Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0446/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0446/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq

4.7.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ivo Vajgl, Marielle De Sarnez, Marietje Schaake, Sonia Alfano, Niccolò Rinaldi, Louis Michel, Alexander Graf Lambsdorff, Anneli Jäätteenmäki, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0389/2011

Proċedura : 2011/2756(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0446/2011
Testi mressqa :
B7-0446/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0446/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel, b’mod partikolari dwar il-qagħda fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen tas-7 ta' April 2011,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen huma firmatarji tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1975, li s-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen huma firmatarji tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2004 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif aġġornati fl-2008, u kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura u t-Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, tal-2001 u riveduti fl-2008,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2011, tal-25 ta' Marzu 2011 u tat-23 u t-24 ta' Ġunju 2011,

–       wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja tad-9 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Ġunju 2011 u dwar il-vjolenza kontinwa u l-ħtieġa ta’ riformi kredibbli fis-Sirja tas-6 ta’ Ġunju 2001, u dwar il-Jemen tal-11 ta’ Mejju 2011, tal-31 ta’ Mejju 2011 u t-3 ta’ Ġunju 2011,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar is-sentenzi kontra 21 attivista politiku Baħrejni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapijiet tal-oppożizzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Mejju “Rispons ġdid għal viċinat li qed jinbidel” li tikkompleta l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar ‘Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran’,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar tas-7 ta’ April 2011,

       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2011 mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton biex tiġi stabbilita Task force għan-Nofsinhar tal-Mediterran,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja u l-Jemen tal-20 ta’ Ġunju 2011, u r-rimarki tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton wara l-Kunsill “Affarijiet Barranin”,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-24 ta’ Ġunju 2011 qabel żjara tar-rappreżentanti mill-Kummissjoni Għolja tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li tesprimi “tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li qed jiddeterjoraw” u li "tħeġġeġ lill-partijiet kollha juru restrizzjoni massima u jidħlu fi djalogu politiku inklussiv”,

 

–   wara li kkunsidra l-mandat ta’ arrest mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-mexxej Libjan Muammar Mohammed Abu Minyar Gaddafi (Gaddafi), Saif Al-Islam Gaddafi u Abdullah Al-Senussi għal delitti kontra l-umanità (qtil u persekuzzjoni) allegatament kommessi madwar il-Libja mill-15 ta’ Frar 2011 sa mill-inqas it-28 ta’ Frar 2011, permezz tal-apparat tal-Istat u l-Forzi tas-Sigurtà,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Dwar id-dinja Għarbija

A.  billi l-mewt tal-bejjiegħ fit-toroq Tuneżin Tareq al-Tayyib Muhammad Bouazizi fl-4 ta’ Jannar 2011 kienet katalista għal rivoluzzjoni popolari u paċifika fit-Tuneżija; billi r-rivoluzzjoni fit-Tuneżija ispirat rivoluzzjoni oħra popolari u paċifika fl-Eġittu,

 

B.  billi wkoll fil-Libja, is-Sirja, il-Baħrejn, il-Jemen, il-Ġordan, l-Alġerija u l-Marokk dimostranti paċifiċi qed jesprimu s-sejħiet tagħhom għal-libertà, id-dinjità umana, l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom u t-talba popolari qawwija tagħhom għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, immirati lejn il-kisba ta’ demokrazija ġenwina, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet funamdentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, filwaqt li jonqsu l-inugwaljanzi soċjali u jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar; billi bosta dimostrazzjonijiet paċifiċi madwar ir-reġjun ġew soppressi bl-użu ta’ forza brutali u b’konsegwenzi fatali u detenzjonijiet illegali fuq skala wiesgħa, partikolarment fil-Libja, is-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen,

 

C.  billi mis-17 ta’ Ġunju 2011 in-nisa fl-Arabja Sawdija qed isiqu l-karozzi apertament bi sfida kontra l-projbizzjoni uffiċjali kontra sewwieqa nisa,

 

D.  billi r-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-bidliet fid-dinja Għarbija, b’mod partikolari rigward ir-rewwixti fit-Tuniżija, l-Eġittu u l-Libja mexa bil-mod u kultant b’eżitazzjoni fl-appoġġ mingħajr ekwivoku għat-talbiet leġittimi tal-popli, u b’kosegwenza effettwa l-kredibilità tal-Unjoni Ewropea,

 

E.  billi aktar minn tliet xhur wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1970 u 1973, ir-reġim ta’ Gaddafi jibqa’ fi ksur kostanti tar-responsabilità tiegħu li jipproteġi ċ-ċittadini Libjani; billi l-Unjoni Ewropea għadha ma rrikonoxxietx il-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni Libjan bħala r-rappreżentant leġittimu tal-poplu Libjan, u billi l-Unjoni Ewropea fil-fatt stabbiliet rappreżentanza f’Bengażi kif ukoll ippromoviet kuntatti mal-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni; billi l-Unjoni Ewropea qed taħdem mill-qrib mal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja bħala punt ċentrali għall-proċess ta’ tranżizzjoni politika;

 

F. billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex tikkoordina man-NU, il-Bank Dinji u atturi oħra, partikolarment organizzazzjonijiet reġjonali fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tagħha biex tappoġġa l-Eġittu, it-Tuniżija u sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Libja,

 

G. billi l-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tiżblokka appoġġ finanzjarju ulterjuri sa EUR 1 242 biljun biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti u twieġeb għal sfidi u trasformazzjonijiet ġodda li qed iseħħu fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea; billi żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għadhom ma laħqux deċiżjoni finali dwar din il-proposta,

 

H.  billi r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jipprevedi l-ħolqien ta’ Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija biex tappoġġa l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ demokrazija soda u sostenibbli fil-viċinat Ewropew; billi l-miżuri inizjali ta’ appoġġ mill-Unjoni Ewropea jridu jiġu segwiti permezz tal-implimentazzjoni tal-proposti li se jsiru tul is-snin li ġejjin; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-impenji ġodda tal-Unjoni Ewropea mad-Dinja Għarbija u n-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom jiġu riflessi b’mod dovut fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss,

I.  billi l-elezzjonijiet demokratiċi li jmiss fit-Tuneżija u l-Eġittu jirrappreżentaw l-ewwel pass importanti fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija,

Dwar is-Sirja:

J.  billi mill-bidu r-ripressjoni fuq id-dimostrazzjonijiet paċifiċi f’Marzu 2011, il-vjolenza sistematika, brutali u b’konsegwenzi fatali ma ċedietx u forzi tas-sigurtà rrispondew għall-protesti kontinwi bil-qtil ta’ 400 ċivili fil-gvernaturat ta’ Daraa waħdu, u aktar minn 1500 fis-Sirja kollha,

K.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irċevew informazzjoni li tindika li forzi tas-sigurtà Sirjani wettqu qtil sistematiku ta’ dimostranti f’Daraa; billi d-dimostranti miżmuma ġew suġġetti għal tortura u trattament inuman; billi diġà ġew dokumentati aktar minn 3000 każ tal-għajbien furzat u 11,000 każ ta’ detenzjoni arbitrarja,

L.  billi, wara l-assedju impost f’Daraa, il-forzi tas-sigurtà nedew operazzjoni u kampanja militari fuq skala kbira ta' arresti arbitrarji fl-irħula qrib Daraa; billi hu stmat li 12,000 Sirjan minn Jisr al-Shughour u ż-żoni ta’ madwaru qasmu l-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija minħabba l-biżgħa mill-forzi tas-sigurtà; billi t-Turkija volontarjament offriet assistenza umanitarja u għajnuna fuq skala kbira lir-refuġjati Sirjani mal-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja, u billi t-Turkija esprimiet tħassib kbir dwar l-iskjerament ta’ truppi u tankijiet mis-Sirja viċin il-konfini tagħha; billi membri tal-armata u s-sigurtà Sirjana ddiżertaw u fittxew rifuġju fit-Turkija wkoll,

M.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) ma rnexxilux jalloka persunal fil-post fis-Sirja sabiex jinvestiga ksur allegat tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi ta’ tali ksur, bil-għan li tkun evitata l-impunità u tiġi żgurata r-reponsabilità sħiħa kif mitlub mir-Riżoluzzjoni adottata mill-UNHRC fid-29 ta’ April 2011,

N.  billi s-Segretarju Ġenerali Ban Ki-Moon tenna t-talbiet biex is-Sirja tippermetti missjonijiet ta’ riċerki u missjonijiet umanitarji sabiex jiġu investigati avvenimenti li allegatament seħħew matul ix-xhur ta’ protesti kontra l-gvern; billi ftit ġurnalisti internazzjonali biss ingħataw permess jidħlu fil-pajjiż taħt skrutiju tal-gvern; billi l-awtoritajiet Sirjani regolarment u sistematikament jagħlqu u jattakkaw l-internet u netwerks oħra ta’ komunikazzjoni, u billi l-awtoritajiet Sirjani użaw newterks soċjali onlajn biex jintraċċaw, jaqbdu u jżommu arrestati ġurnalisti, bloggers u dimostranti; billi l-Lega Għarbija kkundannat il-vjolenza li seħħet fis-Sirja nhar l-14 ta’ Ġunju 2011 u enfasizzat li l-istati Għarab qed jissorveljaw b’mod attiv il-kriżi fis-Sirja,

O.  billi wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2011 biex testendi s-sanzjonijiet kontra uffiċjali u negozjanti Sirjani responsabbli għall-vjolenza li għaddejja, u biex jiġu imposti sanzjonijiet ukoll kontra uffiċjali Iranjani minħabba l-involviment tagħhom fil-vjolenza fis-Sirja, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sirjan iddikjara li s-Sirja se tirtira s-sħubija tagħha fil-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja;

Dwar il-Jemen:

P.  billi miljuni ta’ ċittadini ilhom jipprotestaw fil-Jemen minn Jannar 2001, fil-parti l-kbira b'mod paċifiku, u billi nqatlu mijiet ta’ dimostranti, primarjament minn forzi tas-sigurtà, filwaqt li mijiet ġew midruba; billi diversi kmandanti militari, ambaxxaturi, ministri u uffiċjali oħra ddikjaraw l-appoġġ tagħhom għad-dimostranti,

Q.  billi għall-ewwel darba fl-istorja, in-nisa ħarġu b’numri kbar waqt ir-rewwixta pubblika biex sfidaw il-kundanna tal-President Saleh tal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dimostrazzjonijiet tal-oppożizzjoni f’April 2011, meta qal li għax tħalltu fit-toroq ma rġiel li mhumiex qraba diretti tagħhom, in-nisa kienu qed jiksru r-regoli kulturali tradizzjonali tal-Jemen,

R.  billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) nieda pjan għat-tranżizzjoni paċifika tal-poter li għadu ma ġiex implimentat min-naħat kollha, kemm mill-President Saleh u kemm mill-oppożizzjoni,

S.  billi l-President Saleh ħalla l-pajjiż biex jirċievi trattament mediku fl-Arabja Sawdija, billi r-reġim ta’ Saleh jibqa’ fil-kontroll tal-azzjonijiet militari kontra d-dimostranti,

Dwar il-Baħrejn:

T.  billi fit-22 ta’ Ġunju 2011 qorti militari fil-Baħrejn issentenzjat 8 attivisti tal-oppożizzjoni għal għomorhom il-ħabs, inklużi difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi al-Khawaja, Hasan Mushaima and Abduljalil al-Singace, u 13 oħra rċevew sentenzi ta' ħabs sa 15-il sena talli "ikkonfoffaw biex iwaqqgħu l-gvern"; billi dimostranti paċifiċi ġew maqtula jew iffaċċjaw vjolenza brutali waqt id-dimostrazzjoni favur ir-riformi; billi bosta attivisti politiċi oħrajn, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u tobba għadhom miżmuma mill-protesti paċifiċi favur ir-riforma, u billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem il-persuni miżmuma ġew ittorturati, trattati ħażin u abbużati,

U.  filwaqt li jfakkar li l-Kodiċi Internazzjonali tal-Etika Medika tal-Għaqda Medika Dinjija u l-Gwida tagħha dwar l-Etika Medika jiddefinixxu d-dmirijiet tat-tobba b’mod li jinkludi l-amministrazzjoni ta’ kura ta’ emerġenza u r-rispett tal-prinċipji tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll il-fatt li l-Gvernijiet ma għandhomx jinvolvu ruħhom u jiksru d-dmirijiet tal-professjonisti mediċi u ma għandhomx jippersegwitaw jew jikkastigaw lil dawk li jridu jżommu dawn il-prinċipji rikonoxxuti f’livell internazzjonali,

V.  billi 47 persuna bejn tobba u infermiera mill-Baħrejn kienu akkużati b’“tixwix għat-twaqqigħ tar-reġim bil-forza” talli kkuraw dimostranti paċifiċi midruba u ffaċċjaw ġuri minn qorti militari tal-Baħrejn; billi l-professjonisti mediċi mxew skont id-dover professjonali u kkuraw lin-nies feruti; billi t-tobba u l-inferiera nżammu milli jikkuraw dimostranti paċifiċi feruti, u dan kellu anki konsegwenzi ta’ mewt; billi waqt id-dimostrazzjonijiet favur ir-riformi l-aċċess għall-isptarijiet ġie mblukkat u l-pazjenti ġew torturati fl-isptarijiet, b’mod partikolari fil-Kumpless Mediku ta’ Salmaniya,

W.  billi tnediet konsultazzjoni dwar djalogu nazzjonali fuq inizjattiva tar-Re Hamad Bin Eisa Al Khalifa,

X.  billi fuq talba tal-gvern tal-Baħrejn ġew skerjati forzi barranin fil-Baħrejn taħt il-bandiera tal-GCC, partikolarment 4,000 trupp mill-Arabja Sawdija,

 

Id-Dinja Għarbija:

 

1.  Jilqa’ d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu attwalment fl-ewwel passi lejn trasformazzjoni demokratika:

 

 l-adozzjoni ta’ kostituzzjoni ta’ tranżizzjoni fl-Eġittu permezz ta’ referendum;

 il-progress li sar biex infetaħ il-proċess demokratiku, b’aktar minn 70 partit jipparteċipaw fl-elezzjonijiet fit-Tuniżija;

 ir-ratifika min-naħa tat-Tuniżija tal-istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-24 ta’ Gunju 2011,

 it-tħabbira tal-elementi prinċipali ta’ Kostituzzjoni ġdida fil-Marokk; u l-approvazzjoni tagħha minn maġġoranza kbira f’referendum li fih proporzjoni sinifikattiv tal-votanti Marokkini pparteċipa;

 l-impenn imġedded għar-riformi politiċi, inkluż rieżami tal-Kostituzzjoni fil-Ġordan;

 l-abolizzjoni tal-istat ta’ emerġenza ir-riforma kostituzzjonali ppjanata fl-Alġerija;

 

2.  Jaqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika Ewropea tal-Viċinat kif adottati fl-20 ta’ Ġunju 2011; jistenna li l-Kummissjoni Ewropea timplimenta l-Politika l-ġdida tal-Viċinat, b’konsultazzjoni sħiħa mal-Parlament Ewropew kemm jista’ jkun malajr, sabiex turi l-impenn reali tal-Unjoni Ewropea favur it-tranżizzjoni demokratika u ekonomika għall-popli tal-viċinat tagħha;

 

3.  Itenni s-sejħa tiegħu lil Gaddafi biex iċedi l-poter minnufih; jirrikonoxxi l-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju bħala r-rappreżentant leġittimu tal-poplu Libjan, jappoġġa bil-qawwa l-azzjonijiet militari kif imwettqa min-Nato u l-membri tal-GCC biex jipprovdu sigurtà massima għall-poplu Libjan, jappoġġa bil-qawwa t-triq futura tal-Libja lejn id-demokrazija;

 

4.  Jinnota li l-avvenimenti fir-reġjun Għarbi għamluha ċara li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha relazzjonijiet mal-popli minflok mal-klassi li tmexxi, u inqas u inqas mad-dittaturi; dan sabiex tkun attur kredibbli;

 

5.  Jenfasizza li impenn imsaħħaħ tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi kkonċernati tal-Viċinit tan-Nofsinhar għandu jkun suġġett għal titjib fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt, jenfasizza li l-impenn imġedded tal-Unjoni Ewropea għandu jkun rifless f’appoġġ finanzjarju kundizzjonat aktar qawwi u mmirat aħjar, l-approċċ hekk imsejjaħ “aktar għal aktar” u “anqas għal anqas”, perspettivi reali għal aċċess għas-suq mingħajr limiti u integrazzjoni futura fis-suq mal-Unjoni Ewropea u strateġiji mtejba ta’ mobilità, li jinkludu t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet dwar il-viża, li ma għandhomx jiġu dettati biss minn preokkupazzjonijiet dwar il-migrazzjoni illegali, iżda għandhom ikunu mmirati lejn kuntatti mtejba bejn poplu u ieħor;

 

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ u effettiv tal-appoġġ finanzjarju eżistenti mogħti permezz tal-ENPI, l-EIDHR u l-IfS;

7.  Jitlob li tiġi stabbilita fil-ħin Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED) jekk il-valur miżjud tagħha u l-bżonn tagħha taw prova ta’ effikaċja b’mod dovut; jistenna li din l-għodda ġdida potenzjali taġixxi b’koerenza mal-istrumenti u l-istrutturi eżistenti u li għandha tkun ta’ benefiċċju għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant; jistieden lill-Kumissioni u l-Kunsill jesploraw bil-ħeffa l-valur miżjud ta’ Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija u sussegwentement joħorġu bi proposti konkreti dwar is-sura tagħha u b’ħidma kkoordinata mill-qrib mal-Parlament Ewropew;

8.  Jappoġġa l-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ġiet riveduta bl-objettivi tagħha biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni demokratika u kif ukoll is-soċjetà ċivili b'reazzjoni għall-iżviluppi storiċi attwali fir-reġjun; jitlob l-appoġġ sħiħ u l-għajnuna tal-UE favur il-proċessi demokratiċi fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf u biex tkun żgurata parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini kollha – partikolarment tan-nisa, li kellhom rwol kruċjali fit-talbiet għal bidla demokratika – fil-ħajja politika;

9.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jimmonitorjaw u jissalvagwardjaw il-libertà ta’ espressjoni tal-poplu u l-libertà tal-istampa, kemm barra mill-internet kif ukoll fl-internet, peress li aċċess ħieles għall-informazzjoni, il-komunikazzjoni u aċċess mingħajr ċensura għall-internet (libertà tal-internet) huma drittijiet fundamentali u indispensabbli biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-reponsabilità fil-ħajja pubblika;

10.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha jallinjaw il-politiki tagħhom lejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew isegwu approċċ każ b’każ fir-rigward tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, filwaqt li progress reali dwar id-demokrazija, elezzjonijiet ħielsa u ġusti u fuq kollox id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu ppremjati; iqis li huwa neċessarju li l-Unjoni Ewropea tiddikjara li hija lesta biex fil-mument xieraq ittejjeb il-kwalità tar-relazzjoni mal-Eġittu u t-Tuniżija, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni ekonomika aktar profonda, sabiex tagħti prova ta’ impenn Ewropew għat-trasformazzjoni demokratika f’dawn il-pajjiżi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-bżonnijiet umanitarji tat-TNC fil-Libja bl-akbar urġenza u attenzjoni;

