Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0551/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0551/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod parikolari fir-rigward tal-komunitajiet Insara

24.10.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hélène Flautre, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0542/2011

Proċedura : 2011/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0551/2011
Testi mressqa :
B7-0551/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0551/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari fir-rigward tal-komunitajiet Insara

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu b’mod partikolari dik tas-17 ta’ Frar dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, u dik tal-21 ta’ Jannar 2010 dwar l-attakki kontra komunitajiet Insara,

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 u tat-18 ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, Catherine Ashton dwar l-Eġittu u b’mod partikolari dik tal-10 ta' Ottubru dwar il-vjolenza fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta’ Awwissu 2011 biex jiġu approvati EUR 100 miljun għall-Eġittu, biex tgħin fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-foqra fil-Kajr, jinħolqu aktar impjiegi, u l-enerġija rinnovabbli ssir aktar disponibbli b’mod aktar mifrux,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2004 u l-Pjan ta' Azzjoni li ntlaħaq ftehim dwaru fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel” tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari, dawk tas-7 ta' Lulju 2011 u tal-15 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-10 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar is-sanzjonijiet tal-UE fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hija firmatarja tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1975, li s-Sirja hi firmatarja tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Dwar l-Eġittu

A. billi wara l-attakki kontra knejjes Kopti f'Marzu, f'Mejju u f'Settembru 2011, u n-nuqqas għalkollox ta' reazzjoni sodisfaċenti min-naħa tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali biex iħarrku lill-dawk li huma ħatja tal-attakki, b’mod partikolari fil-Governorat ta' Aswan tan-Nofsinhar, ġie organizzat marċ paċifiku prinċipalment mill-komunità Kopta fil-Kajr fid-9 ta’ Ottubru bil-għan li jappellaw lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jarrestaw u jħarrku lill-ħatja u lill-instigaturi tal-attakki fuq il-Knisja, jadottaw liġi unifikata għall-bini ta’ djar ta’ qima, jikkriminalizzaw b’mod effikaċi d-diskriminazzjoni reliġjuża u jerġgħu jibnu l-knisja li kienet ġiet attakkata; billi din il-protesta kantiet kontra r-reġim u nbidlet fi dmija kbira li kkawżat il-mewt ta’ 27 persuna ċivili u possibilment sa tliet suldati kif ukoll aktar minn 300 ruħ midruba, l-agħar vjolenza li l-Eġittu rat mindu tneħħa Mubarak fi Frar;

B.  billi l-awtoritajiet Eġizzjani reaġġixxew għal din il-ġrajja traġika billi taw bidu għal spezzjoni taż-żona ta’ Maspero mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u mexxew investigazzjoni taħt l-awtorità ġudizzjarja militari u stabbilixxew Kummissjoni għat-tiftix tal-fatti magħmula minn membri tal-ġudikatura;

C. billi l-Musulmani ngħaqdu mal-Kopti fil-protesti tagħhom fil-jiem ta’ wara kontra s-settarjaniżmu reliġjuż, fejn talbu li ssir inkjesta imparzjali tal-allegat użu ta’ vjolenza letali minn awtoritajiet u nies ta’ qattagħni u tat-tixwix għal vjolenza settarjana mill-midja tal-istat; billi l-Kopti jiffurmaw madwar 10% tal-popolazzjoni tal-Eġittu u jilmentaw mid-diskriminazzjoni, inkluż dewmien kostanti biex jingħataw awtorizzazzjonijiet biex jibnu postijiet ta’ qima; billi l-mexxej tal-Knisja Kopta l-Papa Xenuda III tal-Knisja Ortodossa Kopta ta' Lixandra ikkundanna l-vjolenza u l-mexxejja reliġjużi inkluż l-imam il-kbir ta' Al-Azhar, Aħmed El-Tajeb issa qed jappellaw għall-unità nazzjonali u djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti;

D. billi t-televiżjoni tal-istat Eġizzjan il-Kanal Wieħed appella lill-Eġizzjani jinżlu fit-toroq biex jiddefendu l-armata tal-Eġittu li qal kienet qed tiġi attakkata minn dimostranti Insara vjolenti, u b'hekk kompla jħarrax is-sitwazzjoni u ddiskrimina bejn iċ-ċittadini waqt li kien qed ikopri l-ġrajjiet;

E.  billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir fil-livelli li jiġġieldu kontra l-estremiżmu u li jippromwovu r-rispett reċiproku; billi l-pajjiżi kollha għandhom id-dmir morali u legali li jħarsu l-libertà tar-reliġjon billi jeqirdu għalkollox il-liġijiet diskriminatorji li jistgħu jwasslu għal konflitt serju;

