Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0354/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0354/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel

6.6.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Mariya Nedelcheva, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Michael Gahler, Nadezhda Neynsky, Joachim Zeller, Michèle Striffler, Giovanni La Via f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0349/2011

Proċedura : 2011/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0354/2011
Testi mressqa :
B7-0354/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0354/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Sudan u s-Sudan t'Isfel

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi iffirmat bejn il-partijiet Sudaniżi fid-9 ta' Jannar 2005,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan tal-31 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Frar 2011 mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-riżultati finali tar-referendum rigward l-awtodeterminazzjoni tas-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1978(2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2011 tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni tas-Sudan,

–   wara li kkunsidra rl-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-riżultati finali tar-referendum tad-9 ta' Jannar 2011 dwar l-awtodeterminazzjoni tas-Sudan t'Isfel ikkonfermaw b'maġġoranza qawwija d-determinazzjoni tal-votanti li jitwaqqaf stat indipendenti; u billi r-referendum, li r-riżultat tiegħu tħabbar mill-Kummissjoni dwar ir-Referendum tas-Sudan t'Isfel u kien aċċettat mill-Gvern tas-Sudan, jidher li seħħ f'kundizzjonijiet ġusti u paċifiċi skont l-osservaturi tal-UE u dawk internazzjonali,

B.  billi s-Sudan t'Isfel se jiddikjara l-indipendenza tiegħu fid-9 ta' Lulju 2011, li jaħbat mal-iskadenza tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA);

C. billi, bħala stat ġdid u billi dan huwa wieħed mill-inqas reġjuni żviluppati fid-dinja, is-Sudan t'Isfel se jiffaċċja sfidi umanitarji, soċjoekonomiċi u ta' sigurtà kbar, f'kuntest ta' faqar estrem, standards baxxi ħafna ta' żviluppi umani u nuqqas ta' kapaċità tal-istat,

D. billi għad jeħtieġ li jsiru sforzi kbar biex jissolvew il-kwistjonijiet pendenti li jħalli s-CPA qabel is-seċessjoni, u li jintlaħaq ftehim dwar in-negozjati ta' wara r-referendum, bħall-qsim tad-dħul miż-żejt, il-fruntieri, iċ-ċittadinanza u t-tqassim tad-djun u tal-assi;

E.  billi, mir-referendum ta' Jannar, żdiedu t-tensjonijiet bejn is-Sudan ta' Fuq u s-Sudan t'Isfel, b'elementi destabilizzanti li pprotestaw kontra r-riżultati tal-votazzjoni u l-leġittimità tal-poter il-ġdid, u b'rapporti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ta' arresti arbitrarji mill-pulizija u mill-militar,

F.  billi l-istatus taż-żoni ta' kunflitt għadu ma ġiex solvut, u billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar f'Abyei, u dan ħoloq mijiet ta' mejtin u l-esodu ta' eluf ta' persuni, u mill-21 ta' Mejju, din iż-żona qed tiġi okkupata mill-Forzi Armati tas-Sudan, u nsterqu 'l fuq minn 800 tunnellata ta' provvisti umanitarji

G. billi mill-2003, fid-Darfur inqatlu 300,000 persuna u ġew spustjati 2.7 miljun persuna; billi s-sitwazzjoni fid-Darfur għadha tqajjem tħassib kbir; billi reċentement, il-Missjoni tan-NU fid-Darfur irrappurtat bombardamenti mill-Gvern, u billi bosta ħaddiema umanitarji nħatfu bħala ostaġġi fir-reġjun; billi l-missjoni tgħaddi minn turment regolari, ħtif u nuqqas ġenerali ta' sigurtà,

1.  Ifakkar fir-rispett sħiħ tar-riżultat tar-referendum bħala l-espressjoni tar-rieda demokratika tal-poplu tas-Sudan t'Isfel; jistieden kemm lis-Sudan ta' Fuq kif ukoll lis-Sudan t'Isfel biex jippromwovu l-governanza demokratika u jwaqqfu paċi, sigurtà u prosperità fuq medda twila ta' żmien għaż-żewġ pajjiżi;

2.  Jifraħ lill-partijiet tas-CPA għall-isforzi u l-impenn murija fil-proċess tar-referendum u wara t-tħabbir tar-riżultati; iqis madankollu li s-sitwazzjoni fiż-żewġ pajjiżi għadha toħloq theddid għall-istabilità tar-reġjun;

3.  Itenni li r-referendum huwa parti minn proċess li għandu jwassal għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija; f'dan il-kuntest, ifakkar fl-importanza tad-diversità politika, etnika, kulturali u reliġjuża u jitlob li jkun hemm parteċipazzjoni ikbar tas-soċjetà ċivili fil-bini tal-istat;

4.  Jinsisti dwar l-importanza li tiġi provsita għajnuna esterna; jilqa' għalhekk id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2011 li jiġu allokati EUR 200 miljun għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp mas-Sudan t'Isfel biex il-komunitajiet lokali jiġu msaħħa u jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni, u jiffaċċjaw in-nuqqas ta' riżorsi umani u ta' infrastruttura;

5.  Jistieden lill-partijiet kollha tas-CPA jibdew djalogu kontinwu u kostruttiv biex jindirizzaw kwistjonijiet pendenti relatati ma' fruntieri komuni, ċittadinanza u d-drittijiet tal-popli u l-obbligi internazzjonali; ifakkar li t-tilwima dwar l-għana miż-żejt għandha tissolva u li huwa essenzjali li jintlaħaq ftehim bejn is-Sudan t'Isfel u s-Sudan ta' Fuq peress li s-Sudan t'Isfel se jkun kompletament dipendenti fuq l-infrastruttura tas-Sudan ta' Fuq f'dan il-qasam; iwissi kontra r-riskji tas-serq ta' provvisti umanitarji u jfakkar dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti għall-prevenzjoni ta' fenomenu bħal dan;

