MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, is-sitwazzjoni wara r-referendum 2011
6.6.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Gabriele Zimmer, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0352/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, is-sitwazzjoni wara r-referendum 2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi 2005 fis-Sudan (CPA),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1978 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-31 ta' Jannar 2011,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni 9953/11 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Referendum tas-Sudan t'Isfel sar mid-9 sal-15 ta' Jannar 2011, b'aktar minn 98% tal-votanti tas-Sudan t'Isfel jagħżlu favur separazzjoni mis-Sudan ta' Fuq,
B. billi s-Sudan t'Isfel hu mistenni jiddikjara b'mod uffiċjali l-indipendenza tiegħu fid-9 ta' Lulju 2011,
C. billi s-Sudan t'Isfel ser ikun wieħed mill-aktar pajjiżi foqra u l-anqas żviluppati fid-dinja, b'waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi u bl-iżjed indikaturi baxxi tal-edukazzjoni fid-dinja,
D. billi ċertu aspetti tas-CPA ma seħħewx f'waqthom jew għadhom ma ġewx implimentati, inkluż il-konsultazzjonijiet popolari fin-nofsinhar ta' Kordofan u fil-Blue Nile u r-referendum ta' Abyei,
E. billi kwistjonijiet importanti jibqgħu pendenti, bħalma huma d-demarkazzjoni tal-fruntieri, iċ-ċittadinanza (parikolarment l-għadd kbir ta' nies oriġinarji min-Nofsinhar li ġejjin lura mit-Tramuntana), il-qsim tad-dħul finanzjarju miż-żejt u l-użu tal-pipelines u d-dejn pubbliku,
F. billi t-tensjonijiet fuq il-punt kritiku tas-Sudan li hu r-reġjun ta' Abyei u r-reġjuni tal-bjar taż-żejt għadhom għaddejin; billi għexieren ta' eluf ta' persuni ġew spustjati mir-reġjun ta' Abyei u qed jgħixu fil-beraħ mingħajr ikel jew bżonnijiet bażiċi; billi l-assistenza ta' emerġenza għall-ikel u l-protezzjoni minn aġenziji internazzjonali li jipprovdu l-għajnuna mhumiex biżżejjed għall-influss ta' refuġjati,
G. billi l-mandat tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sudan (MINUS) kien ippjanat li jiskadi fid-9 ta' Lulju, meta s-Sudan t'Isfel ikun uffiċjalment iddikjarat indipendenti,
H. billi l-gvern tas-Sudan t'Isfel talab lin-NU jistabbilixxu missjoni ta' segwitu wara li jiskadi l-mandat attwali; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon ippropona missjoni ġdida tan-NU għas-Sudan t'Isfel, fejn talab 7 000 truppi biex jipproteġu liċ-ċivili u mandat biex jgħin lill-gvern jipprevjeni kunflitti ġodda u jżomm il-paċi,
1. Jilqa' l-imġieba paċifika u kredibbli kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel fir-referendum tas-Sudan t'Isfel 2011; iqis dan bħala pass kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi fis-Sudan (CPA) u lejn il-koeżistenza paċifika taż-żewġ pajjiżi;
2. Ifakkar fl-impenn tal-UE li tirrispetta x-xewqat tal-poplu tas-Sudan t'Isfel u jilqa' l-impenn tal-gvern tas-Sudan biex jagħmel l-istess;
3. Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet għas-CPA biex ikomplu jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-popli kollha fis-Sudan, b'mod partikolari fl-istat ta' Abyei; jikkundanna l-vjolenzi reċenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dan ir-reġjun u jiddispjaċih għat-telf ta' ħajja; jitlob lill-forzi armati kemm Sudaniżi kif ukoll dawk tas-Sudan t'Isfel jirtiraw minn Abyei u liż-żewġ naħat juru trażżin billi jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv għal soluzzjoni paċifika dwar l-istatus ta' Abyei, fi ħdan il-qafas tas-CPA; jitlob għal waqfien immedjat ta' kwalunkwe forniment ta' armamenti lejn is-Sudan, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Abyei;
4. Jitlob li kwalunkwe missjoni ta' segwitu ġdida tan-NU għandha titgħallem mill-missjoni dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fejn twettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq it-tmiem ta' kwalunkwe kooperazzjoni ċivili-militari;
5. Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli għas-Sudan tal-UA taħt it-tmexxija ta' Thabo Mbeki, biex jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet għas-CPA; jilqa' l-ewwel riżultati tan-negozjati, b'mod partikolari l-ftehim dwar żona li mhix militarizzata tul il-fruntiera futura bejn is-Sudan ta' Fuq u t'Isfel;
6. Jitlob lill-Kummissjoni talloka għajnuna umanitarja ta' urġenza biex tilħaq il-bżonnijiet tar-refuġjati mir-reġjun tal-Abyei;
7. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2011 biex jalloka 200 miljun euro lis-Sudan t'Isfel apparti l-150 miljun euro allokati s-sena l-oħra biex jgħinu l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli mas-Sudan kollu; jisħaq li dawn il-flus ġodda għandhom ikunu biex jappoġġaw servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni, is-saħħa, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali; jenfasizza li hemm bżonn ta' sforzi partikolari biex isir progress lejn l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju f'dan ir-reġjun partikolarment fqir; jinsisti għal allokazzjoni ekwa u ġusta tal-għajnuna mingħajr ma tiffavurixxi jew tittraskura reġjuni jew sħab sabiex tevita li toħloq rivalitajiet jew tensjonijiet;
8. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiffukaw l-għajnuna tagħhom għar-reġjun fuq il-proġetti ta' żvilupp ċivili minflok fuq għajnuna militari u jinsisti għal tmiem tal-missjoni ta' taħriġ militari;
9. Jitlob lill-kredituri internazzjonali jtemmu immedjatament kwalunkwe ripagament ta' dejn mis-Sudan u s-Sudan t'Isfel, jiffriżaw ir-rati tal-interessi u jorganizzaw verifika tad-dejn sabiex tiġi identifikata l-parti minnha li hi illeġittima;
10. Jinsisti fuq ir-rispett tas-sovranità tal-poplu tas-Sudan ta' Fuq u t'Isfel b'rabta mar-riżorsi naturali tagħhom; jisħaq li l-governanza u l-aċċess ġust għar-riżorsi naturali jkunu essenzjali għall-prosperità tar-reġjun; jenfasizza li l-esplorazzjoni tar-riżorsi naturali għandha bżonn ta' regolament statali u trasparenza, b'mod partikolari kif ikkonċernat;
11. Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jadotta approċċ trasparenti, responsabbli u inklużiv għall-governanza tul il-proċess ta' reviżjoni kostituzzjonali; jisħaq dwar l-importanza li l-partiti politiċi kollha jaħdmu flimkien biex jirrappreżentaw b'mod sħiħ il-popolazzjonijiet kollha tal-pajjiż u jgħinu fil-bini ta' istituzzjonijiet politiċi demokratiċi;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lir-rappreżentant speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan.