MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
12.9.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Gabriele Zimmer, Jean-Luc Mélenchon, Sabine Losing, Willy Meyer, Cornelia Ernst f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0490/2011
B7‑0495/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-karestija fil-Qarn tal-Afrika qed taffettwa aktar minn 12-il miljun persuna fir-reġjun tas-Somalja, l-Etjopja, il-Kenja u Ġibuti,
B. billi, filwaqt li n-nixfa hija dovuta għan-nuqqas ta' xita, il-karestija hija dovuta għall-bniedem,
C. billi 750 000 persuna jinsabu f'riskju li jmutu fix-xhur li ġejjin sakemm ma jkunx hemm reazzjoni adegwata; billi l-karestija hija l-agħar waħda f'dawn l-aħħar 60 sena,
D. billi l-kawżi ta' din il-karestija huma varji, inklużi l-gwerra ċivili, l-instabilità politika, in-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun, id-degradazzjoni tal-ħamrija, it-tibdil fil-klima, ir-rimi illegali ta' skart tossiku mal-kosta tas-Somalja u sajd intensiv iżżejjed u illegali lil hinn mill-kosta tas-Somalja minn bastimenti kbar tas-sajd Ewropej u Ażjatiċi,
E. billi l-Gvern tas-Somalja ġġiegħel ikeċċi l-gwardja tal-kosta tiegħu minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji kkawżat mill-kriżi tad-dejn internazzjonali; billi dan ħoloq vojt li ġie sfruttat għas-sajd illegali fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja, li hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex is-sajjieda Somali tilfu l-mezz tal-għajxien tagħhom,
F. billi l-operazzjoni EUNAVFOR ATALANTA kienet imnedija fit-8 ta' Diċembru 2008 u saret kompletament operattiva fi Frar 2009, bil-mandat li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bastimenti tad-Programm Dinji tal-Ikel (PDI) li jwasslu għajnuna ta' ikel lil persuni spustjati fis-Somalja u biex tipproteġi bastimenti vulnerabbli li jbaħħru fil-Golf ta' Aden u lil hinn mill-kosta tas-Somalja u tipprevjeni u trażżan atti ta' piraterija u serq armat lil hinn mill-kosta tas-Somalja; billi l-attakki fl-ibħra territorjali tas-Somalja tkattru fuq li tkattru minn meta bdiet l-operazzjoni ATALANTA,
G. billi l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) hija prinċipalment iffinanzjata mill-Faċilità Afrikana għall-Paċi, li hija ffinanzjata mir-riżorsi tat-taqsima għall-iżvilupp fuq perjodu twil ta' żmien tad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); billi l-kontribuzzjoni tal-UE għall-AMISOM permezz tal-Faċilità għall-Paċi tammonta għal EUR 142.5 miljun,
H. billi skont iċ-ċifri tal-UNHCR, kważi nofs il-popolazzjoni tas-Somalja hija affettwata mill-karestija u kwart tal-popolazzjoni ħarbet lejn pajjiżi ġirien biex tfittex ikel u ilma, partikolarment fil-Kenja u fl-Etjopja, filwaqt li l-kamp tar-refuġjati ta' Dadaab – l-akbar wieħed fid-dinja – huwa ffullat u fih aktar minn 420 000 persuna,
I. billi ħafna refuġjati huma nisa u tfal u billi dawn il-persuni vulnerabbli ta' spiss jisfaw vittmi ta' intimidazzjoni u anke vjolenza sesswali,
J. billi l-karestija fil-Qarn tal-Afrika hija dovuta wkoll għax-xiri fuq skala kbira ta' raba' minn investituri barranin, iż-żieda fil-prezzijiet tal-farms u fil-prezz taż-żejt, il-kriżi ekonomika dinjija u l-ispekulazzjoni fil-prodotti bażiċi,
K. billi l-istrumenti derivattivi bbażati fuq is-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli saru popolari ħafna u aċċessibbli faċilment għall-investituri madwar id-dinja, u firxa li kulma jmur qed tespandi ta' strumenti finanzjarji likwidi bbażati fuq is-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli hija l-fattur ewlieni li jimbotta ż-żieda qawwija fil-prezzijiet dinjija tal-ikel,
L. billi s-sehem tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura fil-livell internazzjonali naqas b'mod spettakulari fl-aħħar 30 sena,
1. Jiddeplora t-telf ta' ħajja kkawżat min-nixfa fil-Qarn tal-Afrika, jitlob li jkun hemm mobilizzazzjoni akbar tal-għajnuna tal-UE biex jiġu megħjuna ż-żoni li ntlaqtu bl-agħar mod u lill-gruppi ta' popolazzjoni l-aktar vulnerabbli, u jitlob li jiġi kkanċellat id-dejn tal-pajjiżi li ġew affettwati l-aktar;
2. Jistieden lill-awtoritajiet lokali jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja għall-aktar persuni mċaħħda skont id-dritt internazzjonali tal-għajnuna umanitarja;
3. Jitlob li jieqfu immedjatament l-abbużi kollha mwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, li qed jaħarbu mill-karestija u min-nixfa;
4. Jitlob li jittieħdu miżuri urġenti biex jiġu onorati l-impenji internazzjonali u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs), u b'mod partikolari l-MDG Nru 1, biex jiġi infurzat id-dritt għal ikel adegwat;
5. Jitlob lill-Unjoni Ewropea żżid l-għajnuna għall-agrikoltura f'żoni marġinalizzati li qed ibatu minn nuqqas ta' attenzjoni mill-komunità internazzjonali; jitlob li jiżdied il-proporzjon ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp assenjat għall-agrikoltura, li jkun hemm investiment f'farms żgħar sostenibbli u fil-pastoraliżmu, garanzija ta' aċċess għall-art għall-bdiewa ż-żgħar, biex b'hekk jissaħħaħ is-suq lokali, u nutrizzjoni ta' kuljum aċċettabbli għall-persuni fil-Qarn tal-Afrika;
6. Jilqa' l-impenji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u jinnota li l-Kummissjoni allokat EUR 97.47 miljun f'għajnuna umanitarja lill-Qarn tal-Afrika u qed tħejji ruħha biex tintensifika aktar l-isforzi tagħha, b'mod li se ġġib it-total tal-appoġġ umanitarju tagħha din is-sena għall-gruppi tal-popolazzjoni affettwati min-nixfa għal EUR 158 miljun; ifakkar, madankollu, li l-appell ta' emerġenza tan-NU għadu USD biljun inqas minn dak li hu meħtieġ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji tagħha;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipproponu regolament biex jipprojbixxu l-ispekulazzjoni fis-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli biex iwaqqfu l-attività spekulattiva li twassal għal prezzijiet tal-ikel għolja u volatili, u biex l-indirizzar tal-faqar u tat-tbatija tal-bniedem fil-Qarn tal-Afrika u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iqiegħduhom 'il fuq mill-profitti u mill-qligħ mill-ispekulazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel;
8. Jistieden lill-UE taġġorna l-linji gwida tagħha dwar il-politika tal-art u tagħti importanza akbar lil dan permezz tal-programmi tagħha tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-politiki kollha Ewropej li jinvolvu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġija politika tagħhom dwar is-Somalja u l-operazzjoni ATALANTA, peress li din ma tistax titqies bħala suċċess minħabba n-numru dejjem jiżdied ta' attakki u n-natura dejjem aktar vjolenti tagħhom; iħeġġiġhom minflok jiffokaw fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż b’mod ġenerali, u l-iktar importanti l-ħtieġa li jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fil-post u jeqirdu l-kawżi reali tas-sitwazzjoni diżastruża li qed tikkawża tbatija lil miljuni ta’ Somali;
9. Jenfasizza li r-riżorsi għall-għajnuna għall-iżvilupp, bħall-FEŻ, m’għandhomx jintużaw għal skop militari; joġġezzjona bil-qawwa għall-użu tal-FEŻ fit-taħriġ ta’ forzi militari fir-riforma tas-settur tas-sigurtà fis-Somalja; iqis li l-FEŻ irid jibqa' strettament strument għall-finanzjament tal-ġlieda għall-qerda tal-faqar u l-ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.