Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0480/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0480/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-approċċ politiku tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2012 tal-UIT (WRC-12)

7.9.2011

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0480/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Herbert Reul f'isem il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Proċedura : 2011/2755(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0480/2011

B7‑0480/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar approċċ politiku tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2012 tal-UIT (WRC-12)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011) 180 tas-6 ta’ April 2011 dwar approċċ politiku tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2012 tal-UIT (WRC-12),

–   wara li kkunsidra l-agenda of the ITU WRC-12,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda Diġitali fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal- RSPG dwar objettivi ta’ politika komuni għad-WRC-12,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-RSPP adottata fil-11 ta’ Mejju 2011 (rapport tas-Sur Hökmark A7‑0151/2011),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għat-Trasport, it-Telekomunikazzjoni u l-Enerġija tas-27 ta’ Mejju 2011 dwar d-WRC-12,

–   wara li kkunsidra l-Artkoli 8a (4) u 9(1) tad-Direttiva 2009/140/KE tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għal netwerks ta’ komunikazzjoni u servizzi komuni,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konferenza 2012 se tinklonkludi bl-adozzjoni ta’ emenda għar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU,

B.  billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ftehimiet internazzjonali li huma parti għalihom fil-kuntest tal-ITU, jkunu konformi ma' leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, u partikolarment mar-regoli u l-prinċipji rilevanti tal-qafas regolatorju tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi;

C. billi l-ispettru huwa sors pubbliku skars li huwa kritiku għal għadd ta’ setturi dejjem akbar,

D. billi, kif enfasizzat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-broadband bla wajers u servizzi ta’ komunikazzjoni huma partikolarment xpruni importanti għat-tkabbir u l-kompetittività fil-livell globali;

E.  billi l-Ewropa tkun tista’ tesplojta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ ekonomija diġitali biss permezz tal-ħolqien ta’ suq diġitali intern li jiffunzjona tajjeb b’kundizzjonijiet ekwi fil-livell pan-Ewropew,

F.  billi l-ħelsien ta’ spettru addizzjonali b’mod orizzontali fil-livelli globali u Ewropej huwa mod importanti biex jitħaffef ix-xkiel rigward kapaċità f’netwerks mobbli u biex jinkoraġġixxi servizzi ġodda u tkabbir ekonomiku;

G. billi punt maġġuri ta’ din il-konferenza jiddependi mid-disponibilità ta spettru tar-radju u jirrigwarda b’mod partikolari d-Dividend Diġitali fil-medda ta’ 800 MHz;

H. billi bosta punti oħrajn huma relevanti għall-politiki tal-UE (is-soċjetà tal-informazzjoni, il-politika rigward l-ispazju, Galileo, is-suq intern, l-ambjent, il-politika awdjoviżwali, ir-riċerka...);

I.   billi kull WRC jistabbilixxi aġenda għall-konferenza li jkun imiss;

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel mal-analiżi tal-importanza tal-impatt tad-WRC-12 dwar politiki tal-UE;

2.  Jemmen li l-UE għandha titkellem b’vuċi waħda f’negozjati multilaterali sabiex tippromwovi l-interessi tagħha u toħloq sinergiji globali u ekonomija ta’ skala għall-użu tal-ispettru; għalhekk jinkuraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri sabiex japprovaw bis-sħiħ dawn l-orjentazzjonijiet għall-politiki u jippromwovuhom u jiddefenduhom attivament fid-WRC-12; jemmen ukoll barra minn hekk li sakemm il-Kummissjoni ma jkollhiex id-dritt li titkellem fl-ITU f’isem l-UE, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw mill-qrib pożizzjoni komuni tal-Unjoni abbażi tal-RSPP flimkien mal-Kummissjoni;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-25 punt individwali fuq l-aġenda tad-WRC-12 u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-politiki u l-obejttivi tal-UE;

4.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex iħarsu dawn l-objettivi u jirreżistu kwalunkwe modifiki tar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU li jkunu jistgħu jaffettwaw l-ambitu u s-sustanza tagħhom; f’dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-prinċipji tat-Trattat tal-UE u tal-acquis communitaire jiġu rispettati;

5.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri b’appoġġ tekniku u politiku fin-neguzjati bilaterali u multilaterali tagħhom ma’ pajjiżi terzi u tikkoopera mal-Istati Membri meta jiġu neguzjati ftehimiet internazzjonali, speċjalment ftehimiet ma’ pajjiżi terzi girien fejn tista’ sseħħ interferenza minħabba pjanijiet ta’ allokazzjoni differenti;

6.  Tfakkar fil-pozizzjoni tiegħu fl-RSPP, u – b’mod partikolari fir-rigward tal-istudju tal-ITU stess dwar bżonnijiet ta’ IMT Avvanzat – fil-ħtieġa li jkun allokat spettru suffiċjenti u xieraq għal traffiku ta’ dejta mobbli li jammonta għal tal-anqas 200 MHz kunplessivament sal-2015 u sabiex tiġi sodisfatta bl-aħjar mod it-talba dejjem akbar għal traffiku ta’ dejta mobbli; ifakkar li kwalunkwe miżuri ġodda għandhom ikunu trasparenti u m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni jew jiżvantaġġaw min jidħol ġdid fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-inklużjoni ta’ dan il-punt relevanti fl-aġenda tal-konferenza li jmiss tad-WRC fl-2016; itenni f’dan ir-rigward l-importanza li l-UE tiżviluppa inventarju tal-użu eżistenti tagħha tal-ispettru u l-effiċjenza ta’ dan kif propost fl-RSPP;

8.  Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jsegwu aġenda ta’ armonizzazzjoni ambizzjuża skont il-konklużjonijiet tal-ITU u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa u tirrevedi l-bżonn li tinħeles medda tal-ispettru addizzjonali, hekk li titqies l-evoluzzjoni ta’ teknoloġiji tal-ispettru, l-esperjenza fis-suq ta’ servizzi ġodda, il-bżonnijiet futuri possibbli ta’ xandir terrestri tar-radju u t-televiżjoni u n-nuqqas ta’ spettru f’meded oħra adegwat għal kopertura ta’ broadband bla wajers li jista’ jagħmel dan possibbli, skont id-deċiżjonijiet neċessarji li jridu jittieħdu, sal-2012 u l2016;

9.  Jenfasizza li servizzi tal-broadband bla wajers jikkontribwixxu sostanzjalment għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir; jeħtieġ spettru suffiċjenti u li jkun ġestit effiċjentement sabiex jissodisfa t-talba dejjem akbar tal-konsumatur f’termini ta’ kapaċità u kopertura;

10. Iqis li r-rwol akbar tal-UE fil-politika tal-ispettru jeżiġi li jkun hemm pożizzjoni formali aqwa tal-UE fl-ITU u għalhekk jappoġġa bil-qawwa r-rieżami tal-istatus tagħha fil-konferenza plenipotenzjali tal-ITU li jmiss fl-2014;

11. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex l-UE tkun tista’ tibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal tal-opportunitajiet ta’ innovazzjoni f'termini ta’ teknoloġiji tal-ispettru tar-radju;

12. Jenfasizza l-importanza li l-UE taġixxi bħala xprun ewlieni fit-teknoloġija tal-ispettru tar-radju u sabiex tkun ta’ eżempju tal-aħjar prattiki u koeżjoni;

13. Jenfasizza l-vulnerabilità minn attakki ċibernatiċi fuq inġenji li jużaw l-ispettru tar-radju u jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ koordinat globali għat-tisħiħ tas-sikurezza ċibernatika;

14. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirraporta dwar r-riżultati u l-kisbiet tad-WRC-12;

15. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.