Dwar is-Sirja:

13.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-użu ta’ vjolenza b’konsegwenzi fatali u brutali fuq skala massiva kontra dimostranti paċifiċi, inklużi l-effetti umanitarji tal-assedju impost fuq numru ta’ bliet bħal Daraa u Jisr al-Shughour; jesprimi l-kundanna l-aktar qawiija tiegħu għas-serjetà u l-ammont ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-awtoritajiet Sirjani, inkluż il-qtil extra-ġudizzjarju, detenzjonijiet arbitrarji fuq skala kbira, każijiert ta’ għajbien u tortura gravi, partikolarment ta’ tfal żgħar u nisa;

 

14.  Iqis li dan il-ksur mifrux u sistematiku tal-obbligi tas-Sirja fl-ambitu tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jista' jammonta għal reati kontra l-umanità; f’dan il-kuntest, jappoġġa ħafna l-isforzi kollha meħuda mill-OHCHR sabiex jiġi investigat kull każ allegat ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi tas-sigurtà Sirjani biex jiġu proċessati legalment il-persuni responsabbli għal din il-vjolenza u jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jipprovdu kooperazzjoni sħiħa u aċċess mingħajr ostakoli lill-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli u lil mekkaniżmi oħra tan-NU;

 

15.  Jistieden lill-HR/VP tiddikjara espliċitament li l-President Bashar al-Assad tilef kull leġittimità biex jiggverna lill-poplu Sirjan;

 

16.  Jistieden lill-HR/VP u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkomplu jaħdmu flimkien mas-sħab internazzjonali għal kundanna mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-ripressjoni kontinwa fis-Sirja u tal-infurzar mill-awtoritajiet Sirjani tar-responsabilità tagħhom li jipproteġu l-popolazzjoni tas-Sirja; iqis li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jirreferi investigazzjoni fis-sitwazzjoni tas-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjoni (ICC) bil-għan li ssir ġustizzja mal-popolazzjoni tas-Sirja u tkun evitata l-possibilità ta’ aktar vittmi; jistieden lill-HR/VP issejjaħ espliċitament għal tali riferiment;

 

17.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex b’mod immedjat jaħtar mibgħut speċjali dwar is-Sirja u jitlob li dan jingħata aċċess mingħajr ostakoli madwar il-pajjiż kollu bil-mandat li jirrapporta lura lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u li jitlob lill-UNSC jieħu l-miżuri xierqa;

 

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja biex b’mod immedjat iwaqqfu l-użu ta’ forza eċċessiva kontra d-dimostranti u jitlob għall-ħelsien immedjat tad-dimostranti, ġurnalisti, bloggers, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi paċifiċi kollha li għadhom detenuti minkejja l-amnestija riċenti mħabbra mill-President Al-Assad; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jagħtu aċċess immedjat u mingħajr xkiel lill-midja indipendenti u internazzjonali;

 

19.  Jiddeplora l-fatt li l-awtoritajiet Sirjani naqsu milli jwieġbu għal talbiet biex b’mod immedjat jieqfu mill-vjolenza, iwettqu l-impenji tagħhom u jinvolvu rwieħhom f’riformi ġenwini;

 

20.  Jenfasizza li proċess ta’ tranżizzjoni lejn governanza demokratika, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt għandu jkun ibbażat fuq djalogu kredibbli u inklussiv li jinvolvi l-forzi demokratiċi kollha u l-atturi tas-soċjetà ċivili bil-għan li jingħata bidu għal riformi demokratiċi profondi, inkluż it-tneħħija tal-Liġi ta’ Emerġenza, it-tmiem tal-monopolju tal-partit Baath fuq is-soċjetà Sirjana u l-possibilità tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

 

21.  Jesprimi l-appoġġ sod tiegħu favur il-ġlieda tal-poplu Sirjan għal riformi demokratiċi u t-tmiem tar-reġim awtoritarju; jitlob f'dan ir-rigward li l-HR/VP, il-Kunsill u l-Kummissjoni jappoġġaw lill-forzi tal-oppożizzjoni, inklużi dawk, bħall-Koalizzjoni Nazzjonali, li esprimew l-aspettattivi u t-talbiet biex jappoġġaw ir-rivoluzzjoni Sirjana;

 

22.  Iqis li r-ripressjoni brutali kontinwa fis-Sirja hija theddida reali għall-istabilità interna u reġjonali u li din is-sitwazzjoni qed teffettwa l-pajjiżi ġirien; jinnota bi tħassib kbir rapporti ta’ attivitajiet tal-armata fil-fruntieri u tal-eluf ta’ persuni spustati mit-Turkija u l-Libanu minħabba l-vjolenza fis-Sirja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jippermettu aċċess immedjat u bla kundizzjonijiet lill-aġenziji umanitarji għaż-żoni effettwati kollha;

 

23.  Ifaħħar il-politika tat-Turkija li żżomm il-fruntieri miftuħa għar-refuġjati Sirjani, kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ u lqugħ li ġew organizzati b’ħeffa bil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tan-Nofs Qamar l-Aħmar fir-reġjun ta’ Hatay; jenfasizza l-ħtieġa li min-naħa Torka, bl-għajnuna tal-UNHCR u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, jingħataw servizzi bażiċi lin-nies li qed jaħarbu mis-Sirja, mingħajr diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew raġunijiet simili;

 

24.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex minnufih jipprovdu appoġġ lill-awtoritajiet tat-Turkija u tal-Libanu fl-isforzi tagħhom biex jimmaniġġjaw il-kriżi umanitarja tul il-fruntieri tagħhom mas-Sirja;

 

25.  Jinnota li r-rwol ta’ medjazzjoni tal-awtoritajiet Torok fil-konfront tal-mexxejja Sirjani biex jippruvaw itemmu l-eskalazzjoni tal-vjolenza u għall-involviment fi djalogu politiku li jwassal għal riformi kredibbli; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lit-Turkija biex jikkooperaw b’mod konġunt sabiex tinstab soluzzjoni diplomatika u paċifika għar-ripressjoni fis-Sirja;

 

Il-Jemen:

 

26.  Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen u jħeġġeġ lill-partiti kollha jwaqqfu l-vjolenza, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jonoraw waqfien mill-ġlied permanenti; itenni l-urġenza ta’ tranżizzjoni ordinata u inklussiva b’konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

 

27.  Jistieden lill-President “jittrasferixxi l-poter b'mod paċifiku permezz ta' istituzzjonijiet kostituzzjonali”; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jissanzjona lir-reġim tal-President Saleh jekk it-tranżizzjoni tal-poter tieħu fit-tul jew ma jirnexxilhiex tikseb riżultati; jitlob lill-partijiet kollha, inkluża l-oppożizzjoni, biex jaġixxu b'mod responsabbli, jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv mingħajr dewmien, sabiex tintlaħaq tranżizzjoni politika, u biex jinkludu f'dan id-djalogu l-partiti u l-movimenti kollha li jirrappreżentaw lill-poplu Jemenit;

 

28.  Jistieden lill-Kunsill biex immedjatament jaqbel fuq numru ta’ sanzjonijiet kontra r-reġim ta’ Saleh li jkompli jissopprimi b’mod vjolenti r-rewwixti fil-Jemen;

 

29.  Jenfasizza l-importanza li wieħed ikompli bi tranżizzjoni politika ordinata u inklussiva fil-Jemen b’konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, biex jintlaqgħu l-interessi leġittimi tal-popli tal-Jemen kollu;

 

30.  Jenfasizza t-tħassib serju tiegħu dwar l-imblokk politiku dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, inkluż iċ-ċaqliq intern ta' bosta eluf ta' nies bħala riżultat tal-ġlied;

 

31.  Jilqa’ l-missjoni mħabbra tal-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għad-Drittijiet tal-bniedem u jinkuraġġixxi lill-Gvern tal-Jemen biex jiżgura aċċess ħieles u mingħajr xkiel lejn il-pajjiż kif huma wiegħdu; jilqa’ d-dikjarazzjoni transreġjonali dwar il-Jemen mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u jistenna bil-ħerqa djalogu waqt it-18-il sessjoni tiegħu;

 

32.  Jappoġġa bis-sħiħ sħab internazzjonali oħra, fil-provvista ta’ assistenza u appoġġ politiku neċessarju għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Jemen

 

Dwar il-Baħrejn:

 

33.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jibdlu s-sentenzi tal-mewt ta' Ali ‘Abdullah Hassan al-Sankis u ta' ‘Abdulaziz ‘Abdulridha Ibrahim Hussain; jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jerġgħu jdaħħlu d-de facto moratorium fuq il-piena kapitali;

 

34.  Iħeġġeġ favur il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti paċifiċi kollha inkluż l-attivisti politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-47 tabib u infermiera mill-Baħrejn li ġew miżmuma illegalment waqt li kienu qegħdin iwettqu d-dover professjonali tagħhom, kif stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi ta' għomor il-ħabs għat-8 attivisti tal-oppożizzjoni u għat-13 l-oħra li rċevew sentenzi sa 15-il sena l-ħabs;

 

35. Iħeġġeġ favur il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti paċifiċi kollha inkluż l-attivisti politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Abdulhadi al-Khawaja, Hasan Mushaima and Abduljalil al-Singace u tas-47 tabib u infermiera mill-Baħrejn li kienu qegħdin iwettqu d-dover professjonali tagħhom; jikkundanna l-fatt li 21 ċivili ġew imħarrka quddiem qorti militari; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi ta' għomor il-ħabs għat-8 attivisti tal-oppożizzjoni u għat-13 l-oħra li rċevew sentenzi sa 15-il sena l-ħabs, kif ukoll dwar l-abbuż irrappurtat fid-detenzjoni, in-nuqqas ta’ aċċess għal konsulent legali u stqarrijiet furzati; jenfasizza li l-Gvern tal-Baħrejn għandu jipprova jerġa’ jdaħħal il-fiduċja bħala prekondizzjoni kruċjali għal-djalogu nazzjonali ġust, inklussiv u sinifikattiv;

 

36.  Jinnota d-deċiżjoni meħuda mir-Re tal-Baħrejn, fid-29 ta’ Ġunju 2011, dwar il-ħolqien ta’ Kummissjoni indipendenti biex tinvestiga u tirrapporta dwar avvenimenti li seħħew fil-Baħrejn fi Frar/Marzu 2011, jistenna bil-ħerqa r-rapport finali tal-Kummissjoni li għandu jiġi sottomess sa tmiem Ottubru 2011;

 

37.  Jappoġġja bil-qawwa d-deċiżjoni tar-Re Hamad li jneħħi l-istat ta' emerġenza fil-Baħrejn fl-1 ta' Ġunju u jitlob ir-rispett sħiħ tagħha, milli juża l-vjolenza kontra d-dimostranti, u biex jirrispetta l-libertà ta' assoċjazzjoni u espressjoni tagħhom u biex jiggarantixxi s-sigurtà tagħhom;

 

38.  Itenni s-sejħa tiegħu għall–irtirar immedjat tat-truppi barranin mill-Baħrejn;

 

39.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn biex jiggarantixxi r-rispett sħiħ għal-libertà tar-reliġjon fil-pajjiż;

 

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-pajjiżi membri tad-delegazzjoni tal-Magreb u tal-Maxreq u tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.