MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-futur tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
20.9.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Pervenche Berès, Marian Harkin f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
B7‑0521/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1], li stabbilixxa l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500),
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-FEG,
– wara li kkunsidra l-konferenzi tal-partijiet interessati tal-Kummissjoni f'Jannar u Marzu 2011 ma' Stati Membri u rappreżentanti tas-sħab soċjali, li jikkonċernaw il-futur tal-FEG,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet li kien adotta minn Jannar 2007 dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, inklużi l-kummenti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) dwar l-applikazzjonijiet rispettivi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar il-finanzjament u l-funzjonament tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[5], inkluża l-opinjoni għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) tal-24 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bl-isem ta' “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”[6],
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-grupp ta' ħidma speċjali tal-Kumitat EMPL dwar l-FEG,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-FEG twaqqfet biex tappoġġa miżuri għal dawk il-ħaddiema li l-aktar intlaqtu ħażin mis-sensji tal-massa kkawżati mill-globalizzazzjoni jew mill-kriżi finanzjarja u ekonomika fl-Unjoni Ewropea, bl-għan li tippromwovi r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;
B. billi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-FEG ġiet mobilizzata għas-sensji kkawżati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika;
C. billi l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li testendi d-deroga temporanja sal-aħħar tal-2013 filwaqt li tippermetti lill-FEG biex jintuża bħala appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
D. billi l-FEG tfassal bħala għodda għal intervent rapidu f'każ ta' sensji tal-massa, bl-għan li jipprevjeni l-qgħad fuq medda twila ta' żmien f'kundizzjonijiet diffiċli tas-suq tax-xogħol; billi l-għan oriġinali tal-FEG bħala strument kien li jtaffi, fi żmien qasir, problemi kbar tas-suq tax-xogħol li ma jkunux previsti, ikkawżati mil-liċenzjament ta' numru kbir ta' ħaddiema jew minn kumpaniji kbar jew minn SMEs li joperaw f'settur partikolari u f'reġjun partikolari; itenni, fl-istess ħin, li l-objettivi ta' Ewropa 2020 fuq medda twila ta' żmien, li għandhom l-għan li jżidu l-impjiegi u r-rati tal-impjegabbiltà, huma appoġġati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE);
E. billi l-proċedura twila għall-mobilizzazzjoni tal-FEG ġiet identifikata bħala nuqqas maġġuri tar-regolamentazzjoni rilevanti;
F. billi ċerti Stati Membri ssieltu biex jużaw l-FEG minħabba d-diffikultajiet fit-tiftix ta' finanzjament nazzjonali li jaqbel;
G. billi l-FEG ikkontribwiet għall-proġett pilota ta' miżuri innovattivi mfassla biex itejbu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema;
H. billi r-Regolament attwali tal-FEG wera' li huwa flessibbli biżżejjed biex jiġi applikat f'sistemi differenti tas-suq tax-xogħol u f'kuntesti madwar l-UE;
I. billi l-FEG iffinanzjat miżuri komplementari għal dawk iffinanzjati mill-FSE, flimkien ma' allowances mogħtija matul it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid;
1. Ifakkar li l-FEG twaqqaf bl-għan li juri s-solidarjetà tal-UE mal-ħaddiema affettwati mis-sensji tal-massa bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, u li fl-2009 dan ġie estiż – bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru – biex ikopri l-liċenzjamenti kkawżati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika ukoll;
2. Jagħraf il-valur miżjud tal-FEG bħala strument ta' intervent rapidu bi skop limitat biex jikkofinanzja miżuri attivi tas-suq tax-xogħol biex jgħin lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza wkoll li fil-futur il-fokus għandu jkun fuq politiki sostenibbli tas-suq tax-xogħol; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jimplimentaw l-objettivi Ewropej, biex jiksbu l-objettivi tal-UE u jippromwovu ħiliet ġodda, inkluż għal impjiegi ‘ħodor’ sostenibbli ġodda ta’ kwalità għolja;
3. Jinnota bi pjaċir li l-FEG kien kapaċi jappoġġa madwar 10% tal-ħaddiema kollha fl-UE li sfaw imkeċċija matul il-perjodu 2009-2010, u jinnota li madwar 40% tal-ħaddiema fil-mira tal-FEG fl-2009 kienu integrati mill-ġdid b'suċċess fis-suq tax-xogħol minkejja l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fis-swieq tax-xogħol;
4. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex l-FEG jitkompla lil'hinn mill-MFF, u jitlob għal kjarifika urġenti dwar is-sitwazzjoni fir-rigward ta' bdiewa u dawk b'kuntratt għal terminu fiss;
5. Jitlob li l-FEG imġedded ikun marbut mill-qrib ma' qafas Ewropew għar-ristrutturar meħtieġ sabiex jantiċipa u jimmaniġja t-tranżizzjoni;
6. Jikkunsidra li l-akbar valur miżjud li FEG mġedded jista' jipprovdi jkun appoġġ effikaċi għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema bil-ħsieb li jintegrahom mill-ġdid fl-impjieg f'sitwazzjonijiet diffiċli tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw minn ristrutturar mhux mistenni ta' kumpaniji jew setturi li joħloq jew jiggrava n-nuqqas ta' adegwatezza tal-ħiliet; jenfasizza li tali strument jipprovdi komplement siewi għal dawk il-miżuri finanzjati mill-FSE li predominantement għandhom l-għan li jadattaw l-isfidi globali bil-ħsieb ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli; jisħaq, barra minn hekk, li minn naħa dan l-istrument jiżgura s-solidarjetà tal-UE mal-ħaddiema li ntlaqtu ħażin mir-ristrutturar, u li min-naħa l-oħra l-Istati Membri kollha jistgħu jibbenefikaw mill-intervent f'ħin xieraq, immirata u mfassla apposta sabiex tipprevjeni l-qgħad fuq medda twila ta' żmien;
7. Huwa tal-opinjoni li l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' intervent aktar mgħaġġla sabiex ikun permess li l-FEG ikun mobilizzat b'mod aktar effiċjenti u malajr hija l-isfida prinċipali għall-futur;
8. Jikkunsidra l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippreżenta soluzzjonijiet vijabbli bil-ħsieb li tnaqqas it-tul tal-applikazzjoni u l-proċedura ta' mobilizzazzjoni għal massimu ta' sitt xhur bejn id-data tal-applikazzjoni u t-trasferiment ta' fondi lill-Istati Membri kkonċernati, skont il-proċeduri leġiżlattivi u baġitarji li huma attwalment stabbiliti għall-FEG; jinnota, madankollu, in-nuqqas ta' progress li sar fl-erba' snin li fihom l-FEG ilu jopera, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħaffu l-operazzjoni tagħha billi jikkonċentraw il-miżuri fl-ambitu tagħha mingħajr ma jpoġġu lil dawk l-Istati Membri li qed jaffaċċjaw diffikultajiet baġitarji fi żvantaġġ;
9. Jipproponi, għaldaqstant, li linja baġitarja proprja tkun stabbilita għall-FEG bħala strument tal-Komunità sabiex tipprovdi għal proċedura aktar mgħaġġla u aktar effikaċi li tippermetti ħlasijiet bil-quddiem lil Stati Membri applikanti fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-applikazzjoni tagħhom hija reġistrata;
10. Iħeġġeg li l-FEG tal-futur jiffoka sew fuq l-innovazzjoni, f'konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti fejn kriżi reġjonali jew nazzjonali li twassal għal telf sostanzjali ta' xogħlijiet tista' tkun ikkunsidrata wkoll taħt l-FEG;
11. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati huma koerenti u kumpatibbli mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u li tuża parti mill-baġit tal-assistenza teknika biex tippromwovi u tqassam l-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura koerenza bejn l-interventi tal-FEG u l-azzjoni mmirata lejn kumpaniji u setturi fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u l-politika industrijali;
13. Jitlob għal titjib fir-Regolament tal-futur dwar l-FEG biex jiżgura li l-Fond ma jiġġenerax effetti morali perikolużi għal kumpaniji multinazzjonali;
14. Jenfasizza li s-sħab soċjali u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu involuti ferm fil-proċedura ta' applikazzjoni u, fuq kollox, fit-tfassil tal-pakkett ta' miżuri ikkoordinat; ifakkar li s-sħab soċjali għandhom jipparteċipaw fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tar-rendikonti għall-ħaddiema;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga modi li jiżguraw li l-finanzjament tal-FEG mhuwiex użat indirettament minn kumpaniji multinazzjonali li juru profitt nett biex inaqqsu l-ispejjeż għalihom biex jimmaniġjaw ir-ristruttrar soċjalment responsabbli u biex ma jassumux ir-responsabbilitajiet tagħhom;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika r-raġunijiet li għalihom ċerti Stati Membri għadhom ma użawx l-FEG anke jekk kellhom sensji tal-massa, u biex tipproponi soluzzjonijiet sabiex tiżgura li l-finanzjament tal-FEG huwa mqassam f'konformità mal-objettiv tal-Unjoni biex tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u solidarjetà bejn l-Istati Membri (Artikolu 3 TUE);
17. Jenfasizza li l-FEG għandu jkompli jiffinanzja biss dawk il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li huma addizzjonali għall-miżuri provduti fil-liġi nazzjonali f'każ ta' sensji tal-massa; barra minn hekk, jipproponi li fil-futur l-allowances appoġġati mill-FEG għandhom dejjem ikunu akkumpanjati minn miżuri ta' taħriġ jew taħriġ mill-ġdid iffinanzjati wkoll mill-FEG, u li m'għandhomx jieħdu post l-allowances provduti fil-liġi nazzjonali jew tal-Komunità jew fil-ftehimiet kollettivi;
18. Barra minn hekk, jipproponi li r-rata ta' kofinanzjament tal-FEG għandha tkun allinjata mar-rata applikabbli tal-Fondi Strutturali fl-Istati Membri konċernati;
19. Jitlob għall-applikazzjonijiet biex jipprovdu informazzjoni dwar is-sorsi ta' kofinanzjament;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-proċess ta' implimentazzjoni aktar mill-qrib sabiex tiżgura li l-ħaddiema kollha jibbenefikaw ugwalment mir-rendikonti tal-miżuri, u biex tibni bażi ta' data tal-aħjar prattiki u mudelli;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
- [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
- [3] ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.
- [4] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
- [5] P7_TA(2010)0303.
- [6] P7_TA(2011)0266.