Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0528/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0528/2011

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina

    27.9.2011

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Annemie Neyts-Uyttebroeck, Alexandra Thein f'isem il-Grupp ALDE

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0525/2011

    Proċedura : 2011/2828(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0528/2011
    Testi mressqa :
    B7-0528/2011
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B7‑0528/2011

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti kollha tan-NU li jirreferu għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,

    –   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mil-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE tat-8 ta’ Diċembru 2009,

    –   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tat-23 ta’ Settembru 2011,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-persunal tal-FMI mħejji għal-laqgħa tal-Kumitat Ad Hoc ta' Kollegament dwar l-Esperjenzi Riċenti u l-Prospetti tal-Ekonomija tax-Xatt tal-Punent u Gaża tat-18 ta’ Settembru 2011,

    –   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Monitoraġġ Ekonomiku tal-Bank Dinji lill-Kumitat Ad Hoc ta' Kollegament dwar it-Tiswir ta’ Stat Palestinjan: Nappoġġaw it-Tkabbir, l-Istituzzjonijiet u l-Għoti ta’ Servizzi tat-13 ta’ April 2011,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi fir-Riżoluzzjoni 181 tagħha tad-29 ta’ Novembru 1947, l-Assemblea Ġenerali tan-NU ddeċidiet li toħloq żewġ stati fit-territorju ta’ dak li kien il-Mandat għall-Palestina;

    B.  billi fit-23 ta’ Settembru 2011 il-President Mahmoud Abbas ippreżenta lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon l-applikazzjoni tal-Palestina biex issir membru tan-Nazzjonijiet Uniti;

    C. billi Ġerusalemm hija waħda mill-aktar kwistjonijiet sensittivi u kumplessi fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;

    D. billi d-dritt inaljenabbli tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri;

    1.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkollhom pożizzjoni aktar magħquda kif ukoll rwol aktar attiv – anke fi ħdan il-Kwartett – fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

    2.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kwartett u jappoġġa bis-sħiħ ir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex il-Kwartett joħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

    3.  Jitlob li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt abbażi tas-soluzzjoni b'żewġ Stati li tiggarantixxi fruntieri sikuri għall-Istat ta' Iżrael, li għandha tintlaħaq permezz ta' negozjati diretti;

    4.  Jappoġġa u jistieden lill-Istati Membri jkunu magħquda fl-appoġġ għall-aspirazzjoni tal-poplu Palestinjan li jkun rappreżentat bħala stat fin-Nazzjonijiet Uniti riżultat tan-negozjati li għandhom jiġu konklużi matul is-66 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali;

    5.  Jitlob li Ġerusalemm isservi ta' kapitali kemm għall-Iżrael kif ukoll għal stat futur Palestinjan bħala parti minn ftehimiet ta' paċi;

    6.  Jinsisti li l-bini u t-tkabbir kontinwu ta' insedjamenti, barrieri ta' separazzjoni mibnija fuq art okkupata, u t-twaqqigħ ta' djar huma illegali skont id-dritt internazzjonali u huma ostaklu għall-paċi u theddida serja għal soluzzjoni b'żewġ stati;

    7.  Jitlob li jieqfu l-attakki bil-missili fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża u jinsisti fuq il-ħtieġa ta' tregwa permanenti;

    8.  Jistieden lill-awtoritajiet Palestinjani jirrikonoxxu b'mod sħiħ l-istat ta' Iżrael;

    9.  Jitlob li jerġgħu jinbdew immedjatament taħdidiet għall-paċi diretti u serji, imsejsa fuq il-parametri rikonoxxuti internazzjonalment, għax huwa biss ftehim negozjat bejn iż-żewġ naħat li jista’ jwassal għal paċi u sigurtà dejjiema għall-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza għal darba oħra li l-ebda bidla fil-fruntieri ta' qabel l-1967, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftehmin mill-partijiet, m'għandha tiġi aċċettata;

    10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-awtoritajiet Palestinjani u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iżrael, u lill-membri tal-Kwartett.