Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0544/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0544/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina

24.10.2011

sabiex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jaromír Kohlíček f’isem il-grupp GUE/NGL

Proċedura : 2011/2865(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0544/2011
Testi mressqa :
B7-0544/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0544/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati għaddejjin dwar ftehim ta' assoċjazzjoni ġdid imfassal sabiex jieħu post l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina li tieħu post il-Pjan ta' Azzjoni u li ġiet approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi minħabba d-daqs, il-pożizzjoni ġeografika u r-rabtiet storiċi, kulturali, ekonomiċi u oħrajn tagħha mal-Ewropa Ċentrali u tal-Punent, l-Ukraina hija sieħeb importanti għall-UE u attur reġjonali ewlieni;

B.  billi n-negozjati bejn l-Ukraina u l-UE dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viża qegħdin fi stat avvanzat u jistgħu jkunu konklużi sal-aħħar tal-2012;

C. billi l-pajjiż għal ħafna snin sofra minn instabilità politika, korruzzjoni, privatizzazzjoni li wasslet għal strutturi ekonomiċi oligarkiċi, problemi fil-provvista u trasferiment tal-enerġija lejn l-Ewropa kkawżati minn politika anti-Russa tal-gvernijiet ta' qabel, problemi soċjali u skuntentizza taċ-ċittadini Ukraini bil-mexxejja politiċi tagħhom; billi l-elezzjonijiet reċenti wasslu għal stabilità politika;

D. billi l-korruzzjoni u l-abbuż ta' poter fl-Ukraina jibqgħu mifruxa u jeħtiġilhom rispons inekwivokabbli mill-awtoritajiet sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi l-prosekuzzjonijiet u l-investigazzjonijiet iridu jkunu imparzjali u indipendenti u mhux sottomessi għall-finijiet politiċi;

1.  Jikkunsidra l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala fattur fundamentali sabiex ikun stabbilit u kkonsolidat l-istat tad-dritt fl-Ukraina;

2.  Jappella lill-UE u lill-pajjiżi ġirien kollha biex ma jindaħlux fil-kwistjonijiet interni u jonqsu milli jagħmlu pressjoni ekonomika jew kwalunkwe pressjoni oħra;

3.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE:

a)   jagħmlu l-progress neċessarju kollu sabiex jaslu għall-konklużjoni rapida għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina,

b)   jagħmlu ħilithom sabiex il-Kunsill jiffirma l-ftehim u biex kemm jista' jkun malajr iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali d-dokumenti kollha relevanti għall-proċess ta' ratifika;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE u, għall-informazzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet Ukraini.