Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0547/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0547/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara

24.10.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Willy Meyer, Jean-Luc Mélenchon, Marie-Christine Vergiat, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2011/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0547/2011
Testi mressqa :
B7-0547/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0547/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Karta tan-NU u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundmanetali tal-UE,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-UNHCR dwar il-ġlieda kontra "d-diffamazzjoni tar-reliġjonijiet",

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-Moon tal-11 ta' Ottubru, li ddikjara li l-gvern Eġizzjan għandu "jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili għall-Eġizzjani ta' kull twemmin",

–   wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Rupert Colville, il-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani "jiżguraw l-imparzjalità u l-indipendenza ta' kull investigazzjoni mwettqa dwar l-inċident",

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi skont l-Artikolu 18 tal-Karta tan-NU u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundmanetali tal-UE "kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li jixhed ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti",

B.  billi bosta riżoluzzjonijiet tal-UNHCR jistiednu "lill-Istati kollha biex, fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħhom, f'konformità ma' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jieħdu l-miżuri kollha f'lokhom ħalli jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, u l-atti ta' vjolenza, intimidazzjoni u ġegħil motivati mill-intolleranza reliġjuża, inklużi attakki fuq il-postijiet reliġjużi, u biex jinkoraġġixxu l-fehim, it-tolleranza u r-rispett rigward il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin",

C. billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tapplika għal dawk li jħaddnu reliġjon, iżda anke għall-atei, għall-anjostiċi u għall-persuni mingħajr twemmin,

D. billi d-djalogu interkomunitarju huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-paċi u tal-fehim reċiproku bejn il-popli,

E.  billi l-iskuntentizza tal-popli f'dawk il-pajjiżi li qegħdin ukoll jitrattaw problemi ekonomiċi u soċjali kaġun ta' politiki neoliberali;

F.  billi l-komunitajiet Insara fl-Eġittu u fis-Sirja jiffurmaw madwar 10% tal-popolazzjoni f'kull pajjiż;

G. billi, il-Ġimgħa 7 ta' Ottubru ġiet attakkata u nħarqet knisja Kopta f'villaġġ rinnovat fil-provinċja tan-nofsinhar tal-Aswan;

H. billi l-Ħadd 9 ta' Ottubru ġiet organizzata protesta mill-Kopti kontra dan l-attakk quddiem il-binja Maspero tax-xandir tal-Istat, li tulha nqatlu 25 persuna u aktar minn 300 persuna ġew midruba, allegatament mill-pulizija militari;

I.   billi hemm 28 persuna arrestata, kemm Musulmani u Insara, sakemm jitwettqu l-investigazzjonijiet;

J.   billi d-deputat Prim Ministru Hazem al-Beblawi rriżenja wara dawn l-inċidenti;

K. billi tul dawn l-aħħar ġimgħat seħħ bosta qtil ta' persuni prominenti f'Homs fis-Sirja, inkluż inġinier nukleari, professuri tal-università u tobba u ħafna minn dawk li ġew attakkati kienu membri ta' minoranzi bħall-Alawiti, Insara u Xiti;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza, allegatament mill-pulizija militari, fl-Eġittu tul il-protesta fejn inqatlu 25 persuna u ndarbu aktar minn 300;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lil dawk li ndarbu fl-attaki li saru dan l-aħħar fl-Eġittu u kontra kull attakk ieħor kontra denominazzjonijiet reliġjużi;

3.  Ifakkar fit-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti tal-avvenimenti sabiex ikun żgurat li dawn jibqgħu impuniti u biex dawk responsabbli jkun iġġudikati fi proċessi ċivili; jinnota li l-investigazzjonijiet għandhom jindirizzaw b'mod speċifiku l-qtil tad-dimostranti Kopti Insara li jidher li ttajru minn vetturi militari;

4.  Jinsab imħasseb b'dawn l-inċidenti u jittama li dawn ma jxekklux il-proċess mibdi bl-irvel fil-Pjazza Tahrir u li l-eżitu ta' dan il-proċess jwieġeb għat-talbiet għat-titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien, tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol u tal-libertà u d-demokrazija;

5.  Jikkundanna b'mod inkewivoku l-użu tal-forza u l-vjolenza letali fuq id-demostranti paċifiċi u ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, bħall-eżekuzzjonijiet arbitrarji u d-detenzjoni, l-għajbien sfurzat u involontarju, it-tortura u l-persekuzzjoni u l-intimidazzjoni sistematiċi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti mill-awtoritajiet Sirjani u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u l-persuni midruba;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja jwaqqaf immedjatament kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-assemblea;

7.  Japoġġa l-ġlieda kuraġġuża tal-poplu tas-Sirja kontra r-reġim u jinsisti li d-destin futur tas-Sirja għandu jibqa' f'idejn il-poplu tas-Sirja, mingħajr kwalunkwe interferenza esterna;

8.  Jirrifjuta kull intervent militari barrani kontra l-pajjiż;

9.  Jikkundanna bis-sħiħ kull forma ta' vjolenza, diskriminazzjoni u intolleranza bbażata fuq ir-reliġjon u twemmin, kontra nies reliġjużi, apostati u nies bla twemmin;

10. Jenfasizza li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem li huwa garantit minn bosta strumenti legali internazzjonali, li għandu jiġi rispettat f'kull pajjiż, inkluż fl-Eġittu u fis-Sirja; itenni, fl-istess ħin, l-impenn tiegħu favur il-kunċett fundamentali tal-inaljenabilità tad-drittijiet tal-bniedem kollha;

11. Jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f'diversi kunflitti politiċi; jappoġġa kull inizjattiva li għandha l-għan li tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi; jistieden lill-gvernijiet u lil-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza, ir-rispett tal-libertà tar-reliġjon u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda; jitlob lill-gvernijiet biex jiggarantixxu l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin; jerġa' jtenni l-impenn tiegħu favur il-valur tas-sekulariżmu;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlamenti tal-Eġittu u s-Sirja u tal-Unjoni Afrikana.