MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq
4.7.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Gabriele Albertini, Angelika Niebler, Mario Mauro, Cristian Dan Preda, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Andrzej Grzyb, Tokia Saïfi, Michael Gahler, Filip Kaczmarek, Dominique Vlasto, Krzysztof Lisek, Monica Luisa Macovei, Ria Oomen-Ruijten, Mário David, Marco Scurria, Simon Busuttil, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Elena Băsescu, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Nadezhda Neynsky, Seán Kelly, Artur Zasada f'isem il-Grupp PPE-DE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0389/2011
B7‑0449/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-7 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija,
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar tas-7 ta’ April 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni dwar is-Sirja, tat-18, it-22, l-24 u s-26 ta' Marzu, tat-23 ta' April, tas-6 u l-11 ta' Ġunju 2011, u dwar il-Jemen tal-10, t-12 u t-18 ta' Marzu, tas- 27 ta' April, tal-11, is-26 u l-31 ta' Mejju u tat-3 ta' Ġunju 2011, u dwar il-Baħrejn fl-10, it-12 u t-18 ta' Marzu u l-1 ta' Lulju 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni f'isem l-UE dwar is-Sirja tad-29 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni bit-titolu 'Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran' tal-24 ta' Mejju 2011, u l-Komunikazzjoni konġunta 'Risposti ġodda għal Viċinat fi Trasformazzjoni' tal-25 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Vicinat tan-Nofsinhar tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja tad-29 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 u 2011/302/PESK tat-23 ta’ Mejju 2011 u 2011/367/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-23 ta’ Mejju u tal-20 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja tat-3 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja tal-14 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU tal-1990 li għaliha s-Sirja hija Stat Kontraenti,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-eżempju ta' pajjiżi Għarab oħra, dimostranti fis-Sirja u fil-Jemen, esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u talba popolari qawwija għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali mmirati lejn il-kisba ta’ demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tal-istat ta' dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar,
B. billi l-gvernijiet rispettivi rreaġixxew b'żieda fir-repressjoni vjolenti; billi l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà fis-Sirja u fil-Jemen wassal għal telf konsiderevoli ta' ħajjiet, feruti u nies mitfugħa l-ħabs, u jikser l-ICCPR, li tiegħu s-Sirja u l-Jemen huma stati kontraenti,
C. billi d-dimostrazzjonijiet fis-Sirja bdew fil-belt ta' Daraa fin-Nofsinhar tal-pajjiż, qabel ma nfirxu fil-pajjiż kollu; billi l-armata Sirjana imponiet assedju fuq Daraa u diversi bliet oħra; billi, skont xi rapporti, iktar minn 1 100 persuna inqatlu u iktar minn 10 000 persuna kienu arrestati b'mod arbitrarju,
D. billi vidjows reċenti, li kienu mxandra madwar id-dinja, urew stampi inkwetanti ta' tfal detenuti arbitrarjament fis-Sirja li sfaw vittmi tat-tortura jew trattament ħażin waqt id-detenzjoni tagħhom, li f'ċerti każi wasslet għall-mewt tagħhom, bħal fil-każ ta' Hamza al-Khateeb, tifel ta' 13-il sena; billi, b'żieda ma' dan, l-użu ta' munizzjon attiv kontra d-dimostranti diġà wassal għall-imwiet ta' mill-anqas 30 tifel, kif irrappurtat mill-UNICEF, l-aġenzija tan-NU għat-tfal, fil-31 ta' Mejju 2011,
E. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija Sirjana, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-Ftehim ġie pospost minn Ottubru 2009 fuq talba tas-Sirja; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu parti essenzjali ta' dan il-Ftehim,
F. billi l-Jemen hu l-aktar pajjiż fqir fil-Lvant Nofsani, b'malnutrizzjoni mifruxa, riżervi taż-żejt li qed jonqsu, popolazzjoni li qed tikber, gvern ċentrali dgħajjef, nuqqas dejjem ikbar ta' ilma u ftit li xejn investiment fl-ekonomija tal-pajjiż; billi hemm tħassib serju dwar id-diżintegrazzjoni tal-istati Jemeniti bi tregwa fraġli minn Frar mar-ribelli Xiti fit-Tramuntana, moviment seċessjonista fin-Nofsinhar u ħafna ġellieda ta' al-Qaeda li huma rrappurtati li jużaw il-Jemen bħala bażi ta' rifuġju,
G. billi l-President Ali Abdullah Saleh, li kien ferut b'bomba u qed jirċievi trattament mediku fl-Arabja Sawdija, irrifjuta li jiffirma l-inizjattiva tal-GCC (Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf) għat-transizzjoni politika aċċettata kemm mill-partit fil-poter u kemm mill-koalizzjoni fl-oppożizzjoni,
H. billi l-istat tas-sikurezza nazzjonali fil-Baħrejn tneħħa fl-1 ta' Ġunju u r-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa għamel appell għal djalogu nazzjonali, li nbeda fit-2 ta' Lulju,
I. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha,
1. Jikkundanna bis-saħħa r-repressjoni vjolenta mill-forzi tas-sigurtà ta’ dimostranti paċifiċi fis-Sirja u fil-Jemen u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popli f'dawn il-pajjiżi, ifaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani u Jemeniti biex joqogħdu lura mill-użu ta' vjolenza kontra d-dimostranti u jirrispettaw id-dritt ta’ assemblea tagħhom; jenfasizza li dawk responsabbli għall-imwiet u l-ġrieħi kkawżati għandhom jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem qorti; jistieden lill-awtoritajiet biex jeħilsu immedjatament il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u d-dimostranti paċifiċi kollha, idaħħlu fil-liġi u fil-prattika l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, jintensifikaw il-miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiggarantixxu drittijiet ugwali għall-minoranzi, jiżguraw aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni, bħall-internet u l-mowbajls, u jiżguraw l-aċċess għall-midja indipendenti;
3. Jenfasizza li l-użu ta' vjolenza minn stat kontra l-popolazzjoni tiegħu stess irid ikollu konsegwenzi diretti fuq ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea; ifakkar lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni li l-UE tista' tuża numru kbir ta' għodod biex tiskoraġġixxi azzjonijiet bħal dawn, bħal iffriżar tal-assi, projbizzjoni tal-ivjaġġar, eċċ.; ifakkar madankollu li l-popolazzjonijiet qatt ma għandhom ikunu affettwati minn talli reviżjoni tar-relazzjonijiet bilaterali;
4. Jitlob lill-awtoritajiet Sirjani u Jementi jirrispondu malajr għat-talbiet mifruxa għal riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi li jwasslu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fis-Sirja u fil-Jemen; jenfasizza li l-kriżijiet attwali fis-Sirja u fil-Jemen jistgħu jkunu solvuti biss permezz ta' proċess u djalogu politiku miftuħa u sinifikattivi mingħajr dewmien jew kundizzjonijiet imposti minn qabel, bil-parteċipazzjoni tal-forzi demokratiċi kollha u tas-soċjetà ċivili;
5. Jikkundanna l-eskalazzjoni tal-vjolenza fis-Sirja u l-vjolazzjonijiet kontinwi u serji tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih li t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza mħabbar fil-21 ta' April mhux qed ikun implimentat fir-realtà, li ma kinux implimentati r-riformi mwiegħda mill-President Assad, u li l-priġunieri politiċi għadhom taħt arrest minkejja l-amnestija reċenti mħabbra mill-President; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jieqfu jassedjaw minnufih il-bliet affettwati u jippermettu aċċess rapidu u mingħajr xkiel għall-aġenziji u l-ħaddiema umanitarji;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani sabiex minnufih jeħilsu lit-tfal kollha arrestati tul ir-ripressjoni tad-dimostrazzjonijiet u tul avvenimenti relatati, biex jinvestigaw bir-reqqa r-rapporti ta' każijiet ta' vjolenza kontra t-tfal u biex jieqfu milli jwettqu aktar arresti u vjolenza kontra t-tfal u minn kull ksur ieħor tad-drittijiet tat-tfal;
7. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq is-Sirja u fuq il-persuni responsabbli mir-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili, jissospendi t-tħejjijiet għall-programmi ta' kooperazzjoni bilaterali ġodda, jissospendi l-programmi bilaterali li għaddejjin mal-awtoritajiet tas-Sirja skont l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-istrument MEDA, jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex għalissa ma japprovax operazzjonijiet ġodda ta' finanzjament mill-BEI fis-Sirja, biex jikkunsidra s-sospensjoni ta' għajnuna Komunitarja ulterjuri għas-Sirja fid-dawl tal-iżviluppi u biex ma jieħux aktar passi rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mas-Sirja;
8. Jappoġġa bil-qawwa l-isforzi diplomatiċi tal-UE flimkien mas-sieħba tagħha fil-komunità internazzjoni biex tiżgura li l-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU (KSNU) jikkundanna l-vjolenza kontinwa fis-Sirja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jwettqu l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan; jiddispjaċih għall-fatt li s'issa dawn l-isforzi ma kinux ta' suċċess u li r-riżoluzzjoni ma setgħatx titressaq u l-KSNU ma ħa l-ebda pożizzjoni; jistieden lir-Russja u ċ-Ċina, il-Membri Permanenti tal-KSNU li esprimew riżervi, biex jiżguraw li l-KSNU jista' jirreaġixxi adegwatament għas-sitwazzjoni fis-Sirja; jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni tikkonvinċi lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi li l-KSNU għandu jkun jista' tassumi r-responsabilità tiegħu;
9. Jitlob lill-awtoritajiet tas-Sirja jippermettu d-dħul tal-istampa barranija u osservaturi indipendenti tan-NU fil-pajjiż biex jivverifikaw l-allegazzjoni li 'gruppi ta' estremisti armati' qegħdin jisparaw l-ewwel kontra l-forzi tas-sigurtà, li hija l-ġustifikazzjoni tar-reġim għat-tixrid ta' demm inaċċettabbli kollu li qiegħed iseħħ;
10. Jilqa' r-rikonoxximent mill-UE tal-isforzi tat-Turkija u ta' sieħba reġjonali l-oħrajn rigward aspetti differenti tal-kriżi, b'mod partikolari l-aspetti umanitarji, u d-dikjarazzjoni tagħha li se taħdem magħhom biex tindirizza s-sitwazzjoni fis-Sirja; jistieden lit-Turkija u lill-UE biex iżidu l-isforzi tagħhom ta' koordinament tal-politika barranija u jħeġġeġ bil-qawwa li jkomplu jsiru sforzi kkoordinati ta' appoġġ għad-demokratizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq;
11. Jiddeplora l-falliment tal-awtoritajiet tal-Jemen li jiżguraw il-passaġġ sikur ta' diplomatiċi mill-Ambaxxata tal-Emirati Għarab Magħquda f'San'a fit-22 ta' Mejju, inkluż is-Segretarju Ġenerali tal-GCC u l-Ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-GCC, tal-UE, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jirrispettaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti fil-Jemen, inklużi dawk tat-3 ta' Ġunju fuq il-President Saleh; jistieden lill-partijiet kollha jtemmu l-ostilitajiet kollha u jirrispettaw waqfien mill-ġlied permanenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Jemeniti biex jikkommettu ruħhom għal transizzjoni ordnata u inklużiva skont l-inizjattiva tal-GCC;
13. Jistieden lill-Arabja Sawdija biex tipprova twettaq il-pjan tal-GCC għat-tmiem tal-kriżi politika, modifikat kif hemm bżonn u b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-President Saleh jinsab barra l-pajjiż għal raġunijiet ta' saħħa u biex tikkonvinċih li għall-istess raġunijiet ta' saħħa m'għandux imur lura, u li l-perjodu ta' xahrejn għandu jibda minn issa u li fi tmiemu Gvern ta' unità nazzjonali għandu jkun iffurmat taħt il-Viċi President attwali li għandu jsejjaħ elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont il-Kostituzzjoni tal-Jemen;
14. Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' rapporti ta' progress mill-kumitat ta' livell għoli maħtur mill-Gvern tal-Jemen biex jinvestiga l-attakk fuq id-dimostranti fit-18 ta' Marzu f'San'a, fejn inqatlu 54 ruħ u aktar minn 300 kienu midruba; itenni t-talba tiegħu lill-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni biex tappoġġja t-talbiet għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar dan l-inċident;
15. Jilqa' l-missjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) fil-Jemen, li evalwat is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u se tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Gvern tal-Jemen u lill-komunità internazzjonali; jilqa' t-talba mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-OHCHR biex tintbagħat urġentement missjoni għal ġbir ta' informazzjoni fis-Sirja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-OHCHR u jippermettu aċċess għal din il-missjoni;
16. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi paċifiċi tan-nies tas-Sirja u l-Jemen, teżamina mill-ġdid il-politiki tagħha lejn dawn il-pajjiżi, tirrispetta l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi, u tkun lesta tgħin, f’każ ta’ impenn serju mill-awtoritajiet nazzjonali, fl-implimentazzjoni ta’ aġendi ta’ riforma politika, ekonomika u soċjali f’dawn il-pajjiżi;
17. Jilqa' t-tneħħija tal-istat ta' sikurezza nazzjonali fil-Baħrejn kif ukoll is-sejħa mir-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa għal djalogu nazzjonali; jenfasizza li għandu jkun hemm djalogu wiesgħa, paċifiku u sinifikattiv li jwassal għal proċess ta' riforma inklużiv; jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jaġixxu skont in-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex ma jimponux il-piena tal-mewt fuq id-dimostranti;
18. Huwa mħasseb dwar ir-rapporti ta' detenzjoni, tortura, intimidazzjoni u l-proċessi ta' professjonisti fil-kamp mediku fil-Baħrejn; jikkundanna l-prosekuzzjoni tat-tobba u l-infermiera akkużati li ttrattaw individwi feruti waqt id-dimostrazzjonijiet fil-Baħrejn; jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jeħilsu l-istaff mediku kollu li kien arrestat waqt id-dimostrazzjonijiet;
19. Jappoġġa bil-qawwa l-impenn tal-UE biex tipproteġi ċ-ċivili Libjani, inkluż permezz tal-intensifikazzjoni tal-pressjoni fuq ir-reġim Libjan, u biex tappoġġa l-bini ta' stat demokratiku Libjan; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tintensifika s-sanzjonijiet tagħha kontra r-reġim biż-żieda ta' sitt awtoritajiet portwali taħt il-kontroll tar-reġim mal-lista ta' assi ffriżati mill-UE;
20. Jilqa' l-mandat ta' arrest maħruġ mill-Qorti Kriminali Internazzjonali fis-27 ta' Ġunju 2011 kontra Muammar Abu Minya Gaddafi, Saif Al Islam Gaddafi u Abdullah Al Sanousi u jħeġġeġ lill-istati kollha, inklużi dawk li mhumiex stati kontraenti tal-Istatut ta' Ruma, biex irendu effetivi b'mod sħiħ il-mandati;
21. Jilqa' l-proċess ta' riformi fil-Marokk, u b'mod partikolari r-riforma kostituzzjonali proposta li tressqet għal referendum, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba għall-ftuħ tar-reġim, għall-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni; jistieden lill-partiti politiċi fil-Marokk biex jieħdu rwol attiv f'dan il-proċess ta' bidla; jinnota li l-Marokk kien l-ewwel pajjiż fir-reġjun li ngħata Status Avvanzat fir-relazzjonijiet mal-UE;
22. Jinnota l-inizjattivi mħabbra mill-President tal-Alġerija biex jaċċeleraw il-proċess ta' demokratizzazzjoni u biex jiżguraw governanza aħjar tal-pajjiż, inklużi t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza u riforma kostituzzjonali ppjanata; jenfasizza l-ħtieġa ta' impenn b'saħħtu mill-awtoritajiet Alġerini għal dan il-proċess ta' riformi, li għandu jkun inklużiv, sabiex ikunu evitati t-tensjonijiet u l-vjolenza;
23. Jilqa' l-impenn għar-riformi politiċi fil-Ġordan, u b'mod partikolari għar-rieżami tal-Kostituzzjoni u l-ħidma tal-Kumitat ta' Djalogu Nazzjonali; ifaħħar l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Ġordan u jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni konkreta tar-riformi; jinnota li l-UE qablet li tagħti lill-Ġordan sħubija bi 'Status Avvanzat' fl-2010;
24. Jilqa' t-transizzjoni demokratika fl-Eġittu u t-Tuneżija, bħala konsegwenza tar-'Rebbiegħa Għarbija'; jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tan-nies għal-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jistieden lill-komunità internazzjonali tagħmel aktar sforzi biex issostni u tħeġġeġ il-proċess ta' riforma politika fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani;
25. Jinnota li l-elezzjonijiet għall-Assemblea Kostitwenti fit-Tuneżija kienu posposti mill-24 ta' Lulju sat-23 ta' Ottubru, għaliex hemm bżonn iktar żmien għall-organizzazzjoni tal-votazzjoni; jappoġġa t-talba ta' diversi partiti politiċi u gruppi taż-żgħażagħ fl-Eġittu li Kostituzzjoni ġdida għandha tkun abbozzata qabel ma jsiru elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali u li l-partiti politiċi għandu jkollhom iktar żmien biex iħejju lilhom infushom għall-elezzjonijiet;
26. Jenfasizza li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem li għandu jkun garantit mill-awtoritajiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu protezzjoni affidabbli u effikaċi għad-denominazzjonijiet reliġjużi li jinsabu f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi;
27. Jappoġġa bil-qawwa l-pożizzjoni tal-Kunsill li l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tkun kapaċi tilqa' l-isfidi l-ġodda fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jilqa' l-impenn tal-UE u l-Istati Membri li jakkumpanjaw u jappoġġjaw sforzi konkreti mill-gvernijiet li huma ġenwinament impenjati f'riformi politiċi u ekonomiċi, kif ukoll mis-soċjetajiet ċivili; jilqa' l-istabbiliment ta' Task Force għall-Mediterran tan-Nofsinhar mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni;
28. Jilqa' l-Komunikazzjonijiet dwar risposti ġodda għal viċinat li qed jinbidel u dwar djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jistieden lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex jadottaw approċċ integrat għall-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom, speċjalment f'dan il-kuntest politiku li qed jinbidel;
29. Jilqa' s-'Sħubija ta’ Deauville' mal-popli tar-reġjun li tnediet mill-membri tal-G8; jinnota li l-ewwel 'Pajjiżi tas-Sħubija' se jkunu l-Eġittu u t-Tuneżija, iżda li l-membri tal-G8 li jinsabu lesti li jestendu din is-Sħubija lill-pajjiżi kollha fir-reġjun li qegħdin jipparteċipaw fi transizzjoni lejn soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u tolleranti;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Arabja Sawdija, lill-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Marokk, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Ġordan, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lill-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tal-GCC u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.