Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0526/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0526/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina

27.9.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Gabriele Albertini, Tokia Saïfi, Hans-Gert Pöttering, Mario Mauro, Othmar Karas, Roberta Angelilli, Arnaud Danjean, Laima Liucija Andrikienė, Salvatore Iacolino, Dominique Vlasto f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0525/2011

Proċedura : 2011/2828(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0526/2011
Testi mressqa :
B7-0526/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0526/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-18 ta’ Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-okkażjoni tas-66 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-President tal-Awtorità Palestinjana, Mahmoud Abbas, talab rikonoxximent ta’ stat għall-Palestinjani u sħubija fin-NU;

B.  billi waqt laqgħa informali fit-2 u t-3 ta’ Settembru 2011, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE ppreżentaw pożizzjonijiet differenti meta ddiskutew il-proċess tal-paċi għall-Lvant Nofsani u l-inizjattivi diplomatiċi relevanti maħsuba waqt is-Sessjoni ta’ Settembru tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

1.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex tinstab pożizzjoni komuni tal-UE dwar it-talba tal-Awtorità Palestinjana għal sħubija fin-NU, u biex ikunu evitati d-diviżjonijiet bejn l-Istati Membri;

2.  Jenfasizza li għandhom jitkomplew in-negozjati diretti li jwasslu għal soluzzjoni ta’ żewġ stati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, mingħajr dewmien u bi ftehim minn qabel dwar l-iskadenzi, biex jintrebaħ l-istatus quo inaċċettabbli;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li kwalunke soluzzjoni li tirriżulta m’għandhiex teffettwa d-dinjità ta’ xi waħda mill-partijiet;

4.  Jisħaq fuq l-importanza li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani, u b'mod partikulari bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob liż-żewġ partijiet ikomplu bin-negozjati diretti mingħajr ebda dewmien, biex jilħqu ftehim komprensiv imsejjes fuq l-eżistenza ta’ żewġ stati demokratiċi, sovrana u vijabbli li l-popli tagħhom jgħixu fi ħdan fruntieri siguri u rrikonoxxuti internazzjonalment skont ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jitlob liż-żewġ partijiet biex ma jżidux aktar ostakoli jew skużi li jwaqqfu t-taħditiet milli jerġgħu jibdew; jitlob liż-żewġ partijiet jevitaw kwalunkwe pass li jista’ jhedded il-prospett ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati; jitlob lill-Awtorità Palestinjana kif ukoll lill-mexxejja kollha Palestinjani jagħmlu kulma jistgħu biex jintemmu l-bosta attakki bl-użu ta' missili Qassam sparati kif ġie ġie mill-medda ta' Gaża lejn it-territorju Iżraeljan; jitlob lill-Gvern Israeljan iwaqqaf l-estensjoni tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u l-Lvant ta’ Ġerusalemm;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Knesset u l-Gvern Iżraeljan, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.