Proċedura : 2011/2828(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0525/2011

Testi mressqa :

B7-0525/2011

Dibattiti :

PV 27/09/2011 - 13
CRE 27/09/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 29/09/2011 - 10.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0429

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0525/2011
27.9.2011
PE472.708v01-00
 
B7-0525/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina


Daniel Cohn-Bendit, Margrete Auken, Nicole Kiil-Nielsen, Hélène Flautre, Franziska Katharina Brantner, Jan Philipp Albrecht, Jill Evans, Frieda Brepoels, Rui Tavares, Karima Delli, Isabelle Durant, Yannick Jadot, Michail Tremopoulos, Raül Romeva i Rueda, Bart Staes, Malika Benarab-Attou, Emilie Turunen, Catherine Grèze f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina   
B7‑0525/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tat-12 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-8 ta' Diċembru 2009 u tat-13 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tat-23 ta' Settembru 2011 wara t-tressiq mill-President Abbass tal-applikazzjoni biex il-Palestina ssir Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE b'mod ripetut ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, talbet li jerġgħu jibdew it-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani, u ddikjarat li mhumiex se jiġu rikonoxxuti bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet,

B.  billi l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana implimentat b'suċċess il-pjan tagħha ta' bini ta' stat "Il-Palestina: It-tmiem tal-okkupazzjoni, it-twaqqif tal-Istat"; billi l-Laqgħa tal-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc (AHLC) li saret fi Brussell fit-13 ta' April 2011 laqgħet il-valutazzjoni tal-Bank Dinji, il-FMI, u n-NU li l-Awtorità Palestinjana qabżet il-livell limitu ta' stat funzjonanti fis-setturi ewlenin li eżaminaw, u li l-istituzzjonijiet Palestinjani m'għandhom xejn inqas minn dawk fi stati stabbiliti,

C. billi l-proċċess li għaddej ta' okkupazzjoni u kolonizzazzjoni fix-Xatt tal-Punent qed jipperikola l-prospett tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u wassal għas-sospensjoni tan-negozjati dwar il-paċi,

D. billi Settembru tal-2011 ġie identifikat bħala l-iskadenza għall-konklużjoni ta' ftehim qafas mill-Kwartett,

E.  billi fid-Dikjarazzjoni ta' Berlin tal-1999, il-Kunsill iddikjara li se jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina fi żmien debitu; billi tenna fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2010 li huwa lest jirrikonoxxi, meta xieraq, Stat Palestinjan,

F.  billi fit-23 ta' Settembru 2011 il-President Abbas ressaq applikazzjoni Palestinjana għal sħubija sħiħa fin-NU fl-Assemblea Ġenerali tan-NU; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ta' 15-il membru, li tinħtieġ l-approvazzjoni tiegħu għas-sħubija fin-NU u għal rikonoxximent sħiħ tal-istatus ta' Stat, għandu jibda jiddiskuti fis-26 ta' Settembru dwar l-approvazzjoni ta' din l-applikazzjoni,

G. billi r-rebbiegħa Għarbija li nfirxet għall-Iżrael iżżid l-urġenza li tinkiseb paċi komprensiva fil-Lvant Nofsani li hija fl-interess fundamentali tal-partijiet, tal-popli kollha fir-reġjun u tal-komunità internazzjonali,

H. billi l-appoġġ għal-libertà, id-dinjità, ir-responsabbiltà u l-ġustizzja fir-reġjun għandu jinkludi l-appoġġ għall-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan,

I.   billi l-istabbiliment ta' Stat Palestinjan jgħin il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jippermetti li tinżamm is-soluzzjoni ta' żewġ stati u jwitti t-triq biex jerġgħu jinbdew in-negozjati dwar il-paċi skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-8 ta' Diċembru 2009 u tat-13 ta' Diċembru 2010,

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; għalhekk jappoġġja l-applikazzjoni mressqa mill-President Abbas lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fit-23 ta' Settembru 2011;

2.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu l-isforzi kollha sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni skont dikjarazzjonijiet preċedenti li jappoġġjaw ir-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina skont il-fruntieri tal-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, u l-adeżjoni tiegħu bħala membru sħiħ tan-NU;

3.  Jirrikonoxxi u jilqa' s-suċċess tal-isforzi ta' bini tal-istat tal-President Palestinjan Mahmoud Abbas u tal-Prim Ministru Salam Fayyad, li ġew imħeġġa u appoġġjati bil-qawwa mill-UE u approvati minn diversi atturi internazzjonali, u jqis li dan huwa bażi soda u affidabbli tal-fatt li l-Palestina lesta biex issir stat sovran;

4.  Jitlob li jerġgħu jinbdew minnufih taħditiet diretti u serji dwar il-paċi, imsejsa fuq il-parametri rikonoxxuti internazzjonalment, inklużi l-fruntieri tal-1967, u kalendarju miftiehem bejn iż-żewġ partijiet, billi huwa biss ftehim negozjat bejn iż-żewġ naħat li jista' jwassal għall-paċi u s-sigurtà dejjiema għall-Iżraeljani u l-Palestinjani; ifakkar li l-insedjamenti huma illegali skont il-liġi internazzjonali u huma ostaklu għall-paċi, u għalhekk jitlob li jieqfu għalkollox l-attivitajiet marbuta mal-insedjamenti; jenfasizza li l-ebda bidla fil-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr il-bidliet miftiehmin mill-partijiet, m'għandha tiġi aċċettata;

5.  Jenfasizza li hekk kif l-Iżrael għandu jirrikonoxxi Stat Palestinjan abbażi tal-fruntieri tal-1967, hekk ukoll l-Istat il-ġdid għandu jadotta r-rikonoxximent tal-1993 mill-PLO tal-Istat tal-Iżrael abbażi tal-fruntieri tal-1967 u jiggarantixxi l-ħtiġijiet leġittimi tiegħu dwar is-sigurtà;

6.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2011 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani li jtenni l-appell urġenti tiegħu lill-partijiet biex jegħlbu l-ostakli attwali u jerġgħu jibdew negozjati bilaterali diretti bejn l-Iżrael u l-Palestinjani bl-iskop li jintlaħaq ftehim skont skeda ta' żmien iżda mhux aktar tard minn tmiem l-2012; iqis f'dan ir-rigward li l-approvazzjoni mill-partijiet kollha tal-obbligi tagħhom skont il-Pjan Direzzjonali u b'mod partikolari, waqfien komplet tal-attivitajiet marbuta mal-insedjamenti mill-Iżrael huwa pass indispensabbli biex jerġgħu jinbdew negozjati effikaċi u kredibbli dwar il-paċi;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza