MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-preparazzjoni għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2012
29.6.2011
skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta’ Proċedura
Lothar Bisky f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0386/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-preparazzjoni għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012
Il-Parlament Ewropew,
– Wara li kkunsidra l-Anness IV tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li jagħti lill-Parlament Ewropew id-dritt li jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea li din telenka l-proposti u l-kummenti tagħha għall-programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena sussegwenti,
– wara li kkunsidra l-element ġdid tal-Ftehim Qafas li jiġi stabbilit Rapport ta’ Sinteżi li ma jkunx fih biss il-prijoritajiet tal-Parlament iżda jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena attwali;
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tas-7 ta' Ġunju 2011;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2011 tal-15 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sitwazzjoni kritika ħafna rigward l-istabbilità finanzjarja u ekonomika tagħha wara l-konsegwenzi drammatiċi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija għal uħud mill-membri taż-Żona tal-Ewro, speċjalment il-Greċja, il-Portugall u l-Irlanda, li huma konfrontati b’defiċits baġitarji kbar u spekulazzjoni fis-swieq finanzjarji internazzjonali dwar is-solviilità tas-finanzi statali tagħhom,
B. billi l-miżuri kollha sa issa tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew biex jistabilizzaw is-sitwazzjoni, speċjalment is-solidifikazzjoni tal-Patt ta’ Stabbilità, għamlu s-sitwazzjoni agħar għaliex ma temmewx il-kawża prinċipali, l-ispekulazzjoni finananzjarja, iżda minflok imponew politika ta’ awsterità severa fl-Istati Membri, bi tnaqqis kbir fil-pagi, benefiċji soċjali u n-nefqa pubblika b’mod ġenerali, bħallikieku l-kriżi setgħet tkun biss il-konsegwenza ta’ politiki nazzjonali ħżiena,
C. billi hemm reżistenza enormi u li dejjem qed tikber kontra din il-politika ta’awsterità, bi protesti tal-massa, strajks ġenerali u forom differenti ta’ reżistenza,
D. billi sa mill-2009 l-livell ta’ faqar straodinarjament għoli ħafna fl-UE kien diġà qed jogħla iżjed minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kbira u jilħaq il-livell bla preċedent ta’ 84 miljun ruħ, inklużi 19-il miljun tfal, u dan f’żona fost l-aktar sinjuri tad-dinja; billi qabel il-kriżi dinjija l-volum ta’ rikkezza żdied u huwa ogħla aktar minn qatt qabel iżda d-distristribuzzjoni mhux ekwa żdiedet b’mod parallel;
1. Jikkritika l-fatt li l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2011 iddeterjora l-politika neoliberali tal-UE li la evitat il-kriżi u lanqas ma ġabet it-titjib imwiegħed fl-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar, l-effiċjenza tal-enerġija, l-iżvilupp tar-Riċerka u l-Iżvilupp, iżda minlfok issaħħaħ politiki ta’ liberalizzazzjoni, tnaqqas is-servizzi pubbliċi u ddgħajjef l-iskemi ta’ sigurtà soċjali bil-pretest ta’ riformi; din triq li twassal għal polarizzazzjoni soċjali dejjem akbar u thedded l-istabbilità tas-soċjetajiet tagħna;
It-Tkabbir u l-impjiegi
2. Ma jaċċettax il-prinċipji u r-regolamenti tal-Kummissjoni dwar il-Governanza Ekonomika tal-UE li ma jirriflettux b'mod adegwat l-iżbilanċi profondi fi ħdan l-UE; jikkritika l-fatt li dawn il-proposti huma intiżi biex isaħħu l-fergħat preventivi u korrettivi tal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir, u dan għandu t-tendenza li jwassal l-ekonomiji ta' bosta Stati Membri għal reċessjoni profonda u li joħloq implikazzjonijiet negattivi ħafna għall-maġġoranza tal-ekonomiji Ewropej;
3. insisti fuq il-ħtieġa li l-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir jiġi revokat b'mod parallel mat-twaqqif ta' Patt għall-Impjiegi u t-Tkabbir li jrawwem l-investiment pubbliku;
4. Itenni l-kritika qawwija tiegħu għall-qafas superviżorju finanzjarju ġdid fl-Unjoni; jiddeplora l-fatt li dan iħalli mhux mittifsa s-sorsi reali ta' riskji finanzjarji;
5. Jikkritika n-nuqqas ta' rieda tal-UE favur ir-regolamentazzjoni u tnaqqis tal-hedge funds u l-ekwità privata li kkontribwew bis-sħiħ għall-kriżi billi żiedu r-riskji makroprudenzjali; jindika l-fatt li l-ekwità privata hija risponsabbli għaż-żarmar kbir ta' assi, it-telf bla qies ta' impjiegi u għal-likwidazzjoni ta' bosta kumpaniji fl-UE; jikkritika bil-qawwa li r-regolamentazzjoni ġdida tal-UE rigward hedge funds u ekwità privata għandha l-iskop li tistandardizza u tagħti ċertezza legali lil dawn il-prodotti ta' ħsara minflok li tnaqqashom;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-regoli dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u sabiex titjieb is-superviżjoni ta’ dawn l-aġenziji fid-dinja kollha; jitlob l-istabbiliment ta’ Awtorità Publika Ewropea sabiex jingħelbu l-kunflitti ta’ interess li jtellfu l-proċess ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu;
7. Jikkritika bil-qawwa l-fatt li, fil-qafas tal-'pakketti ta' salvataġġ' tal-UE-FMI, il-Kummissjoni u l-Kunsill adottaw miżuri dwar il-kundizzjonalità tal-ħlas ta' fondi fuq it-tnaqqis tas-salarji minimi, it-tnaqqis tar-'riġiditajiet' tas-salarji, it-tnaqqis tal-intitolamenti għall-pensjoni, fuq il-fatt li s-swieq tax-xogħol isiru aktar flessibbli u l-fatt li 'is-salarji jiġu allinjati aktar mal-produttività fil-livell tal-impriżi, anke permezz tar-riforma tal-arbitraġġ u ta' sistemi ta' negozjar kollettiv'; jirrimarka li dawn il-politiki huma ksur serju tad-drittijiet għad-djalogu soċjali u għan-negozjar kollettiv;
8. Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għandu jkun marbut mal-prinċipji tal-Mudell Soċjali Ewropew, m'għandux ikun jinvolvi tnaqqis mis-settur pubbliku, iffriżar deflazzjonarju ta' pagi eċċ. u għandu jseħħ b'mod gradwali biex jiġi evitat trażżin fiskali proċikliku;
Ix-xogħol u l-affarijiet soċjali
9. Jinsisti li fil-kuntest tal-bidla tat-trattat li ġejja tiddaħħal Klawsola ta’ Progress Soċjali fil-liġi primarja tal-UE;
10. Iwissi lill-Kummissjoni sabiex tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol sabiex jiddgħajfu d-dispożizzjonijiet tagħha skont il-linja tal-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tieni stadju ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi bla dewmien proċeduri ta’ vjolazzjoni kontra Stati Membri li ma implimentawx b’mod sħiħ il-ġurisprudenza tal-Qorta Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ħin tax-xogħol u l-mistrieħ kompensatorju u wkoll kontra dawk l-Istati Membri li ma rrispettawx il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fit-trasport bit-toroq;
12. Jenfasizza li l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES) u l-Linji Gwida Integrati għaċ-ċiklu li jmiss bejn l-2013 sal-2016 m'għandhomx ikunu bbażati fuq l-approċċ tal-flessigurtà, iżda minflok għandhom jibdew mill-kunċett ta' “Ħidma Tajba” bħala l-punt ta' riferiment ċentrali tagħhom, b'iffokar qawwi fuq il-promozzjoni tal-kwalità fix-xogħol, sigurtà soċjali u inklużjoni soċjali mtejba, it-tisħiħ tad-drittijiet eżistenti tal-ħaddiema u l-introduzzjoni ta' drittijiet ġodda, il-promozzjoni ta’ tmexxija aħjar tar-riskji soċjali u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati għall-eliminazzjoni gradwali tal-impjiegi prekarji u atipiċi;
13. Jinsisti li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet u kompetenzi tul il-ħajja jista' jrendi aktar permezz ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-politiki attivi għas-suq tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol komprensivi, drittijiet soċjali u universali tal-ħaddiema li jkunu ugwali għal kulħadd, bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja mhux tax-xogħol, titjib fil-kwalità tal-impjiegi u l-benessri fuq ix-xogħol, minflokk approċċ ta' "spinta għall-mobiltà tal-ħaddiema" u l-promozzjoni tal-fleksikurezza; jinsisti li l-aġenda għall-kompetenzi u l-impiegi tal-UE trid tkun marbuta mill-qrib ma' miżuri marġinali b'saħħithom għad-domanda u l-provvistà sabiex jippromwovu ekonomija favur l-ambjent u soċjali, u politiki industrijali u reġjunali rispettivi għal żvilupp sostenibbli, pjuttost milli sempliċement strateġija għall "antiċipazzjoni tal-bidla"; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi strateġija tal-Komunità li tipproponi miżuri li jħeġġu l-ħolqien ta’ impjiegi ambjentali u soċjali sostenibbli fl-ekonomiji “ħodor” u “bojod”;
14. Jenfasizza l-importanza tas-serviżżi soċjali, tas-saħħa, tal-kura u tal-edukazzjoni sabiex inaqqsu lakuni ta’ kompetenzi, jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tan-nies u jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni soċjali; ifakkar fil-potenzjal li dawn għandhom sabiex joħolqu impjiegi ġodda u jitlob li jkun hemm investiment qawwi u sostenibbli f’dawn is-servizzi u infrastrutturi kruċjali u fl-iżvilupp tagħhom; jistenna bil-ħerqa l-pjan ta’azzjoni tal-Kummissjoni sabiex jindirizza n-nuqqas ta’ disponibilità ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ li tiżgura d-dritt għaż-żgħażagħ kollha fl-UE li jiġi offruti impjieg xieraq imħallas sew konformi mal-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom, appendistat, taħriġ addizzjonali, jew xogħol u taħriġ ikkumbinat, hekk kif ikunu ffaċċjati b'nuqqas ta' xogħol, kif ukoll Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità biex jikkumbatti n-nuqqas ta’ xogħol fost iż-żgħażagħ;
16. Jissuġġerixxi, fil-perspettiva tar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) għall-2014-2020 li l-approprijazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji għall-ESF tiġi rduppjata sabiex il-kompiti li qed jiżdiedu tal-ESF rigward promozzjoni tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali, kompetenzi u impjiegi godda, kwalità għolja ta’ edukazzjoni u taħriġ ikunu jistgħu jiġu finanzjati aħjar;
Trasport
17. Jirrifjuta kwalunkwe privatizzazzjoni u liberalizzazzjoni ulterjuri tas-settur tat-trasport bl-iskop li tkun kompletata zona ta’ suq uniku sakemm għadu mhux ċar x'se jkunu l-proposti sabiex iseddqu kwistjonijiet soċjali fil-modi kollha ta’ trasport li jevitaw dumping soċjali;
18. Jesprimi tħassib dwar il-Pakkett tal-Ajruporti li għandu l-ħsieb li jsaħħaħ il-kompetizzjoni billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jappoġġaw blokok ta’ spażji tal-ajru funzjonali u l-programm SESAR; huwa tal-fehma li l-prattika uriet li l-privatizzazzjoni u l-kompetizzjoni ma jwasslux għat-titjib tas-sikurezza, għas-sigurtà u għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri, iżda għal inqas sigurtà u għad-deterjorazzjoni tad-drittijiet soċjali tal-persuni li jaħdmu f'dan is-settur;
19. Jiċħad il-kunċett tal-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea li, bl-iskuża li jiġi stabbilit suq intern permezz ta’ riformulazzjoni ta’ direttivi eżistenti, huwa maħsub li jagħmel it-trasport pubbliku soġġett għall-kompetizzjoni, jippromwovi l-privatizzazzjoni u jifred il-kompetenzi fis-settur ferrovjarju b'mod li jistieden il-frammentazzjoni konkreta tal-impjiegi u l-għarfien relatat dwar is-sikurezza ferrovjarja;
20. Jenfasizza li estensjoni tal-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tista’ ttejjeb kwistjonijiet ta’ sikurezza, affidibilità ta’ ċertifikazzjoni ta’ makkinarju ferrovrarju, biss jekk dawn ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki u dispożizzjonijiet li diġà huma adottati minn awtoritajiet nazzjonali ta’ sikurezza, bl-amronizzazzjoni tar-rekwiżiti tagħhom f’livelli għoljin, li m’humiex intiżi bħala ostakolu għat-trasport ferrovjarju;
Riforma tal-PAK
21. Jemmen li r-riforma attwali tal-PAK jeħtieġ li tagħti prijorità lill-prezzijiet ġusti għall-bdiewa ta’ daqs żgħir u medju u għall-bdiewa u għall-farms tal-familja, tiżgura katina tal-ikel trasparenti u taħdem sabiex twaqqaf il-poter abbużiv ta’ korporazzjonijiet multinazzjonali ta' xiri; l-għajnuna għandha tintrabat mill-qrib kemm jista’ jkun mal-produzzjoni u titqassam b’mod ġust fost il-produtturi, il-prodotti u l-pajjiżi, suġġetta għal-limiti massimi u l-modulazzjoni; l-objettivi prinċipali tal-PAK għandhom ikunu ż-żieda tal-produzzjoni tal-ikel fit-territorju tal-pajjiżi tal-Istati Membri tal-UE bil-għan li jkun hemm sigurtà tal-ikel u sovranità tal-ikel, filwaqt li jinżamm l-ogħla livell possibbli tal-istandards tal-benessri tal-annimali u standards ambjentali u tas-sikurezza tal-ikel; Barra minn hekk, kwalunkwe riforma tal-PAK għandha toqgħod attenta li ma tfixkilx l-ekonomiji agrikoli ta’ pajjiżi terzi;
Riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd
22. Itenni li l-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida għandha tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, b'mod li tiżgura l-vijabilità soċjoekonomika tiegħu, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd;
23. Jinsisti dwar miżuri biex iżiedu l-prezz tal-ewwel bejgħ tal-ħut u d-dħul tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, dwar sussidju jew mekkaniżmu ta' kumpens għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd affettwati mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' rkupru, il-ġestjoni multiannwali u miżuri għall-protezzjoni tal-ekosistemi;
24. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-PKS tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira u sajd ta’ max-xtut u tanalizza kemm huma adegwati l-istrumenti eżistenti għall-ħtiġijiet tas-settur, u tadatthom kif jixraq;
25. Jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġu żgurati s-sovranità nazzjonali fuq iż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, filwaqt li tiġi permessa l-ġestjoni tal-prossimità; huwa tal-fehma li 12-il mil għandhom jinżammu bħala żona ta' aċċess esklużiv għall-flotta nazzjonali ta' kull Stat Membru u jipproponi li tiġi kkunsidrata l-possibilità tal-estensjoni tagħha għal żoni adjaċenti li jsegwu l-blata kontinentali;
26. Jiċħad kwalunkwe forma ta' privatizzazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, inkluża t-trasferibilità tal-kwoti tas-sajd, li tista’ twassal għall-ħolqien ta' swieq tal-kwoti fl-Istati Membri, li tkun qed tostakola serjament is-sajd tradizzjonali;
Tibdil fil-klima
27. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika globali ma tistax tintuża u m'għandhiex tintuża bħala skuża biex ma titteħidx azzjoni jew biex tiġi rrifjutata l-ġustizzja klimatika; itenni li l-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli hija parti fundamentali sabiex noħorġu mill-kriżi preżenti; għalhekk jitlob li l-innovazzjoni ekoloġika tkun il-bażi sabiex tiġi trasformata l-industrija biex ikun hemm tkabbir sostenibbli, jiġu promossi t-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija u jiġu żgurati l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u ekonomika kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw;
28. Jitlob li jiġu adottati b'mod urġenti miżuri ambizzjużi rigward il-klima u l-enerġija biex jiġu evitati aktar spejjeż ikkawżati mit-tibdil fil-klima; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'iktar minn 40% sal-2020 u biex ikun hemm tal-anqas tnaqqis ta' 95% sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, biex iż-żieda fit-temperaturi medji globali tiġi limitata għal 1.5°C aktar mil-livelli preindustrijali;
29. Jitlob li sal-2020 jkun hemm l-mira obbligatorja tal-UE li 20% tal-konsum tal-enerġija tal-UE jiġi minn sorsi rinnovabbli; jitlob li jittieħdu miżuri konkreti li jorbtu li jistabbilixxu linjigwida biex jiġu implimentati miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika minn sorsi rinnovabbli;
