Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0481/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0481/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni

7.9.2011

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0419/2011, B7-0420/2011, B7-0422/2011, B7-0423/2011, B7-0424/2011 u B7-0425/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Monica Luisa Macovei, Mariya Ivanova Nedelcheva, Manfred Weber, Simon Busuttil, Agustín Díaz De Mera, Salvatore Iacolino, Marietta Giannakou, Jean-Pierre Audy and Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE-DE
Hannes Swoboda, Ana Gomes, Claude Moraes, Jens Geier, Rita Borsellino and Rosario Crocetta f'isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Sonia Alfano, Nathalie Griesbeck, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Jan Mulder, Sarah Ludford, Andrea Zanoni, Jens Rohde f'isem il-Grupp ALDE
Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Dennis de Jong, Søren Bo Søndergaard and Jean-Luc Mélenchon f'isem il-Grupp GUE/NGL
Timothy Kirkhope f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2011/2744(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0481/2011

B7‑0481/2001

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolat Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE (COM(2011)308) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C(2011)3673 finali) li tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rappurtar tal-korruzzjoni għal valutazzjoni perjodika ('Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni'),

­    wara li kkunsidra l-Artikoli 67(3) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Programm ta' Stokkolma, għal Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini',

­    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 2/2010 tal-Parlament Ewropew dwar l-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

­    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat[1],

­    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji[2] tal-Komunità Ewropea mfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat ta l-Unjoni Ewropea li tikkriminalizza l-frodi u l-korruzzjoni li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE[3],

­    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-korruzzjoni hija qasam ta' reati partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali u spiss għandha implikazzjonijiet transkonfinali fl-UE u 'l hinn mill-fruntieri tal-UE, u billi l-Unjoni Ewropea għandha dritt ġenerali li taġixxi fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni;

B.  billi l-Artikolu 67 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, fost l-oħrajn permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali, u billi l-Artikolu 83 tat-TFUE jelenka l-korruzzjoni fost ir-reati partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali;

C. billi l-Programm ta' Stokkolma (4.1) jelenka l-korruzzjoni fost l-isfidi transnazzjonali li jkomplu jheddu s-sigurtà interna tal-Unjoni, li jeħtieġu rispons ċar u komprensiv;

D. billi erbgħa minn kull ħames ċittadini tal-UE jikkunsidraw il-korruzzjoni bħala problema serja fl-Istat Membru tagħhom (Eurobarometer 2009 dwar l-atteġġamenti tal-Ewropej lejn il-korruzzjoni) u 88% ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Programm ta' Stokkolma jikkunsidraw li l-UE għandha timpenja ruħha aktar kontra l-korruzzjoni;

E.  billi huwa stmat li EUR 120 biljun fis-sena, ammont li jirrapreżenta wieħed fil-mija tal-PDG fl-UE, jintilfu minħabba l-korruzzjoni (COM(2011)308);

F.  billi l-korruzzjoni tnawwar l-istat tad-dritt, twassal għall-uzu ħażin tal-fondi tal-UE provduti minn min iħallas it-taxxi, ixxekkel is-suq u kellha rwol fil-kriżi ekonomika attwali,

G. billi l-irkupru ekonomiku tal-Istati Membri affettwati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja jiġi mfixkel mill-korruzzjoni, l-evażjoni fiskali, il-frodi fiskali u reati ekonomiċi oħra;

H. billi l-korruzzjoni tikkawża dannu soċjali minħabba li gruppi kriminali organizzati jużaw il-korruzzjoni biex iwettqu delitti serji, bħat-traffikar tad-droga u tal-bnedmin (COM(2011)308);

I.   billi hemm nuqqas ta' impenn politiku sod min-naħa tal-mexxejja u ta' min jieħu d-deċiżjonijiet biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha u billi l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni fost l-Istati Membri mhijiex ugwali u ġeneralment mhijiex sodisfaċenti (COM(2011)308);

J.   billi l-Istati Membri tal-UE ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni, tnax minnhom ma rratifikawx il-protokoll azzjonali tagħha u sebgħa minnhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni; billi tliet Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni (UNCAC) u ħames Stati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-OKŻE kontra t-Tixħim;

K. billi l-perċezzjoni tal-korruzzjoni ddgħajjef serjament il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, filwaqt li taffettwa l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern;

L.  billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'każijiet ta' korruzzjoni b'dimensjoni transkonfinali għadha kumplessa u kajmana;

M. billi, jekk ma tiġix indirizzata urġentement u b'mod korrett, il-korruzzjoni tista' timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi u ddgħajjef ir-responsabbiltà tat-tmexxija politika (COM(2011)308);

N. billi l-korruzzjoni żammet diversi gvernijiet dittatorjali fil-poter u ħalliethom idaħħlu ammonti sinifikanti ta' flus f’kontijiet ta' banek barranin, inklużi dawk Ewropej; billi l-Istati Membri għandhom iqawwu l-isforzi tagħhom biex jintraċċaw u jiffriżaw assi barranin misruqa sabiex dawn ikunu jistgħu jintraddu lura lis-sidien legali tagħhom;

1.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni, fis-6 ta' Ġunju 2011, ta' pakkett kontra l-korruzzjoni[5] li jinkludi komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE u deċiżjoni li tistabbilixxi r-'Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni';

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-aġenda tas-sigurtà tagħha għas-snin li ġejjin, inkluż f'dak li jirrigwarda r-riżorsi umani allokati lilha;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza, permezz tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar tagħha, il-ħsieb prinċipali tal-implimentazzjoni effikaċi tal-liġijiet kontra l-korruzzjoni, kif ukoll sanzjonijiet dissważivi, inklużi dawk imposti mill-infurzar tal-liġi u mill-ġudikatura;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza t-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni, inklużi sanzjonijiet dissważivi, u tieħu passi biex tistimula t-traspożizzjoni u l-infurzar mill-Istati Membri ta' strumenti internazzjonali u reġjonali kontra l-korrruzzjoni;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fl-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' rappurtar kontra l-korruzzjoni fl-UE, tiżgura li l-esperti indipendenti jkunu parti mill-grupp ta' esperti u min-netwerk ta' korrispondenti tar-riċerka u li l-esperti kollha jkollhom livell għoli ta' integrità, reputazzjoni u kompetenza, u li jiġu rappreżentati varjetà ta' organizzazzjonijiet soċjali ċivili;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, qabel l-2012, tikkunsidra toħroġ rapporti interim kontra l-korruzzjoni, minħabba l-urġenza li din il-kwistjoni tiġi trattata fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali f'diversi Stati Membri;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni taġixxi abbażi tal-Artikolu 83(1) TFUE biex tadotta regoli minimi dwar id-definizzjoni tal-korruzzjoni u s-sanzjonijiet għaliha, minħabba d-dimensjoni transkonfinali u l-konsegwenzi għas-suq intern;

8.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni qafas;

9.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ il-konvenzjonijiet tal-UE tal-1995 u l-1997 li jikkriminalizzaw il-frodi u l-korruzzjoni;

10. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tieħu azzjoni fuq il-livell tal-UE lejn l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta' informaturi (inkluża l-protezzjoni kontra l-libell u d-difamazzjoni u akkużi kriminali) u l-kriminalizzazzjoni tal-ġmigħ ta’ ġid illeċitu;

11. Jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inklużi l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri, jiżguraw aktar trasparenza billi jfasslu kodiċi ta' kondotta jew itejbu dawk li diġà jeżistu, b'tal-anqas regoli ċari dwar il-kunflitti tal-interess, kif ukoll jieħdu azzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-infiltrazzjoni tal-korruzzjoni fil-politika u l-midja, inkluż billi jtejbu t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-finanzjament u tal-fondi;

12. Jitlob lill-Istati Membri jinvestu riżorsi finanzjarji u umani fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkoperaw mal-Europol, il-Eurojust u l-OLAF fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati marbuta mal-korruzzjoni;

13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Eurojust jiżguraw skambju aktar effikaċi u ta' malajr ta' dokumenti u informazzjoni bejn qrati nazzjonali dwar każijiet ta' korruzzjoni b'dimensjoni transkonfinali;

14. Jitlob lill-Kunsill jiżgura li jkun hemm l-impenn politiku meħtieġ, li attwalment huwa nieqes f'xi Stati Membri, biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni u jimplimenta l-miżuri adottati mill-Kummissjoni permezz tal-pakkett kontra l-korruzzjoni tagħha u l-pakkett usa' dwar il-protezzjoni ta' ekonomija leċita;

15. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex irendu aktar effikaċi n-netwerk attwali ta' punti fokali nazzjonali kontra l-korruzzjoni u jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet ta' dan in-netwerk;

16. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali; jenfasizza l-impatt negattiv li għandu t-tixħim ta' uffiċjali barranin fuq id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, l-ambjent u l-politiki tal-iżvilupp;

17. Huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tinvolvi aktar trasparenza fit-tranżazzjonijiet finanzjarji, speċjalment dawk fejn huma involuti l-hekk imsejħa ġurisdizzjonijiet offshore fi ħdan l-UE u f'partijiet oħra tad-dinja;

18. Jitlob lill-Kunsill jaġixxi flimkien mal-Kummissjoni fl-istabbiliment ta' ftehimiet ma' terzi pajjiżi (speċjalment l-hekk imsejħa ġurisdizzjonijiet offshore) bl-għan li jiggarantixxu l-iskambju tal-informazzjoniji dwar kontijiet bankarji u tranżazzjonijiet finanzjarji marbuta ma’ ċittadini u impriżi tal-UE f'dawn il-pajjiżi;

19. Jitlob lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-abbuż ta' impriżi anonomi fittizji fil-ġurisdizzjonijiet ta' segretezza, li jiffaċilitaw flussi finanzjarji kriminali, fejn dan huwa element prinċipali tar-riforma li ġejja tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus (KĦF);

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni politika b'saħħitha bejn il-mekkaniżmu tar-rappurtar kontra l-korruzzjoni u l-istrateġija l-ġdida kontra l-frodi u l-inizjattiva leġiżlattiva dwar l-irkupru tal-assi kriminali, li huma inklużi fil-pakkett usa' dwar il-protezzjoni tal-ekonomija leċita;

21. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport kull sena lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni u tissottometti, kull meta jkun relevanti u fattibbli, rapporti interim dwar problemi speċifiċi rigward il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.