MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bidliet fil-Ftehim ta’ Schengen
4.7.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Timothy Kirkhope f’isem il-Grupp ECR
B7‑0441/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidliet fil-Ftehim ta' Schengen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 u l-Konvenzjoni li tapplika l-Ftehim ta' Schengen tad-19 ta' Ġunju 1990,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni riċenti tal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-4 ta' Mejju 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-migrazzjoni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u għall-Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehim ta' Schengen ġie adottat għall-ewwel darba fl-1985, 26 sena ilu,
B. billi ż-żona ta' Schengen issa hija iktar minn ħames darbiet ikbar mid-daqs li kienet fl-implimentazzjoni inizjali tagħha,
C. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill iddikkjaraw li l-klawsola ta' sospensjoni mis-sistema ta' Schengen tagħmilha possibbli li jiġu riintrodotti temporanjament il-kontrolli fil-fruntieri interni; billi jinnota, madankollu, li tali kontrolli fil-fruntiera jkunu possibbli biss b'kundizzjonijiet stretti ħafna f'ċirkostanzi eċċezzjonali għal perjodu strettament limitat ta' żmien u se jiġu mmoniterjati fil-livell Ewropew,
D. billi s-sitwazzjoni politika fl-Afrika ta' Fuq, il-vjaġġar miżjud, il-migrazzjoni fuq skala kbira u l-qgħad kollha kkontribwixxew għall-bżonnijiet li qed jinbidlu fis-sistema ta' Schengen,
E. billi ż-żidiet fil-kriminalità transkonfinali, it-traffikar tal-persuni u t-terroriżmu internazzjonali wkoll kellhom impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tas-sistema ta' Schengen,
F. billi hu importanti li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej u l-libertà tal-moviment jiġu rrispettati fiż-żona tas-Schengen kollha,
1. Jenfasizza l-bżonn li ż-żona ta' Schengen tiġi reveduta u riformata b'mod serju mill-Kummissjoni;
2. Jenfasizza l-importanza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri dwar l-eżistenza ta' kontrolli effettivi fil-fruntieri esterni tagħhom;
3. Jenfasizza li s-sigurtà ta' Stat Membru wieħed tiddependi mill-kontrolli u l-implimentazzjoni tal-ieħor fiż-żona ta' Schengen;
4. Jenfasizza l-bżonn li ż-żona ta' Schengen tkun appoġġata iktar mill-aġenziji tal-UE inklużi l-FRONTEX, il-Europol u l-Eurojust;
5. Jitlob li jkun hemm mekkaniżmu ta' evalwazzjoni msaħħaħ għall-Istati Membri li jingħaqdu maż-żona ta' Schengen, inkluż enfasi ikbar fuq il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-istabbiliment ta' ġudikatura indipendenti;
6. Jitlob li l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni jinkludi reġim ta' appoġġ u reġim ta' sanzjonijiet li jkollu, bħala konsegwenza massima, ir-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.