Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0350/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0350/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel: is-sitwazzjoni wara r-referendum tal-2011

6.6.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Véronique De Keyser, Thijs Berman, Ana Gomes, Richard Howitt, Vincent Peillon f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0349/2011

Proċedura : 2011/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0350/2011
Testi mressqa :
B7-0350/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0350/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel: is-sitwazzjoni wara r-referendum tal-201

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi fis-Sudan tal-2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1978 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-31 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-24 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni 9953/11 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Osservazzjoni tar-Referendum ipprenżentata fit-2 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-Referendum tas-Sudan t'Isfel sar mid-9 sal-15 ta' Jannar 2011, b'aktar minn 98% tal-votanti tas-Sudan t'Isfel jagħżlu s-separazzjoni mis-Sudan ta' Fuq,

B.  billi s-Sudan t'Isfel hu mistenni jiddikjara b'mod formali l-indipendenza tiegħu fid-9 ta' Lulju 2011,

C. billi s-Sudan t'Isfel se jkun wieħed mill-aktar pajjiżi foqra u l-anqas żviluppati fid-dinja, b'waħda mill-aktar rati għoljin ta' mortalità tat-trabi u bl-iżjed indikaturi baxxi tal-edukazzjoni fid-dinja,

D. billi ċertu aspetti tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi ma twettqux f'waqthom jew għadhom ma ġewx implimentati, inklużi l-konsultazzjonijiet popolari fin-nofsinhar ta' Kordofan u fi Blue Nile u r-referendum dwar Abyei,

E.  billi għad fadal kwistjonijiet importanti pendenti, bħalma huma d-demarkazzjoni tal-fruntieri, iċ-ċittadinanza (parikolarment l-għadd kbir ta' nies mis-Sudan t'Isfel li ġejjin lura mis-Sudan ta' Fuq), il-qsim tad-dħul finanzjarju miż-żejt u l-użu tal-pipelines u d-dejn pubbliku,

1.  Jilqa' l-imġieba paċifika u kredibbli kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel fir-referendum tal-2011 dwar is-Sudan t'Isfel; iqis li dan huwa pass kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi u sinjal pożittiv għall-koeżistenza paċifika taż-żewġ pajjiżi;

2.  Itenni l-impenn tal-UE li tirrispetta x-xewqat tal-poplu tas-Sudan t'Isfel u jilqa' l-impenn tal-Gvern tas-Sudan li jagħmel l-istess; jenfasizza l-importanza tal-involviment kontinwu tal-UE kemm mas-Sudan kif ukoll mas-Sudan t'Isfel;

3.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet għall-Ftehim Komprensiv ta' Paċi jkomplu jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-popli kollha fis-Sudan, b'mod partikolari fl-istat ta' Abyei; jikkundanna l-vjolenza reċenti f'dan ir-reġjun u jiddispjaċih dwar it-telf ta' ħajja; jitlob li l forzi armati kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel jirtiraw minn Abyei u li ż-żewġ naħat juru trażżin billi jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv għal soluzzjoni paċifika dwar l-istatus ta' Abyei, fi ħdan il-qafas tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jippromwovu l-iżvilupp tas-Sudan t'Isfel bħala stat modern, pluralistiku u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt u bir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-preminenza tad-drittijiet taċ-ċittadini li jagħżlu l-gvern tagħhom permezz ta' elezzjonijiet regolari u ħielsa, il-protezzjoni tal-libertà ta' moviment, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà li dak li jkun jesprimi l-fehmiet politiċi tiegħu inkorporati kemm fil-Kostituzzjoni kif ukoll fid-dritt;

5.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-UA għas-Sudan taħt it-tmexxija ta' Thabo Mbeki, biex jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet għall-Ftehim Komprensiv ta' Paċi; jafferma mill-ġdid li l-UE trid tkun lesta tipprovdi kwalunkwe assistenza ulterjuri li hi meħtieġa;

6.  Iħeġġeġ lill-partijiet isolvu malajr il-kwistjonijiet pendenti kollha tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi u ta' wara r-Referendum, inkluż il-kondiviżjoni tad-dħul finanzjarju miż-żejt u l-użu tal-pipelines, l-arranġamenti dwar iċ-ċittadinanza għaċ-ċittadini kemm tas-Sudan t'Isfel kif ukoll tas-Sudan ta' Fuq u l-organizzazzjoni ta' Konsultazzjonijiet Popolari fi Blue Nile u fin-nofsinhar ta' Kordofan;

7.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-allokazzjoni ta' EUR 200 miljun lis-Sudan t'Isfel apparti l-EUR 150 miljun allokati s-sena l-oħra biex jgħinu l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli mas-Sudan kollu; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-flus ġodda għandhom iservu ta' appoġġ għas-servizzi bażiċi, speċifikament l-edukazzjoni, is-saħħa, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali; itenni li trid tingħata attenzjoni speċjali lis-Sudan t'Isfel sabiex jiġi megħjun fil-progress tiegħu lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

8.  Jenfasizza li l-UE trid tiżvolġi rwol mexxej fil-Konferenza tad-Donaturi tas-Sudan t'Isfel aktar tard din is-sena u tinkuraġixxi b'mod attiv lil donaturi oħrajn biex jagħmlu l-istess; jistieden lill-kredituri internazzjonali jħassru d-dejn internazzjonali tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-governanza u l-aċċess ġust għar-riżorsi naturali se jkunu essenzjali għall-prosperità tas-Sudan t'Isfel; jenfasizza li l-entitajiet multinazzjonali u l-intrapriżi barranin kollha li joperaw fir-reġjun ikunu regolati biżżejjed u jiddikjaraw b'mod trasparenti l-attivitajiet u d-dħul tagħhom;

10. Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jadotta approċċ trasparenti, responsabbli u inklużiv għal governanza tul il-proċess ta' rieżami kostituzzjonali; jisħaq fuq l-importanza li l-partiti politiċi kollha jaħdmu flimkien biex jirrappreżentaw kompletament lill-poplu kollu tal-pajjiż u jgħinu fil-bini ta' istituzzjonijiet politiċi demokratiċi stabbli;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lir-rappreżentant speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan.