Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0381/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0381/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012

29.6.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta’ Proċedura

József Szájer, Joseph Daul f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0381/2011

Proċedura : 2011/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0381/2011
Testi mressqa :
B7-0381/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0381

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 (COM(2010)623/2),

–   wara li kkunsidra l-aħħar Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi huwa kruċjali li d-Djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jitwettaq bla dewmien sabiex l-isforzi jistgħu jiffukaw fuq id-definizzjoni tal-għanijiet strateġiċi ewlenin tal-UE għas-sena d-dieħla u s-snin li ġejjin,

B.  billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jitqabblu mar-riżorsi finanzjarji disponibbli,

C. billi l-politika Ewropea u l-azzjoni id f'id mal-Istati Membri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu u għandu jkollhom influwenza reali biex jgħinu liċ-ċittadini jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà li qed tinbidel malajr,

1.  Jemmen bis-sħiħ li għandha tiġi żviluppata iktar il-valutazzjoni politika sistematika kontinwa matul id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-PE tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma pendenti tal-Kummissjoni;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta l-acquis għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE mill-aktar fis possibbli skont skeda ċara;

IR-RESTAWR TAT-TKABBIR GĦALL-IMPJIEGI: L-AĊĊELLERAZZJONI LEJN L-2020

3.  Jemmen li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun ir-riferiment politiku ewlieni għall-Unjoni Ewropea fl-2012; jilqa' l-proposti li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattivi Emblematiċi u jitlob lill-Kummissjoni tressaq suġġerimenti aktar dettaljati li jappoġġaw il-miri għall-2020, b’mod partikolari fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi multiannwali (eż. l-FP8, il-fondi strutturali u l-programm CIP); iqis, barra minn hekk, li t-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku hija element essenzjali tal-istrateġija Ewropa 2020 li jżid is-sinerġiji bejn id-diversi inizjattivi emblematiċi tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multinannwali (MFF) wara l-2013 billi tiżgura fluss ta’ informazzjoni lejn il-PE u billi tiffaċilita djalogu miftuħ u kostruttiv u kollaborazzjoni sħiħa skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona matul il-proċedura kollha skont l-impenn meħud mill-Presidenzi tal-Kunsill f’Diċembru 2010; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu kull sforz neċessarju biex jintlaħaq ftehim kemm jista’ jkun malajr mal-Parlament dwar metodu ta’ ħidma prattiku għall-MFF; ifakkar li l-kunsens tal-Parlament, abbażi ta’ rapport tal-Kumitat għall-Baġits, hu obbligatorju biex il-Kunsill jadotta l-MFF; ifakkar fil-linji gwida tal-PE għall-MFF wara l-2013 kif ivvutat fir-rapport SURE ‘Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva’;

5.  Jistenna li l-Proposta għall-Qafas Strateġiku Komuni (CSF) li jkopri l-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) tasal malajr kemm jista’ jkun u jitlob lill-Kummissjoni tressaq Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-bażi legali tiegħu jkunu l-Artikoli 289 (1) u 294 (TFUE); iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tippreżenta Proposta ġdida għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (REGI); Jenfasizza li l-ammonti allokati għall-politika ta’ koeżjoni fil-qafas finanzjarju multiannwali futur għandhom tal-inqas jinżammu fil-livell ta’ dawk preżenti;

Ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju: tlestija tar-riforma

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bħala kwistjoni ta' urġenza:

 

     -    il-proposta għar-raba’ direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital (CRD 4);

     -    proposta għal direttiva dwar swieq fl-istrumenti finanzjarji (MIFID), li  jipprovdu għal qafas regolatorju ewlieni tan-negozju ta’ titoli, taċ-ċentri ta’ negozju u   tat-tmexxija tal-kummerċ għall-impriżi ta’ investiment;

     -    proposta dwar il-ġestjoni tal-kriżi għall-banek / istituzzjonijiet tal-kreditu, ladarba          t-test tal-istress bankarju, li qed isir bħalissa, jiġi konkluż;

 

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2012 tippreżenta lill-Parlament Ewropew:

     -    proposti ulterjuri biex l-attivitajiet bankarji bl-imnut, li għadhom ibbażati ħafna fuq livell nazzjonali, jiġu integrati,  biex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-vantaġġi ta’ suq finanzjarju madwar l-UE kollha;

     -    proposta għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-kriżi għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni;

 

Tkabbir intelliġenti

8.  Ifakkar fl-importanza dejjem ikbar tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR) għat-tkabbir ekonomiku u l-potenzjal kreattiv tal-Ewropa u jenfasizza li protezzjoni adegwata ta’ dawk id-drittijiet għandha tiġi assigurata; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-IPR u jitlob lill-Kummissjoni biex minnufih issegwi bi proposti konkreti f’dan il-qasam;

9.  Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tressaq proposta leġiżlattiva għall-Programm Qafas li jmiss dwar ir-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u d-Dimostrazzjoni (FP 8) dis-sena stess;

Tkabbir sostenibbli

10. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-Istrateġija tal-Klima tagħha biex trawwem ir-rwol ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-istess ħin issaħaħ il-kompetittività tal-UE u tgħin biex jintlaħaq ftehim internazzjonali bbilanċjat;

11. Jappella għal strateġija komprensiva tal-UE dwar l-enerġija esterna, l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet dwar il-materja prima u l-metalli rari u tingħata priorità lis-swieq globali miftuħa;

12. Jagħti l-ogħla importanza lir-reviżjoni f’waqtha tad-direttiva dwar is-sikurezza nukleari fl-2012 sabiex tissaħħaħ id-direttiva filwaqt li jitqiesu r-riżultati tat-testijiet tal-istress u jistieden lill-Kunsill biex ma jinjorax it-talbiet prinċipali tal-Parlament;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq:

     proposta għas-7 Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent Komunitarju

     pjan għal Strateġija inklussiva tal-UE dwar l-Ilma biex tiġi integrata fil-politiki tal-UE relevanti kollha,

     strateġija qawwija dwar il-Bijodiversità,

     proposta leġiżlattiva biex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ ikel derivat minn annimali kklonati u mid-dixxendenti tagħhom,

     proposta leġiżlattiva dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzati;

14. Jemmen li għandha tingħata priorità lir-reviżjoni f’waqtha tal-linji gwida TEN-T sabiex jiġi żviluppat netwerk ta’ trasport multimodali komprensiv b’komodalità u interoperabilità effikaċi; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-liberalizzazzjoni tas-settur ferrovjarju flimkien mal-estensjoni tal-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u tas-sikurezza;

15. Iħeġġeġ mill-ġdid biex tiġi inkorporata l-idea tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta’ trasport fi proposta leġiżlattiva, sakemm id-dħul iġġenerat fil-livell tal-UE jintuża biex itejjeb is-sostenibbiltà tal-mobilità;

16. Jitlob politika agrikola b'saħħitha, sostenibbli, kompetittiva u ġusta, li taqdi lill-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej, tippromwovi l-iżvilupp rurali u tipproteġi l-ambjent; jenfasizza li l-Politika Agrikola Komuni futura se tkompli tiżgura li wara l-2013 il-popolazzjoni Ewropea jkollha ikel ta’ kwalità għolu u fl-istess ħin għall-but ta’ kulħadd; jitlob għall-implimentazzjoni effikaċi u mingħajr burokrazija tal-hekk imsejjaħ ‘tħaddir’ tal-PAK; jiċħad għalhekk l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ħlas, kontroll u sanzjonijiet addizzjonali; f'dan il-kuntest, jappoġġa s-simplifikazzjoni tal-PAK u tar-regoli dwar il-konformità reċiproka eżistenti u jitlob li jinżamm baġit agrikolu tal-UE suffiċenti għall-perjodu finanzjarju li jmiss tal-inqas fl-istess livell tal-baġit agrikolu għall-2013;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa għal politika ta’ promozzjoni koerenti, effikaċi u, fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-suq, xierqa tal-UE sabiex iżidu l-kompetittività tas-settur agrikolu u biex titqajjem kuxjenza dwar il-prodotti agrikoli Ewropej ta’ kwalità għolja fl-UE u globalment; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-istandards tal-UE f’termini ta’ sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni ambjentali, il-benesseri tal-annimali u r-rispett tal-istandards soċjali minimi huma l-ogħla fid-dinja; jitlob, speċjalment fil-kuntest ta’ suq iktar liberalizzat u globalizzat, għal KAP li tiggarantixxi standards għolja tas-settur agrikolu Ewropew filwaqt li tikkompeti fix-xena internazzjonali;

18. Jilqa’ l-aħbar tal-Kummissjoni li l-ewwel pakkett tar-riforma tal-PKS se jiġi adottat fit-13 ta’ Lulju 2011; madankollu jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni li se tressaq proposta ġdida dwar il-miżuri tekniċi fl-2013, meta l-miżuri tranżitorji eżistenti jiskadu;

19. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tiżblokka l-proposti pendenti dwar il-pjanijiet multiannwali għall-inċova u s-sawrell. Itenni li l-pjanijiet multiannwali huma l-pedament tal-PKS u għandhom, għaldaqstant, jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

20. Jinsisti fuq riżorsi finanzjarji adegwati għall-PKS riformata, sabiex jiżguraw li l-implimentazzjoni tagħha tkun ta’ suċċess;

Tkabbir inklużiv

21. Jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lill-programmi multiannwali ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni, il-kultura, il-mezzi awdjoviżivi, iż-żgħażagħ u l-formazzjoni ċivika; L-azzjonijiet u l-miżuri bbażati fuq qafas baġitarju adegwat u effikaċi għandhom jittieħdu biex jiggarantixxu li dawn il-programmi stabbiliti sew ikompli jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej;

Id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ tal-familja

22. Jilqa’ l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu d-Diskrepanzi fil-Pagi bejn is-Sessi, inkluż it-twaqqif ta' Ġurnata għal Paga Ugwali, iżda jiddispjaċih li d-diskrepanza fil-pagi għadha sfida reali li għad trid tingħeleb, u jtenni t-talba tiegħu għal impenn b’saħħtu bil-għan li jindirizza kawżi multipli ta' diskrepanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel permezz tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; il-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li tressaq proposti leġiżlattivi dwar kif għandhom jiġu indirizzati t-tipi differenti ta’ liv, jiġifieri l-paternità, l-adozzjoni u l-liv minħabba l-ulied, kif ukoll tistabbilixxi strateġija Ewropea bbażata fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar ir-rata tal-impjieg ;

23. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2012 temenda d-Direttiva 2004/37 li tikkonċerna l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji assoċjati mal-esponiment għal sustanzi karċinoġeni u-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li fatturi u dati ġodda jindikaw il-ħtieġa ta’ bidla u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-att li jemenda bħala kwistjoni ta’ urġenza li tivvaluta wkoll l-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva sabiex jitnaqqsu ir-riskju u s-sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni u jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema Ewropej;

24. Jistenna li l-Kummissjoni Ewropea jkollha rwol kostruttiv ta’ medjatur fil-proċeduri kollha għall-adozzjoni tar-Regolamenti li jkopru l-politika ta' koeżjoni, bil-għan li jintlaħaq ftehim fil-proċedura leġiżlattiva, mill-aktar fis possibbli, sabiex jiġi evitat dewmien mhux mistenni u biex jingħelbu b'mod effikaċi id-diffikultajiet inerenti tal-bidu li jistgħu jinħolqu fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

L-isfruttar tal-potenzjal tas-Suq Uniku għat-tkabbir

25. Jitlob azzjoni lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea bħala strument fakultattiv permezz ta’ regolament akkumpanjat minn kaxxa tal-għodda; il-ħolqien ta’ strument fakultattiv għal-Liġi Kuntrattwali Ewropea hu kruċjali għat-tħaddim aħjar tas-Suq Uniku u jwassal għal iktar sikurezza legali għaċ-ċittadini;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, bħala priorità, il-proposta mħabbra tagħha dwar mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim minħabba li soluzzjonijiet milħuqa minn mezzi ta’ rimedju mhux ġudizzjarji jistgħu jkunu iktar rapidi u jintlaħqu bi spiża inqas; itenni r-riservi tiegħu dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni għal rimedju kollettiv; ifakkar li kwalunkwe inizjattiva fil-qasam ta’ rimedju kollettiv għandha tkun konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Marzu 2009 fuq il-White Paper dwar proċedimenti għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust; m’għandhiex twassal għal ‘litigazzjoni abbużiva’ u għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

27. Iħeġġeġ lill-Kummisjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar promozzjoni tal-bejgħ li ttejjeb b’mod ulterjuri s-suq uniku u l-protezzjoni tal-konsumaturi u n-negozji;

28. Huwa mħsaseb li t-test tal-SMEs, skont il-Kummissjoni, ma kienx applikat kif suppost u b’mod konsistenti fil-proposti leġiżlattivi l-ġodda kollha, partikolarment fil-livell nazzjonali; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tressaq l-istandards u r-rekwiżiti minimi, ibbażati fuq l-aħjar prattika, għat-test tal-SMEs sabiex ikunu applikati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

IT-TWETTIQ TAL-AĠENDA TAĊ-ĊITTADIN: LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

Il-ġestjoni tal-fruntieri

29. Jirrikonoxxi l-bżonn ta’ fruntieri esterni intelliġenti u n-neċessità ta’ ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni u politika effikaċi u kredibbli dwar il-fruntieri esterni, iqis li l-kontroll tal-aċċess għat-territorju tal-UE hu wieħed mill-funzjonijiet prinċipali ta’ żona mingħajr fruntier interni, il-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE għandu jittejjeb kontinwament biex jirrispondi għall-isfidi ġodda mill-migrazzjoni u għas-sigurtà, u hu għalhekk li għandha titwaqqaf politika bbilanċjata dwar il-viża; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tlesti t-twaqqif tas-sistema SIS II, VIS u l-EURODAC kif ukoll l-aġenzija l-ġdida tal-IT;

30. Għandu fehma pożittiva dwar l-emendar tal-manwal SIRENE, l-aġġornament tal-Manwal Prattiku Komuni għall-Gwardji tal-Fruntiera, l-iżvilupp ulterjuri ta’ Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) u t-twaqqif ta’ sistema ta’ Gwardji tal-Fruntiera Ewropej skont il-Programm ta' Stokkolma;

31. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiċċara aktar il-kundizzjonijiet skont liema l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma intitolati li jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri biex jaqsmu informazzjoni operattiva u jikkooperaw bejniethom u mal-Frontex; jaqsam l-idea li l-Frontex għandha rwol ċentrali fil-ġestjoni tal-kontroll tal-fruntieri u jilqa' l-ftehim dwar il-modifikazzjoni tal-qafas legali tagħha biex ikun iktar effikaċi mil-lat tal-kapaċità operattiva tagħha dwar il-fruntieri esterni;

32. Jinnota li x-xogħol għandu jkompli fuq il-pakkett tal-asil sabiex titwaqqaf sistema komuni għall-asil Ewropew li tagħti protezzjoni sħiħa lill-persuni li għandhom bżonnha u tevita li l-liġi dwar l-asil tiġi strumentalizzata għal għanijiet oħra, prinċipalment il-migrazzjoni ekonomika; jitlob politiki dwar l-asil li huma ambizzjużi iżda fl-istess ħin realistiċi, li jqisu wkoll is-sitwazzjoni tal-Istati Membri fil-burduri li qed jiffaċċjaw piżijiet sproporzjonati minħabba influssi migratorji għoljin;

33. Jinnota li x-Schengen huwa kisba ċentrali li għandha tissaħħaħ; jappoġġa mekkaniżmu ta’ valutazzjoni aħjar biex jiġi żgurat li l-fruntieri esterni huma kkontrollati b’mod effikaċi u jtenni li sabiex tiġi mħarsa l-istabbiltà taż-żona Schegen hemm bżonn ta’ iktar soldarjetà; jinnota li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu introdotti mill-ġdid kontrolli dwar il-fruntieri limitati fiż-żona Schengen din trid tkun eċċezzjonali fin-natura u s-suġġett tagħha għall-konferma mill-Kummissjoni;

Vittmi

34. Jilqa’ bis-sħiħ l-inizjattiva mill-Kummissjoni dwar pakkett għall-vittmi u jqis li hu importanti ħafna li jissaħħu d-drittijiet u l-appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità fl-UE; jappoġġa mekkaniżmu fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili jew kriminali; hu tal-opinjoni li għandhom jingħataw xi salvagwardji u miżuri speċifiċi addizjonali lill-gruppi speċifiċi ta’ vittmi bħall-vittmi tat-terroriżmu; Dawn il-miżuri jikkonċernaw il-kumpens, il-kommemorazzjonu u l-appoġġ lill-vittmi; kopertura u assistenza (inkluża l-assistenza psikoloġika u soċjali) meta jkunu barra l-UE; rikonoxximent soċjali (memorja); protezzjoni tal-integrità morali mill-mezzi tax-xandir; għajnuna finanzjarja, u jenfasizza l-bżonn ta’ Karta tad-Drittijiet Ewropej għall-Vittmi tat-Terroriżmu;

35. Jinsisti t-talba ripetuta tiegħu biex fl-2012 il-Kummissjoni tintroduċi Karta Ewropea tad-drittijiet tal-passiġġieri bil-mezzi kollha ta’ trasport;

L-EWROPA FID-DINJA: NAGĦTU SEHEMNA FIX-XENA GLOBALI

36. Jenfasizza li jintlaqgħu inizjattivi ġodda fir-rigward tas-suġġetti li ġejjin:

      -   li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jingħata ħajja ġdida abbażi ta’ miżuri        konreti biex jingħelbu l-ostakli eżistenti għall-integrazzjoni ekonomika u biex jinkiseb   suq trans-Atlantiku sal-2015;

     -    kapaċità msaħħa tad-difiża Ewropea sabiex tissaħħaħ is-sigurtà trans-Atlantika;

     -    rieżami dwar l-Unjoni tal-Mediterran, abbażi ta’ valutazzjoni tan-nuqqasijiet attwali       u fid-dawl ta’ avvenimenti riċenti marbuta mar-Rebbiegħa Għarbija;

     -    strateġija għall-politika tal-viċinat ġdida;

     -    l-istrateġija fil-konfront tal-pajjiżi BRIC, - ir-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jinkludi   koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna

 

Politika tal-kummerċ komprensiva

37. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea fin-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali kollha li għaddejin sabiex jintlaħaq riżultat pożittiv għal ftehimiet kummerċjali komprensivi u bbilanċjati fl-2012, li jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-perspettivi dwar il-kummerċ tal-UE u l-opportunitajiet għall-kumpanniji tal-UE fid-dinja kollha, madankollu iqis li sforzi tal-UE sostnuti huma meħtieġa biex jittieħed vantaġġ mit-tieqa ta' opportunità miftuħa fl-2011 fin-negozjati multilaterali tad-Doha Round li għandhom iwittu t-triq għal stabilità ekonomika dinjija; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħaħ ir-rabta kummerċjali tagħha mal-atturi ekonomiċi u politiċi l-kbar tad-dinja, b'mod partikolari l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun, billi tuża l-mezzi u l-istrumenti ta' kooperazzjoni eżistenti u testendihom meta dan ikun possibbli;

38. Iqis li t-tneħħija tal-ostakli fil-kummerċ u fl-investiment fid-dinja kollha tibqa’ kwistjoni ċentrali u element essenzjali tal-istrateġija kummerċjali tal-UE għad-dinja tagħna; f’dan ir-rigward jinnota li r-Rapport riċenti tal-Kummissjoni għall-2011 dwar l-ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment juri ostakli sinifikanti u mhux ġustifikati fir-relazzjonijiet tagħna mas-sħab strateġiċi li jillimitaw l-aċċess għas-suq lill-pajjiżi terzi kbar; għaldaqstant itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tiffoka u tkun iebsa biex twettaq din l-aġenda u tkompli tiġġieled kontra miżuri protezzjonisti mhux ġustifikati;

It-tkabbir tal-UE, il-politiki tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja

39. Jappoġġa t-tkabbir u l-pakketti tal-PEV għall-2012; jerġa' jisħaq li l-konformità sħiħa u stretta mal-kriterji ta’ Kopenħagen u l-kapaċità ta’ integrazzjoni tal-UE jibqgħu l-bażi għall-adeżjoni fl-UE; Ifakkar l-impenn tal-PE għall-futur Ewropew tal-Pajjiżi fil-Balkani tal-Punent; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti n-negozjati tal-adezjoni tal-Kroazja qabel il-waqfa tas-sajf;

40. Jappoġġa l-espansjoni tal-programmi tal-ikliet fl-iskejjel biex ikopru t-tfal kollha f’postijiet fejn hemm ħafna ġuħ billi jużaw ikel prodott lokalment u t-tmiem tal-ħlas mill-utenti għall-iskejjel primarji u s-servizzi tas-saħħa essenzjali, li jiġu kkumpensati b’żieda fl-għajnuna mid-donaturi kif meħtieġ;

Kontroll baġitarju

41. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni fir-rigward ta’ spejjeż reali tal-amministrazzjoni u tal-persunal relatati mal-implimentazzjoni tal-programm tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, speċifikati skont implimentazzjoni ċentralizzata (direttament u indirettament), ġestjoni maqsuma u b’ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li tagħti deskrizzjoni aħjar tal-ispejjeż ġenerali reali u li tippermetti l-użu iktar effikaċi mill-fondi disponibbli;

42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.