30. Jitlob li jkun hemm inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġu eżaminati l-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif u s-sistema ta' Skambju tal-Emissjonijiet, li bħalissa qed jipperikolaw serjament il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE u madwar id-dinja; jinsisti li għandu jintlaħaq tnaqqis domestiku effikaċi, mingħajr ma wieħed jiddependi fuq strumenti tas-suq jew fuq mekkaniżmi ta' flessibilità;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprreżenta proġetti li permezz tagħhom l-UE u d-dinja żviluppata jassistu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-introduzzjoni ta' teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti permezz ta' appoġġ adegwat finanzjarju, tekniku u teknoloġiku għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet mingħajr ma wieħed jorbothom li jakkwistaw privattivi li jiswew ħafna flus, minbarra l-adozzjoni ta' miri ambizzjużi ta' mitigazzjoni;
32. Jiddispjaċih li l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar gassijiet fluworinati b’effett serra, inizjalment imniżżla bħala proposta leġiżlattiva għal Diċembru 2011, tniżżlet għal grad tal-parti mhux leġiżlattiva tal-programm kontinwu tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tar-regolamenti dwar il-gassijiet fluworinati u tagħmel proposti dwar it-tnaqqis rapidu tal-produzzjoni u l-konsum tal-idrofluworokarburi, tħaffef it-tneħħija tal-idroklorofluworokarburi (HCFCs) fi prodotti u applikazzjonijiet differenti, u tirkupra u teqred il-gassijiet b’effett ta’ serra li jeqirdu l-ożonu stratosferiku u li jinsabu fi prodotti u tagħmir mormija;
33. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti leġiżlattivi li jindirizzaw emissjonijiet mhux ta’ CO2 mill-avjazzjoni, kif ukoll proposti leġiżlattivi li jindirizzaw emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu, b’mod partikolari taħt forma ta’ miżuri biex jinkludi emissjoniet tat-trasport marittimu fl-impenn għat-tnaqqis ta’ gass b’effett serra tal-UE;
Politika ambjentali
34. Jitlob li ssir evalwazzjoni tar-regolament REACH, li għandha twassal għal proposti leġiżlattivi skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni, inkluż eżami tal-ambitu tar-regolament REACH (sal-2012), eżami rigward l-estensjoni tal-ambitu ta' rekwiżiti aktar stretti ta' awtorizzazzjoni għas-sustanzi li jinterferixxu mal-endokrinali (sal-2013), eżami dwar jekk għandhiex titwettaq valutazzjoni tas-sikurezza ta' sustanza kimika u dwar jekk għandux jiġi prodott rapport dwar is-sikurezza ta' sustanza kimika għal ċerti sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (sal-2014);
35. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva għat-tneħħija tal-asbestos, inkluż ir-rimi kkontrollat tal-fibri tal-asbestos u d-dekontaminazzjoni jew ir-rimi ta' tagħmir li jkun fih il-fibri tal-asbestos sabiex jiġu eliminati għalkollox; ifakkar f'dan is-sens fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-REACH tas-7 ta' Mejju 2009 u b'mod aktar speċifiku fil-paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni;
36. Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba li l-proposta sabiex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma intiż għall-konsum tal-bniedem li kienet prevista oriġinarjament fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011, tħassret mill-programm kontinwu mingħajr indikazzjoni ta’ xi data ġdida;
37. Jinsisti dwar segwitu urġenti għall-Komunikazzjoni dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet u approċċ aktar ambizzjuż minn dak deskritt fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011; fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn il-perjodi ta’ nixfa, in-nirien fil-foresti u d-deżertifikazzjoni, jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal direttiva, simili għad-direttiva dwar l-għargħar, biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar u l-adattament għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta u twettaq, flimkien mal-Istati Membri, proposti leġiżlattivi u inizjattivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti u l-protezzjoni min-nirien; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta direttiva dwar l-Effiċjenza fl-użu tal-Ilma fil-Bini b'rabta mal-iskema biex jiġu mħarsa r-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa;
38. Jenfasizza illi l-objettivi tal-bijodiversità tal-UE sal-2010 qatt ma ntlaħqu u li diġà nħassu l-impatti soċjali u ekonomiċi negattivi tat-telf tal-bijodiversità u tat-tnaqqis tas-servizzi tal-ekosistema, jenfasizza li fl-UE biss 17% tal-abitanti u tal-ispeċijiet u 11% tal-ekosistemi kruċjali huma fi stat favorevoli; iqis li l-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE 2020 ma toffrix soluzzjonijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-bijodiversità u mhux tolqot il-mira tagħha minħabba nuqqas ta’ impenji konkreti; jerġa’ jisħaq fuq l-importanza li jitwaqqaf it-telf ta’ bijiodiversità u d-degradazzjoni ta’ sistemi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u jitlob l-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f’poliiki oħrajn tal-UE u finanzjament adegwat;
Sigurtà tal-Ikel
39. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ ikel derivat minn annimali kklownjati u mid-dixxendenti tagħhom.