6.  Jikkundanna bis-saħħa l-attakk volontarju fuq il-Missjoni tan-NU għas-Sudan (MINUS) tal-10 ta' Mejju 2011 fiż-żona ta' Abyei, li wassal biex indarbu b'mod serju 4 ħaddiema tal-paċi tan-NU; iqis li Abyei jikkostitwixxi l-iktar kwistjoni preokkupanti u jiddenunzja l-militarizzazzjoni ta' din iż-żona kemm mis-Sudan ta' Fuq kif ukoll mis-Sudan t'Isfel; jiddispjaċih li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar referendum ad-hoc b'rabta ma' dan ir-reġjun bejn iż-żewġ partijiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tas-CPA, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex isolvu l-kwistjoni amministrattiva b'tali mod li jiġu rispettati d-drittijiet u l-interessi tal-popolazzjoni;

7.  Jappoġġa bis-saħħa l-isforzi kontinwi magħmula mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarjat Ġenerali tan-NU għas-Sudan, Haile Menkerios, biex iż-żewġ partijiet jinġiebu fuq il-mejda tan-negozjati sabiex tittaffa s-sitwazzjoni fir-reġjun ta' Abyei; jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni li saru minn Thabo Mbeki, President tal-Panil ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana (UA) għas-Sudan; iħeġġeġ lill-UE tieħu sehem fil-proċess ta' medjazzjoni;

8.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli li tikkundanna bis-saħħa l-kunflitti vjolenti reċenti u l-okkupazzjoni ta' Abyei, u tħeġġeġ lill-partijiet kollha jirtiraw il-forzi mhux awtorizzati li jinsabu fil-post u li jmorru kontra l-Protokoll Permanenti ta' Waqfien mill-Ġlied tas-CPA, u biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu liċ-ċivili u jevitaw li jkun hemm imwiet;

9.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet appoġġati min-Nazzjonijiet Uniti dwar il-proċess tal-paċi fid-Darfur, li saru f'Doha, Qatar, mis-27 sal-31 ta' Mejju 2011; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied u ta' twaqqif tal-kunflitti li diġà ġew iffirmati; iħeġġeġ lill-movimenti armati l-oħra kollha tad-Darfur biex itemmu l-kunflitti u jiffirmaw ftehim ta' waqfien mill-ġlied mal-Gvern tas-Sudan; jappoġġa bis-saħħa - fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' Doha - l-ilħiq ta' waqfien mill-ġlied permanenti u ta' ftehim komprensiv ta' paċi fid-Darfur;

10. Ifakkar fl-importanza ta' trasparenza sħiħa matul in-negozjati dwar il-kwistjonijiet tad-Darfur u ta' Abyei, kif ukoll dwar id-djalogu ġenerali bejn is-Sudan t'Isfel u s-Sudan ta' Fuq; jitlob li jkun hemm rappreżentanza tal-partijiet kollha involuti fit-tilwima, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-mexxejja politiċi fil-livelli lokali, nazzjonli u internazzjonali;

11. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward ta' rapporti dwar arresti arbitrarji u żamma ta' membri tal-partit tal-oppożizzjoni, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u studenti, u jtenni li l-istat il-ġdid għandu jinbena fuq prinċipji demokratiċi, b'rispett għall-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

12. F'dan ir-rigward, jilqa' d-deċiżjoni tal-UNSC biex jiġi estiż il-mandat tal-Missjoni tan-NU għas-Sudan (MINUS) u biex jintbagħtu forzi addizzjonali ta' żamma tal-paċi fis-Sudan; iqis li preżenza kontinwa tan-NU hija siewja ferm għall-iżvilupp paċifiku ta' żewġ stati vijabbli;

13. Jistieden lill-Unjoni Afrikana tkun ippreparata tintervieni b'mod immedjat fil-każ ta' intervent min-naħa tas-Sudan ta' Fuq fis-Sudan t'Isfel, bl-intenzjoni li jokkupa territorji li jsejjaħ 'konflittwali' u b'hekk joħloq kunflitt iffriżat ieħor, did-darba fl-Afrika;

14. Jistieden liż-żewġ partijiet biex, b'rabta ma' jum l-indipendenza fid-9 ta' Lulju, jippreżentaw pjanijiet konkreti dwar it-twaqqif u/jew ir-riforma tal-istituzzjonijiet tagħhom sabiex iż-żewġ Stati jkunu vijabbli minn din id-data;

15. Jitlob li Kartum tirratifika l-verżjoni riveduta tal-Ftehim ta' Kotonou ta' Awwissu 2009 u biex tirrikonoxxi l-Istatut ta' Ruma; jinsisti madankollu dwar l-implimentazzjoni tal-mandat ta' arrest internazzjonali maħruġ kontra Omar Al-Bashir mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC);

16. Jesprimi l-impenn tiegħu għall-iżvilupp ta' sħubija mill-qrib maż-żewġ partijiet tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi bħala akkumpanjament għal relazzjoni sostenibbli bejn is-Sudan ta' Fuq u t'Isfel;

17. Jistieden lill-UE tippreċiża l-mandat tar-rappreżentanzi diplomatiċi tagħha kemm fis-Sudan ta' Fuq kif ukoll fis-Sudan t'Isfel u jħeġġu koperazzjoni stretta bejn ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan u d-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan ta' Fuq u t'Isfel;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Catherine Ashton, lill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u s-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.