Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0349/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0349/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel: Is-sitwazzjoni wara r-referendum 2011

6.6.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ivo Vajgl, Charles Goerens, Louis Michel, Marielle De Sarnez, Marietje Schaake, Alexandra Thein, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0349/2011

Proċedura : 2011/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0349/2011
Testi mressqa :
B7-0349/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0349/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel: Is-sitwazzjoni wara r-referendum 2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi 2005 fis-Sudan (CPA),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1978 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-31 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tal-24 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni 9953/11 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea ppreżentata XXXX ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-Referendum tas-Sudan t'Isfel sar mid-9 sal-15 ta' Jannar 2011, b'aktar minn 98% tal-votanti tas-Sudan t'Isfel jagħżlu favur separazzjoni mis-Sudan ta' Fuq,

B.  billi s-Sudan t'Isfel hu mistenni jiddikjara b'mod uffiċjali l-indipendenza tiegħu fid-9 ta' Lulju 2011,

C. billi s-Sudan t'Isfel ser ikun wieħed mill-aktar pajjiżi foqra u l-anqas żviluppati fid-dinja, b'waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi u bl-iżjed indikaturi baxxi tal-edukazzjoni fid-dinja,

D. billi ċertu aspetti tas-CPA ma seħħewx f'waqthom jew għadhom ma ġewx implimentati, inkluż il-konsultazzjonijiet popolari fin-nofsinhar ta' Kordofan u fil-Blue Nile u r-referendum ta' Abyei,

E.  billi kwistjonijiet importanti jibqgħu pendenti, bħalma huma d-demarkazzjoni tal-fruntieri, iċ-ċittadinanza (parikolarment l-għadd kbir ta' nies oriġinarji min-Nofsinhar li ġejjin lura mit-Tramuntana), il-kondiviżjoni tad-dħul finanzjarju miż-żejt u l-użu tal-pipelines u d-dejn pubbliku,

1.  Jilqa' l-imġieba paċifika u kredibbli kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel fir-referendum tas-Sudan t'Isfel 2011; iqis dan bħala pass kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi fis-Sudan (CPA) u bħala sinjal pożittiv għall-koeżistenza paċifika taż-żewġ pajjiżi;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tirrispetta x-xewqat tal-poplu tas-Sudan t'Isfel u jilqa' l-impenn tal-Gvern tas-Sudan biex jagħmel l-istess; jenfasizza l-importanza ta' involviment kontinwu tal-UE kemm mas-Sudan kif ukoll mas-Sudan t'Isfel;

3.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet għas-CPA biex ikomplu jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-popli kollha fis-Sudan, b'mod partikolari fl-istat ta' Abyei; jikkundanna l-vjolenzi reċenti f'dan ir-reġjun u jiddispjaċih għat-telf ta' ħajja; jitlob lill-forzi armati kemm Sudaniżi kif ukoll dawk tas-Sudan t'Isfel jirtiraw minn Abyei u liż-żewġ naħat juru trażżin billi jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv għal soluzzjoni paċifika dwar l-istatus ta' Abyei, fi ħdan il-qafas tas-CPA;

4.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli għas-Sudan tal-UA taħt it-tmexxija ta' Thabo Mbeki, biex jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet għas-CPA; jafferma mill-ġdid li l-UE trid tkun lesta tipprovdi kwalunkwe għajnuna ulterjuri li hi meħtieġa;

5.  Iħeġġeġ lill-partijiet biex isolvu malajr il-kwistjonijiet pendenti kollha tas-CPA u ta' wara r-Referendum, inkluż il-kondiviżjoni tad-dħul finanzjarju miż-żejt u l-użu tal-pipelines, l-arranġamenti għaċ-ċittadinanza kemm tan-naħa t'isfel kif ukoll tan-naħa ta' fuq u l-organizzazzjoni ta' Konsultazzjonijiet Popolari fil-Blue Nile u l-Kordofan tan-Nofsinhar;

6.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2011 li jalloka 200 miljun euro lis-Sudan t'Isfel apparti l-150 miljun euro allokati s-sena l-oħra biex jgħinu l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli mas-Sudan kollu; jisħaq li dawn il-flus ġodda għandhom ikunu biex jappoġġaw servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni, is-saħħa, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali; ifakkar li trid tingħata attenzjoni speċjali lis-Sudan t'Isfel sabiex ikun megħjun jimxi 'l quddiem lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju;

7.  Jenfasizza li l-UE jrid ikollha rwol prinċipali fil-Konferenza tad-Donaturi tas-Sudan t'Isfel aktar tard din is-sena u tinkuraġixxi b'mod attiv donaturi oħrajn biex jagħmlu l-istess; jitlob lill-kredituri internazzjonali jneħħu d-dejn internazzjonali tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel;

8.  Jisħaq li l-governanza u l-aċċess ġust għar-riżorsi naturali jkunu essenzjali għall-prosperità tas-Sudan t'Isfel; jenfasizza li l-entitajiet multinazzjonali u l-intrapriżi barranin kollha li joperaw fir-reġjun huma rregolati biżżejjed u jiddikjaraw b'mod trasparenti l-attivitajiet u d-dħul tagħhom;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jadotta approċċ trasparenti, responsabbli u inklużiv għall-governanza tul il-proċess ta' rieżami kostituzzjonali ; jisħaq l-importanza li l-partiti politiċi kollha jaħdmu flimkien biex jirrappreżentaw b'mod sħiħ il-popolazzjonijiet kollha tal-pajjiż u jgħinu fil-bini ta' istituzzjonijiet politiċi demokratiċi stabbli;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lir-rappreżentant speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan.