Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0523/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0523/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-Nazzjonijiet Uniti

21.9.2011

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michèle Striffler, Mariya Nedelcheva, Eduard Kukan f’isem il-Grupp PPE
Richard Howitt, Michael Cashman, Véronique De Keyser, Vilija Blinkevičiūtė, Emine Bozkurt, Ana Gomes f’isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Sophia in 't Veld, Sonia Alfano, Sarah Ludford, Leonidas Donskis, Alexander Alvaro, Kristiina Ojuland, Ramon Tremosa i Balcells, Renate Weber f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock f’isem il-Grupp ECR
Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda, Nicole Kiil-Nielsen, Catherine Grèze, Franziska Katharina Brantner, Rui Tavares, Keith Taylor, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelis de Jong, Bairbre de Brún, Miguel Portas, Marisa Matias, Jean-Luc Mélenchon, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2011/2821(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0523/2011

B7‑0523/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-Nazzjonijiet Uniti

Il-Parlament Ewropew,

–     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

–     wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/60/251 li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC),

 

–     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2006 mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea dwar it-twaqqif tal-UNHRC,

 

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar is-16-il sessjoni tal-UNHRC[1],

 

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni[2],

 

–     wara li kkunsidra l-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet konġunti preċedenti fin-Nazzjonijiet Uniti, inkluża l-istqarrija konġunta sabiex jintemmu l-atti ta' vjolenza u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem relatat ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tat-22 ta’ Marzu 2011 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, u d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru tat-18 ta’ Diċembru 2008 fl-Assemblea Ġenerali,

 

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-UNHRC A/HRC/17/19 tas-17 ta’ Ġunju 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

 

–     wara li kkunsidra s-17-il sessjoni tal-UNHRC, fejn kienet adottata r-riżoluzzjoni A/HRC/17/19 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u d-19-il sessjoni tal-UNHRC, li ser tinkorpora fiha d-diskussjoni tal-panel b’mandat tar-riżoluzzjoni A/HRC/17/19,

 

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1728 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta’ April 2010 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri CM/Rec(2010)5 tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar miżuri sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru,

 

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni AG/RES. 2653 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tas-7 ta’ Ġunju 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

 

–     wara li kkunsidra r-rapport dwar l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentament sesswali u identità tal-ġeneru tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali (Novembru 2010),

 

–     wara li kkunsidra l-Artikolu 2, 3(5), 18, 21 u 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 

–     wara li kkunsidra s-Sett ta’ Miżuri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gej, Bisesswali u Transesswali (LGBT),

 

–     wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-Nazzjonijiet Uniti,

 

–     wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.   billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;

 

B.   billi kuljum iseħħu diversi każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbutin mal-orjentazzjoni sesswali u mal-identità tal-ġeneru fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'pajjiżi terzi;

 

C.   billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki u l-prattiki tagħhom stess, sabiex tissaħħaħ u ssir kredibbli l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-UNHRC;

 

D.   billi l-Unjoni Ewropea tagħti importanza primarja lid-drittijiet universali u indiviżibbli tal-bniedem;

 

E.    billi l-Unjoni Ewropea diġà tinkludi l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fix-xogħol tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti, fi ħdan il-korpi reġjonali u f’uħud mid-djalogi bilaterali tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

 

F.    billi r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru hi l-ewwel riżoluzzjoni adottata fin-NU li titratta b’mod speċifiku l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

 

G.   billi stati mir-reġjuni kollha, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE fil-UNHRC ivvotaw favur ir-riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, filwaqt li 21 Stat Membru tal-UE sponsorjaw ir-riżoluzzjoni;

 

H.   billi diversi korpi marbuta mat-trattati tad-drittijiet tal-bniedem, rapporteurs speċjali u aġenziji fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali u l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti esprimew tħassib serju dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jesperjenzaw persuni LGBT mad-dinja kollha;

 

I.     billi istituzzjonijiet reġjonali oħra, fosthom il-Kunsill tal-Ewropa u l-OAS, riċentement adottaw riżoluzzjonijiet li jikkundannaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali u ta’ identità tal-ġeneru;

 

1.    Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-diskriminazzjoni mifruxa abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u tal-identità tal-ġeneru, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’pajjiżi terzi;

 

2.    Jirrikonoxxi u jappoġġa x-xogħol li twettaq diġà mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-korpi marbuta mat-trattati tad-drittijiet tal-bniedem, mir-rapporteurs speċjali u minn aġenziji oħra tan-NU biex jiżguraw li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem japplikaw għalkollox, independentement mill-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ta’ persuna;

 

3.    Jilqa’ l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni A/HRC/17/19 dwar id-drittijiet tal-Bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

 

4.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riżoluzzjoni ġiet appoġġata minn stati mir-reġjuni kollha u miktuba mill-Afrika t’Isfel; itenni li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u indiviżibbli, u japplikaw ugwalment għal kull persuna, indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali u mill-identità tal-ġeneru tagħha;

 

5.    Jappoġġa l-organizzazzjoni ta’ diskussjoni f’panel waqt id-19-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rebbiegħa tal-2012 għal ‘djalogu kostruttiv, infurmat u trasparenti dwar il-kwistjoni ta’ liġijiet u prattiki diskriminatorji u atti ta’ vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u tal-identità tal-ġeneru tagħhom’; hu tal-fehma li djalogu b’rispett u apert dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fost l-Istati Membri tan-NU mir-reġjunijiet kollha huwa indispensabbli;

 

6.    Jilqa’ l-appoġġ li ilhom jagħtu l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-inklużjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fix-xogħol tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u ta’ korpi oħra tan-NU, anke fil-każ ta’ stqarrijiet u dikjarazzjonijiet konġunti preċedenti;

 

7.    Ifakkar li s-Sett ta’ Miżuri għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni LGBT tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-UE jsemmi d-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fid-dinja, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala prijoritajiet ewlenin; hu tal-fehma li r-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri għandhom iħaddnu dawn il-prijoritajiet b’mod sistematiku fir-relazzjonijiet barranin tagħhom;

 

8.    Jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jippromwovu, b’mod sistematiku u bi sħab ma’ pajjiżi terzi, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b’konnessjoni mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-NU u f’fora multilaterali oħra, u bilateralment fid-djalogi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem;

 

9.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw irwieħhom b’mod kostruttiv, u bi sħab ma’ pajjiżi terzi, mal-Eżami Perjodiku Universali u l-proċeduri tal-korpi marbuta mat-trattati biex jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem relatati mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jiġu rispettati b’mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi; għal dan l-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-Rappreżentant Għoli jiżguraw konsistenza bejn l-azzjoni esterna u interna tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif previst fl-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

 

10.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex bi sħab ma’ pajjiżi terzi jkomplu jippromwovu id-drittijiet tal-bniedem relatati mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru permezz ta’ djalogi bilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

 

11.  Jiddispjaċih li d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gej, bisesswali u transesswali għadhom mhumiex qed jiġu rispettati bis-sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fosthom id-dritt tal-integrità fiżika, id-dritt tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, id-dritt tal-libertà tal-għaqda, id-dritt tan-nondiskriminazzjoni, id-dritt tal-libertà tal-moviment u d-dritt għall-asil;99

 

12.  Jiġbed l-attenzjoni dwar is-sejbiet tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar l-Omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex kemm jista' jkun jieħdu azzjoni fuq l-opinjonijiet inkorporati fir-rapport;

 

13.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw dawn l-inugwaljanzi b’mod sħiħ; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproduċi pjan direzzjonali komprensiv kontra l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentament sesswali u identità tal-ġeneru;

 

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.