tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jintlaqtu ħażin minħabba l-ftuħ imgħaġġel tas-swieq; jagħraf id-dritt ta' gvernijiet biex iżommu l-ispazju politiku neċessarju u l-kapaċitajiet regolatorji biex jiffurmaw politiki ekonomiċi u soċjali li jservu lin-nies tagħhom;

 

32. Jenfasizza li l-FTA għandu jiżgura li din iż-żieda fil-kummerċ bilaterali ġġib magħha benefiċċji lill-akbar numru ta’ nies u tikkontribwixxi sabiex l-Indja tilħaq l-Għanijiet tagħha ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), inkluża l-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali;

 

33. Jenfassiza li l-FTA għandu jinkludi sistema ta’ monitoraġġ kontinwu u ta’ evalwazzjoni komprensiva, sabiex jiġi ddeterminat l-impatt soċjoekonomiku tal-ftehim; jappella biex id-dispożizzjonijiet tal-FTA ikunu aġġustati skont il-konklużjoni ta’ din l-evalwazzjoni;

 

L-irwol tal-Parlament Ewropew

 

34. Filwaqt li jikkunsidra l-impatt ta' negozjati kummerċjali fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tas-saħħa u l-ħtieġa għal kontroll demokratiku fuq kwistjonijiet kumplessi, ifakkar li l-Parlament għandu jinżamm infurmat b'mod adegwat f'kull stadju tan-negozjati;

 

35. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu bis-sħiħ it-talbiet tal-PE li ġew espressi f'din ir-riżoluzzjoni qabel jikkonkludu l-FTA; ifakkar li l-FTA jeħtieġ il-kunsens tal-PE sabiex jidħol fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ma jipproponu l-ebda applikazzjoni proviżorja tal-ftehim qabel ma l-PE ikun ta l-kunsens tiegħu;

 

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Indja.