40. Jinsisti dwar l-eżami tar-Regolament 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali tul il-katina tal-ikel; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħabbritx proposta leġiżlattiva minn wara l-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali ’l hawn(COM(2010)441);
Iċ-ċittadin l-ewwel
41. Jinnota s-suċċess tal-programmi attwali fil-qasam tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza u jitlob lill-Kummissjoni sabiex talloka riżorsi baġitarji sostanzjali sabiex tirrispondi għad-domanda li dejjem qed tikber għall-parteċipazzjoni fir-rigward ta’ aċċess aktar ugwali għal dawn il-programmi mill-kategoriji soċjoekonomiċi kollha;
42. Jenfasizza l-fatt li hemm bżonn ta’ finanzjament pubbliku sostanzjali sabiex tkun żgurata kwalità għolja ta’ edukazzjoni li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess fuq bażi ugwali għaliha u b’hekk jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jinvestu b’mod abbondanti fil-qasam tal-edukazzjoni pubblika; jinnota li dan l-investiment għandu jkollu miegħu investimenti daqstant importanti fil-politiki soċjali sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni ta’ aċċess u tiggarantixxi riżultati ugwali għaċ-ċittadini kollha, partikolarrment rigward impjiegi;
43. Josserva li l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ Bologna mill-Istati Membri rriżulta f’degradazzjoni tal-kwalità tad-diplomi universitarji li jwassal għal integrazzjoni professjonali mhux sodisfaċenti tal-gradwati; jemmen bis-sħiħ li l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja għandha tiffoka fuq il-kwalità fir-rigward tal-għarfien xjentifiku li hu globali, effiċjenti u li facli biex jiġi aġġornat permezz tal-istrument tagħlim għal tul il-ħajja; iqis f’din il-perspettiva li hemm bżonn ta’ finanzjament pubbliku sostanzjali li għalih iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess fuq bażi ugwali u b’hekk jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jinvestu b’mod abbondanti fil-qasam tal-edukazzjoni pubblika; jinnota li dan l-investiment għandu jkollu miegħu investimenti daqstant importanti fil-politiki soċjali sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni ta’ aċċess u tiggarantixxi riżultati ugwali għaċ-ċittadini kollha, partikolarrment rigward impjiegi;
44. Jinnota l-importanza ta’ programmi attwali fil-qasam tal-politika awdjoviżwali u l-kultura f’termini ta’ kapaċitajiet ta’ kreatività u innovazzjoni; jiddispjaċih jara t-tnaqqis baġitarju importanti li sar f’dawn l-oqsma f’bosta Stati Membri u jqis li t-tradizzjoni qawwija ta’ finanzjament pubbliku tal-arti fl-Ewropa jagħmel differenza rigward diversità, aċċċessibilità u kwalità ta’ arti disponibbli għaċ-ċittadini;
45. Iqis li d-diversità kulturali huwa ġid globali inerenti u jemmen bil-qawwa li l-kultura għandha tkun eżentata mir-regoli tal-kummerċ ħieles għaliex beni kulturali bosta drabi jinkorporaw esternalitajiet li l-prezzar tas-suq ma jirnexxilux jidentifika; Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu ħsieb l-implimentazzjoni u r-rispett tal-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali (2005);
46. Jiddispjaċih jara l-kummerċjalizzazzjoni qawwija tal-isports u jenfasizza li dimensjoni Ewropea tal-isport għandha tkun iffukata fuq l-isport bħala għodda għall-iżvilupp personali, il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja aħjar u l-promozzjoni ta’ għarfien reċiproku u inklużjoni soċjali; iqis ta’ importanza essenzjali ugwali r-rwol tal-volontarjat fil-qasam tal-isport;
Libertajiet ċivili
47. Jiddeplora l-fatt li l-miżuri adottati u implimentati fl-ambitu tal-AFSJ u l-Programm ta' Stokkolma wasslu għall-istabbiliment ta' approċċ għas-sigurtà eċċessiv, b'mod li ġew ristretti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-privatezza u l-libertà tal-espressjoni; jiċħad il-karattru sproporzjonat tal-miżuri ta' sigurtà li jwasslu għal każijiet li kulma jmur qed jiżdiedu ta' sorveljanza u d-definizzjoni ta' profili, ksur tad-drittijiet tal-bniedem – kemm personali kif ukoll kollettivi – u li ma jindirizzawx il-kawżi li jinsabu fl-għeruq tal-azzjonijiet vjolenti;
48. Jerġa' jafferma l-oppożizzjoni tiegħu għall-approċċ repressiv tal-politiki tal-immigrazzjoni tal-UE; jitlob għalhekk li jittieħdu inizjattivi ġodda li għandhom jiffukaw iżjed fuq mogħdijiet ta' dħul legali għall-migranti u fuq l-istabbiliment ta' karta tad-drittijiet tal-migranti kollha, filwaqt li jappoġġa r-regolarizzazzjoni tal-migranti li diġà huma residenti u jaħdmu fl-UE;
49. Jilqa' bi pjaċir il-proposta għal qafas legali tal-UE ġdid u komprensiv għall-protezzjoni tad-data personali u jenfasizza li għandha telimina n-nuqqas ta' koerenza attwali tas-sistemi tal-protezzjoni tad-data bejn dawk li qabel kienu l-istrutturi tal-pilastri filwaqt li tafferma mill-ġdid il-prinċipji ewlenin tal-protezzjoni tad-data bħal-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, it-trasparenza, l-awtodeterminazzjoni f'dik li hi informazzjoni, il-minimizzazzjoni tad-data, iż-żamma tad-data u d-dritt għall-aċċess;
Drittijiet tan-nisa u ugwaljanza bejn is-sessi
50. Jitlob li jkun hemm strateġija komprensiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa, direttiva kontra l-vjolenza kontra n-nisa u Sena Ewropea kontra l-vjolenza kontra n-nisa, kif diġà talab il-Parlament Ewropew; Din l-istrateġija għandha tinkludi l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa. M’għandux ikun hemm pjan ta’ azzjoni separat dwar pereżempju l-mutilazzjoni ġenetali femminili, iżda l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa għandhom ikunu inkwadrati fi strateġija globali u effettiva bbażata fuq il-perspettiva tad-drittijiet tan-nisa li bħala punt ta’ tluq ikollha l-Pjattaforma ta’ Beijing għall-azzjoni u dokumenti oħrajn tan-NU; jenfasizza l-bżonn li jkunu salvagwardati u jiżdiedu l-fondi għall-programm Daphne fil-futur;
51. Iqis li hemm nuqqasijiet severi fil-politika għall-migrazzjonu u l-ażil tal-UE mill-perspettiva ta’ generu u li bosta kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati, bħalma huwa d-dritt għar-riunfikazzjoni tal-familji u d-dritt għall-ażil abbażi ta’ persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru;
52. Jirrimarka li, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u l-miżuri ta’ awsterità immirati fuq is-settur pubbliku, il-qgħad u t-tbatija soċjali għadhom jiżdiedu f'numru ta' Stati Membri u jaffettwaw liż-żgħażagħ u lill-anzjani, lill-irġiel u lin-nisa u l-familji tagħhom b'mod differenti, u għalhekk jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom u jieħdu miżuri speċifiċi għall-qerda tal-faqar u biex jikkumbattu l-esklużjoni soċjali, partikolarment il-faqar fost in-nisa u l-impatt dirett tiegħu fuq it-tfal, għaliex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jaffettwaw mill-inqas wieħed minn kull sitt ċittadini Ewropej;
53. Ifakkar fin-neċessità tal-UE li timpenja ruħha b’mod aktar sod għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Siguurtà tan-NU 1325, 1820, li huwa żewġ strumenti kruċjali dwar kwistjonijiet ta’ ġeneru fi żmien ta’ gwerra u paċi; dawn għandhom jiġu implimentati fil-livelli kollha tal-politika tal-UE, u b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ strumenti u azzjonijiet fi ħdan il-qafas tal-EEAS, u l-politika komuni għas-sigurtà u d-difiża;
Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali
54. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tindirizza l-aspetti kollha tagħhom, fosthom l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li kwalunkwe miżura meħuda għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tirrispetta l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, inklużi l-Artikolu 10, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 6, u tkun neċessarja, proporzjonata, u xierqa f’soċjetà demokratika;
55. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar l-infurzar tad-Direttiva 2004/48/KE, li jkun jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-miżuri li ttieħdu, kif ukoll evalwazzjoni tal-impatt tagħha fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 18(1) ta' dik id-Direttiva;
56. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħraf l-ixxerjar mhux kummerċjali tal-fajls marbut ma’ sistemi alternattivi ta’ premjazzjoni, inkluż il-ħolqien ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni ġdida dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni u d-drittijiet tar-riproduzzjoni;
Affarijiet barranin
57. Jikkritika l-fatt li wara l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-ipprogrammar tal-azzjonijiet esterni sar ħafna inqas trasparenti billi l-EEAS mhi sottoposta għal ebda kontroll parlamentari; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew, mis-sena d-dieħla 'l quddiem, b'mod parallel mal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, l-aġenda politika dettaljata għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;
58. Jinnota bi tħassib li l-2010 wera li m'hemm l-ebda titjib fl-iskrutinju demokratiku u fil-konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew rigward l-azzjonijiet esterni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel disponibbli b’mod sħiħ l-informazzjoni kollha relevanti ;
59. Jilqa’ l-movimenti kollha lejn id-demokrazija fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani u fid-dawl ta’ dawk il-movimnti jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi b’mod fundamentali l-approċċ tagħha lejn dawk ir-reġjuni u tidħol għal miżuri ta’ appoġġ kummercjali ma’ dawk ir-reġjuni li jkunu bbażati fuq il-bżonnijiet tal-maġġoranza tal-popolazzjoni;
Is-Sigurtà u d-Difiża
60. L-UE għandha tkun ta’ natura ċivili u għalhekk għandha tkun strettament mifruda min-NATO, il-koperazzjoni ċivili-militari għandha titwaqqaf immedjatament, u l-ispiża kollha militari għandha tintuza għal skopijiet ċivili;
Kummerċ internazzjonali
61. Jinnota li l-Kummissjoni saflaħħar ppreżentat proposta għal regolament rivedut dwar Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) u li l-Kummissjoni rrispettat il-kompromess li wassal għat-twaqqif ta' regolament ta’ tiġdid rigward id-drittijiet ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament u inkludiet id-dipożizzjonijiet rispettivi ta’ atti delegati fil-proposta l-ġdida; jiddeplora l-fatt li r-regolament il-ġdid ma jissodisfax it-talbiet tal-Parlament dwar regoli ta’ oriġini riveduti u b’mod partikolari l-assistenza teknika kumplimentari; jinsisti fuq rwol imsaħħaħ tal-Parlament f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw pajjiżi li jibbenefikaw; jenfasizza li kuntrarju għall-proposta tal-Kummissjoni, il-SPĠ tal-UE għandu jżomm dimensjoni ambizzjuża u li ebda pajjiż li qed jiżviluppa m’għandu jiġi eskluż sempliċement għaliex kiseb dħul annwali medju per capita ta’ 4000 dollaru jew aktar;
62. Jindika l-punt rigward l-Akkwist Pubbliku barra l-pajjiż li l-Parlament jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta strument ġdid li jiżgura simetrija u trasparenza, b’mod partikolari għall-SMEs, fil-proċeduri għall-akkwist pubbliku ma’ pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji kbar emerġenti, filwaqt li jiżgura b’mod sħiħ il-bżonn ta’ trattament speċjali u differenzjat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-multifunzjonalità ta’ politiki għall-akkwisti; jenfasizza l-importanza li tiġi eskluża kwalunkwe dispożizzjoni li tista’ thedded l-aċċess għas-servizzi pubbliċi jew tillimita l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi fil-kapitoli ta’ ftehimiet internazzjonali rigward l-akkwist pubbliku;
63. Jinnota l-avviż tal-Kummissjoni li se tippreżenta komunikazzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp; jinsisti li l-objettivi ewlenin tal-politika tal-kummerċ internazzjonali tal-UE għandha tkun li jingħata kontribut għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ekoloġiku sostenibbli fl-interess taċ-ċittadini kollha - fuq il-bażi ta' kummerċ ġust u żvilupp ekonomiku li jikkorrispondi għall-ogħla livelli ta' standards tas-saħħa u ambjentali, għall-ħolqien tal-impjiegi deċenti, għall-istandards soċjali u għad-drittijiet tal-bniedem u d-diversità kulturali;
64. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea favur l-inklużjoni ta’ kapitoli ta' sostenibilità fformulati b'mod qawwi fil-ftehimiet kummerċjali kollha nnegozjati; jitlob li jiġu sospiżi ftehimiet kummerċjali u negozjati ta’ dawn ma' pajjiżi li jiksru drittijiet demokratiċi, drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol bażiċi; jinsisti bil-qawwa li l-Parlament u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti ulterjorment f’negożjati li għaddejjin u fid-definizzjoni ta’ mandati nnegozjati għal ftehimiet ta’ investiment maċ-Ċina, il-Mercosur, ir-Russja u l-Ukraina;
65. Jistieden lill-Kummmissjoni sabiex tinkludi fil-programm ta’ ħidma tagħha azzjoni deċiża kontra aktar spekulazzjoni dwar ikel u prodotti oħra essenzjali, kif ukoll kontra l-volatilità li tirriżulta fuq il-prezzijiet tal-ikel u prodotti bażiċi oħra; ifakkar li d-dritt għall-ikel u s-sovranità alimentari jridu jiġu rispettati;
L-iżvilupp
66. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea kontra d-diżastri l-bżonn li tinżamm distintinzjoni formali bejn l-ambiti ta’ korpi militari u korpi umanitarji; jitlob li għandhom jiġu żviluppati u jiżdiedu biss kapaċitajiet għall-protezzjoni ċivili kontra l-katastrofi u kapaċitajiet ta’ għajnuna umanitarja, għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ottimali tal-ġestjoni tad-diżastri min-naħa tal-UE, sabiex tkun tista’ tiġi pprovduta għajnuna ċivili effettiva għall-katastrofi u l-kriżi; jitlob li jiżdiedu l-mezzi ta’ finanzjament u jiġu żviluppati kapaċitajiet u riżorsi bil-għan li jkunu żgurati esklussivament għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili kontra l-katastrofi;
67. Jilqa’ ż-żewġ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-ikel u l-assistenza alimentari; ifakkar fil-bżonn li l-qafas tal-UE għal azzjoni dwar sikurezza tal-ikel u n-nutrizzjoni, ibbażati fuq “id-dritt għall-ikel”, jiġi implimentat b’mod koerenti u koordinat sabiex jiġu indirizzati l-kawżiet bażiċi tal-ġuħ u n-nuqqas ta’ sikurezza alimentari; jitlob ir-rikonoxximent fil-qafas ta’ azzjoni tal-UE tal-kunċett tas-sovranità tal-ikel, definit bħala l-kapaċità ta' pajjiż jew reġjun li jimplimenta b'mod demokratiku l-politiki agrikoli u tal-ikel proprji tiegħu, flimkien mal-prijoritajiet u l-istrateġiji tiegħu; iħeġġeġ azzjoni konkreta kontra l-ispekulazzjoni finanzjarja rigward qmugħ u ikel;
68. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħroġ b’inizjattiva leġiżlattiva biex ikun hemm trasparenza fl-industriji tal-estrazzjoni permezz ta’ miżuri vinkolanti fil-livell tal-UE li jikkonformaw mal-impenji tal-UE dwar koerenza fil-politika għall-iżvilupp; jenfasizza li l-Istrateġija għall-Materja Prima tal-UE m’għandhiex tostakola d-drittijiet leġittimi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha miżuri vinkolanti biex issaħħu r-responsabilità diretta u l-obbligu favur il-benesseri tal-kumpaniji Ewropej fl-attivitajiet tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Il-Baġit
69. Jiddeplora li l-proposta tal-Kummissjoni ma tagħtix prijorità għall-koeżjoni soċjali u territorjali sabiex ikunu indirizzati l-bżonnijiet li ġġib il-kriżi socjali u finanzjarja attwali u lanqas ma tindirizza b’mod effettiv is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnha bosta Stati Membri; f’dan il-kuntest jinsisti fuq il-ħtieġa li jisseddqu s-sinerġiji bejn il-programmi differenti tal-UE, kif ukoll l-azzjonijiet li għandhom l-iskop li jittrattaw l-effetti tal-kriżi u jippromwovu l-impjiegi u t-tkabbir bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’riżorsi effiċjenti;
70. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li t-tnaqqis fl-investiment pubbliku, id-diżintegrazzjoni ta’ servizz pubbliċi kruċjali huma konsegwenza tal-politiki ta' awsterità tal-UE u l-Istati Membri; jinsisti li din it-tendenza tista’ titreġġa’ lura u jemmen bil-qawwa li t-tisħiħ tal-investimenti jrid ikun garantit fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; huwa tal-fehma li jrid jinstab ftehim għar-reviżjoni tal-MFF jekk dan irid jissodisfa l-ħtiġijet finanzjarji addizjonali tal-ITER; jenfasizza li l-finanzjament ta’ ITER ma jridx jheddded it-twettiq ta’ programmi multiannwali ta’ riċerka u żvilupp u lanqas il-finanzjament ta’ azzjonijiet intiżi biex jittrattaw l-effetti tal-kriżi u l-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ;
71. Jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni qed tibgħat messaġġ ta’ ċaħda lir-refuġjati billi żżid b’mod sostanzjali l-approprjazzjonijiet għall-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond Ewropew għar-Ritorn; jirrepeti li l-UE trid issaħħaħ l-appoġġ u tadotta attitudni ta’ merħba għall-mobilità tal-popli min-Nofsinhar tal-Mediterran, speċjalment fid-dawl tal-irvelli popolari, it-tama ta’ rivoluzzjoni u l-moderiżmu fid-dinja Għarbija, partikolarment b’żieda sostanzjali fl-appoġġ għall-Fond għall-Integrazzjoni tar-Refuġjati;
72. Itenni li l-UE teħtieġ dimensjoni parlamentari qawwija li tista' ttejjeb in-natura demokratika u t-trasparenza tal-proċedura tal-baġit tal-UE u jenfasizza li l-Parlament Ewropew jeħtieġ li jkun involut fin-negozjati futuri dwar l-MFF, kemm rigward in-nefqa kif ukoll dwar id-dibattitu wiesa’ dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta’ riżorsi;
Affarijiet kostituzzjonali
73. Jilqa’ bħala l-ewwel pass ir-riżultat tan-negozjati bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar ir-reġistru tat-Trasparenza u l-prospetti għall-introduzzjoni rapida tiegħu bit-tama li jkun hemm parteċipazzjoni futura mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ir-reġistru obbligatorju għar-rappreżentanti kollha ta’ partijiet interessati u sabiex tintroduċi regoli aktar sodi għal żvelar finanzjarju fir-reviżjoni li jmiss tar-reġistru;
74. Ifakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn ta’ reviżjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta għall-Kummissarji u b’mod partikolari sabiex tindirizza effettivament il-problema ta’ dħul u ħruġ ta’ malajr (revolving door); barra minn hekk jitlob li jissaħħu d-dispożizzjonijiet rigward id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kummissarji;
75. Jerġa jfakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li tiżviluppa aktar trasparenza u aċċess għad-dokumenti u toħroġ mingħajr dewmien bi proposta ġdida għal bidliet għar-Regolament (EC) Nru 1049/2001;
76. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.