Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0548/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0548/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara

24.10.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Peter van Dalen, Geoffrey Van Orden, Ryszard Antoni Legutko, Konrad Szymański, Valdemar Tomaševski, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0542/2011

Proċedura : 2011/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0548/2011
Testi mressqa :
B7-0548/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0548/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu u s-Sirja, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2011 mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, dwar il-vjolenza fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu, tal-10 ta’ Ottubru 2011, dwar il-ġlied fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 878/2011 tat-2 ta’ Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011 tat-13 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 u l-31 ta’ Lulju; l-1, l-4, it-18, id-19, it-23 u t-30 ta' Awwissu; it-2 u t-23 ta' Settembru; u t-12 ta’ Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-18 ta' Lulju u l-10 ta’ Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel” tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-23 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hija firmatarja tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fid-9 ta’ Ottubru 2011, dik li bdiet bħala dimostrazzjoni paċifika minn Insara Kopti wara attakk fuq knisja Kopta fil-villaġġ ta’ Marinab fil-Governorat ta’ Asswan sfat ripressa brutalment mill-armata Eġizzjana, bir-riżultat li mietu aktar minn 25 ruħ, l-aktar Insara Kopti, u ndarbu bosta mijiet ta’ persuni oħra,

B.  billi x-xandir televiżiv statali tal-Eġittu kompla jinċita għall-vjolenza meta xandar sejħa biex in-nies “jipproteġu l-armata”, sejħa li rrispondew għaliha estremisti Iżlamiċi; billi fl-istess waqt saru attakki fuq żewġ ċentri tal-midja indipendenti, li l-forzi tas-sigurtà għalquhom bil-forza;

C. billi hemm rapporti li, barra minn hekk, sar tħarbit u serq fi ħwienet u negozji ta’ Nsara fil-Kajr;

D. billi l-Insara Kopti jirrappreżentaw madwar 10% tal-popolazzjoni Eġizzjana; billi seħħew atti rikorrenti ta’ vjolenza kontra Nsara Kopti fl-Eġittu f'dawn l-aħħar snin, u billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-Kopti jidher li marret għall-agħar mill-bidu tar-revoluzzjoni 'l hawn;

E.  billi l-Kostituzzjoni Eġizzjana tiggarantixxi l-libertà tat-twemmin u l-libertà tal-prattika tar-riti reliġjużi;

F.  billi l-Unjoni Ewropea hija waħda mid-donaturi internazzjonali ewlenin tal-Eġittu u ħadet impenji sinifikanti, sew finanzjarji kif ukoll ta’ xort’ oħra, biex tappoġġa t-tranżizzjoni politika;

G. billi l-Unjoni Ewropea darba wara l-oħra esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;

H. billi għandhom isiru diversi fażijijet ta’ elezzjonijiet parlamentari fix-xhur li ġejjin, b’bidu mit-28 ta’ Novembru 2011;

I.   billi, minn Marzu ‘l hawn, seħħew protesti u dimostrazzjonijiet f'ħafna bliet fis-Sirja;

J.   billi huwa stmat li tal-anqas 3 000 ruħ inqatlu matul il-protesti, għadd li ilu jiżdied kontinwament hekk kif l-awtoritajiet Sirjani rreaġixxew dejjem aktar brutalment, filwaqt li huwa maħsub li bosta aktar ċittadini sfaw midruba tul il-protesti;

K. billi l-missjoni tal-Kummissarju Għoli għas-sejbien tal-fatti tad-19 ta' Awwissu sabet evidenza ta' mijiet ta' eżekuzzjonijiet sommarji, l-użu ta' munizzjoni letali kontra d-dimostranti, l-użu mifrux ta' tiraturi magħżula waqt il-protesti, id-detenzjoni u t-tortura ta' nies ta' kull età, l-imblokk tal-bliet mill-forzi tas-sigurtà u l-qerda tal-provvisti tal-ilma;

L.  billi ċ-ċittadini tas-Sirja huma soġġetti għal arrest arbitrarju u priġunerija mingħajr proċess, jew inkella għal proċess minn qorti militari, u m'għandhom l-ebda ġudikatura indipendenti li tiddefendihom, l-ebda libertà tal-espressjoni u l-ebda dritt li jipprotestaw iggarantit bil-liġi;

M. billi huwa rrappurtat li, fis-Sirja kollha, il-bliet qed jiġu assedjati mill-forzi mmexxija mill-gvern, mingħajr aċċess għall-ikel, provvisti mediċi jew komunikazzjonijiet;

N. billi, minkejja li għamel ħafna dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn impenja ruħu favur riforma politika, il-President Bashar al-Assad naqas milli jieħu azzjoni biex jimplimenta aġenda speċifika li tissalvagwardja l-libertajiet pubbliċi u l-indipendenza ġudizzjarja u tipprojbixxi lill-Gvern Sirjan milli jgħaffeġ fuq id-drittijiet tal-bniedem;

O. billi l-Gvern Sirjan juża l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali (QSSS), qorti speċjali li tibqa' barra mis-sistema tal-ġustizzja kriminali ordinarja, biex jipproċessa lill-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

P.  billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf se jaħdem mal-awtoritajiet fis-Sirja biex tinbeda t-tranżizzjoni lejn elezzjonijiet ħielsa u t-trasferiment tal-poter mill-President Assad;

Q. billi fit-2 ta’ Settembru u t-13 ta’ Ottubru l-Istati Membri tal-UE qablu li jestendu s-sanzjonijiet, minbarra r-restrizzjonijiet eżistenti applikati għas-Sirja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza mwettqa fid-9 ta’ Ottubru 2011 mill-armata Eġizzjana u minn estremisti kontra l-Kopti u kull vjolenza settarja oħra, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u lil qrabathom;

2.  Jilqa’ l-impenji meħuda mill-kabinett Eġizzjan fl-10 ta’ Ottubru 2011, fosthom it-twaqqif ta’ Kumitat għas-Sejbien tal-Fatti, investigazzjoni ġudizzjarja mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari, it-tressiq ta’ abbozz ta’ digriet li jillegalizza l-istatus ta' postijiet tal-kult eżistenti li m’għandhomx liċenzja, l-issuktar ta’ sforzi biex jiġi adottat “Kodiċi Komuni dwar il-bini ta’ postijiet tal-kult" u ż-żieda ta’ artikolu ġdid fil-Kodiċi Kriminali tal-Eġittu rigward ir-reat ta’ “diskriminazzjoni”;

3.  Jilqa’, barra minn hekk, it-tnedija ta’ missjoni għas-sejbien tal-fatti mill-Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eġittu;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità tad-diversi investigazzjonijiet, billi jippermettu sorveljanza adegwata;

5.  Jistieden lill-Gvern Eġizzjan jiggarantixxi li l-Insara Kopti u membri ta' komunitajiet u minoranzi reliġjużi oħra jgawdu l-firxa sħiħa ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali – inkluż id-dritt li jagħżlu u jibdlu r-reliġjon tagħhom b'mod ħieles – kif ukoll biex jipprevjeni kull diskriminazzjoni kontrihom;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani, għaldaqstant, jirrevedu l-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, li jiddikjara li “l-prinċipji tax-xarija Iżlamika huma s-sors ewlieni tal-leġiżlazzjoni Eġizzjana”, u biex jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kostituzzjonali tkun inklussiva u ma tħalli l-ebda possibbiltà ta’ diskriminazzjoni kontra xi ħadd fis-soċjetà Eġizzjana;

7.  Huwa mħasseb dwar l-istqarrijiet li l-Maġġur Ġeneral Rouini, li attwalment huwa membru tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati, għamel f’intervista televiżiva fil-programm Al-Qahira al-Jawm (Il-Kajr illum) fl-10 ta’ Mejju 2011, fejn qal li l-armata kollha u l-popolazzjoni kollha tal-Eġittu huma Salafi;

8.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jirrevedu l-impenji finanzjarji favur l-Eġittu u jiggarantixxu kondizzjonalità stretta, b’tali mod li l-għajnuna finanzjarja tinħareġ biss meta l-awtoritajiet Eġizzjani jkunu jistgħu jagħtu prova li jkunu għamlu ħilithom kollha biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluża l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, għall-Eġizzjani kollha;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih lil Maikel Nabil Sanad, blogger ta’ 26 sena età li bħalissa qed jagħmel strajk tal-ġuħ u li ngħata sentenza ta’ tliet snin ħabs minħabba li kkritika l-użu tal-forza min-naħa tal-armata Eġizzjana kontra d-dimostranti fi Pjazza Taħrir u minħabba li oġġezzjona għas-servizz militari;

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (KSAF) jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu li ma jippermettix preżenza ta’ osservaturi barranin fl-elezzjonijiet parlamentari li għandhom jibdew fit-28 ta’ Novembru 2011; jitlob lill-KSAF jirċievi delegazzjoni ta’ Membri mill-Parlament Ewropew għal Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali;

11. Jappoġġa bil-qawwa l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru, li jagħmlu sejħa biex il-President al-Assad iwarrab u jħalli li sseħħ tranżizzjoni demokratika, u jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-azzjonijiet brutali tal-awtoritajiet Sirjani;

12. Jinsisti li l-gvern Sirjan għandu jiggarantixxi l-protezzjoni tad-dimostranti minn attakki, u jsostni d-dritt tad-dimostranti li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, biex jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-gvern Sirjan, għaldaqstant, itemm minnufih l-użu tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi;

13. Jesprimi tħassib dwar rapporti ta’ ħbit vjolenti, u jikkundanna l-fatt li, fost id-dimostranti, qed tiżdied il-preżenza ta' forzi Iżlamisti armati b'armi mdaħħla b’kuntrabandu li qed ixewxu għal ġiħad u jisparaw fuq il-forzi tas-sigurtà, b’tali mod li hemm il-periklu li tfaqqa' gwerra ċivili fuq bażi settarja;

14. Jistieden lill-Gvern Sirjan jistabbilixxi investigazzjoni indipendenti, effikaċi u trasparenti dwar l-azzjonijiet tal-forzi tas-sigurtà u, b'mod partikulari tal-attivitajiet ta' ħu l-President, li huwa l-kmandant tal-forzi speċjali, u li kwalunkwe membru tas-servizzi tas-sigurtà li spara fuq dimostranti mhux armati, jew ordna li jinfetaħ in-nar fuqhom b'munizzjoni letali, jinżamm responsabbli;

15. Jistieden lill-gvern Sirjan itemm l-arresti u d-detenzjoni arbitrarja ta’ attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, kif ukoll jeħles lill-priġunieri kollha tal-kuxjenza; jistieden lill-awtoritajiet fis-Sirja jagħtu rendikont pubbliku ta' kull persuna li nqatlet, indarbet jew għadha nieqsa;

16. Jesprimi tħassib serju għall-fatt li l-intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani jista’ jkun li qed tinfirex għal attivisti tal-oppożizzjoni fl-eżilju;

17. Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jwaqqfu ċ-ċensura governattiva ta' pubblikazzjonijiet lokali u barranin, itemmu l-kontroll ripressiv tal-gvern fuq il-gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra, kif ukoll ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-Internet;

18. Jistieden lill-gvern Sirjan jippermetti aċċess immedjat u inkondizzjonat tal-aġenziji tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiema umanitarji;

19. Jilqa' s-sanzjonijiet imposti fit-2 ta' Settembru u fi-13 ta’ Ottubru mill-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-UE tippreżenta front magħqud meta jkollha x'taqsam mal-awtoritajiet Sirjani;

20. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jistieden lill-gvern Sirjan jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

21. Jilqa' l-fatt li t-Turkija u l-Arabja Sawdija kkundannaw lir-reġim Sirjan, u juri l-għoġba tiegħu għar-rwol tat-Turkija fl-ilqigħ tar-rifuġjati; jiddispjaċih li l-Iran għadu qed jappoġġa l-pożizzjoni intransiġenti tal-President al-Assad u r-ripressjoni brutali li qed iwettaq fuq il-poplu tiegħu;

22. Jitlob li jkun hemm djalogu miftuħ u paċifiku bejn il-gvern Sirjan u l-poplu tas-Sirja; Iħeġġeġ bil-qawwa lill-gvern tas-Sirja jieħu azzjoni skont l-impenji pubbliċi tiegħu u jimplimenta r-riformi demokratiċi mingħajr dewmien, b’rispett sħiħ għall-gruppi minoritarji kollha; Iħeġġeġ lill-President al-Assad jirrikonoxxi l-fatt li l-poplu Sirjan ċaħad lir-reġim tiegħu u jwarrab, fl-aħjar interessi tas-Sirja u tal-unità tal-poplu tagħha;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati tal-Eġittu, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.