F.  billi l-Ministru tal-Finanzi Eġizzjan Hażem el-Beblawi rriżenja biex jipprotesta kontra l-mod kif il-gvern affronta l-konflitti, riżenja li ġiet irrifjutata mill-kunsill militari li qiegħed imexxi bħalissa; billi l-Ministru tat-Turiżmu Eġizzjan Abdel Nur ikkritika lit-televiżjoni tal-istat Eġizzjan talli xewwex il-vjolenza kontra l-Kopti u sejjaħ il-ġrajjiet katastrofi f'kull sens tal-kelma u qal li l-awtoritajiet ma ttrattawx il-kriżi b'mod kuraġġjuż;

G. billi l-liġi ta’ emerġenza, li ġiet imwessgħa mill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (KSFA) wara l-kunflitti li seħħew bejn dimostranti u l-forzi tas-sigurtà fl-ambaxxata Iżraeljana Settembru li għadda, issa treġġgħet lura għall-ambitu oriġinali tagħha, fejn tkopri offiċi li jinkludu t-tħarbit tat-traffiku, l-imblukkar tat-toroq, ix-xandir ta’ għidud, il-pussess u l-kummerċ ta’ armi, u ‘attakk fuq il-libertà li wieħed jaħdem’ skont dikjarazzjonijiet uffiċjali;

H. billi l-persuni ċivili arrestati skont il-liġi ta' emerġenza jittellgħu quddiem qrati militari li jiksru d-dritt għal proċess ġust u jċaħħdu lill-akkużati mid-dritt għall-appell; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li, mindu bdiet isseħħ ir-ripressjoni, aktar minn 12 000 persuna ċivili ttellgħet quddiem dawn il-qrati speċjali, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem Eġizzjani, l-assoċjazzjonijiet tal-avukati u personalitajiet politiċi mill-gruppi politiċi kollha insistew li l-persuni ċivili għandhom jittellgħu quddiem qrati ċivili biex jiġi żgurat proċess xieraq;

I.   peress li l-blogger u priġunier tal-kuxjenza ta' 25 sena Maikel Nabil Sanad li ġie arrestat fit-28 ta' Marzu, tressaq quddiem qorti militari fl-10 ta' April u ngħata sentenza ta' tliet snin ħabs talli allegatament xerred gideb u xniegħat fuq il-forzi armati fuq il-blog tiegħu, ilu fuq strajk tal-ġuħ mit-23 ta' Awwissu; billi saħħtu ddeterjorat bil-kbir peress li l-awtoritajiet neħħewlu l-medikazzjoni vitali tal-qalb;

J.   billi kumitat għar-rieżami tal-istituzzjonijiet ċivili u tal-NGOs immirat biex iross il-kontroll legali fuq il-finanzjament barrani tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġie mħabbar dan l-aħħar u, bħala konsegwenza, inħarġet talba lill-Bank Ċentrali biex jimmonitorja t-tranżazzjonijiet tal-bank kollha tal-NGOs; billi fl-istess ħin il-prosekutur tas-sigurtà tal-istat lill-organizzazzjonijiet li illegalment irċevew finanzjament minn għejun barranin akkużahom bi ‘tradiment kbir’ u ‘kospirazzjoni kontra l-Eġittu’ permezz ta’ aġendi barranin immirati biex jagħmlu ħsara lis-sigurtà nazzjonali Eġizzjana; billi. barra minn hekk, t-theddid kontra l-NGOs, speċjalment dawk involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, f'kampanja intensiva ta' malafama varata mill-istampa tal-istat, serva biex jiddeleġittimizzahom u jistigmatizzahom f'għajnejn il-pubbliku bħala li qed jaġixxu kontra l-interessi tal-Eġittu;

K. billi l-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati afferma mill-ġdid, f'dikjarazzjoni pubblika uffiċjali maħruġa fit-12 ta' Ottubru 2011, l-impenn tiegħu li jħares id-dritt taċ-ċittadini kollha li jipprotestaw paċifikament u d-drittijiet tal-għaqda u l-assoċjazzjoni, tat-twemmin u tal-espressjoni, bħala drittijiet imħarsa mill-kostituzzjoni, kif ukoll li jħares l-istat tad-dritt ikun min ikun ħati;

L.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom id-dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi u ġie previst fil-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi;

M. billi l-perjodu transizzjonali wara r-rivoluzzjoni tal-25 ta’ Jannar fl-Eġittu ġie kkaratterizza minn tendenza lejn l-emarġinazzjoni tan-nisa li ġew esklużi mill-Kumitat Kostituzzjonali u l-abolizzjoni tal-kwota tan-nisa fir-rieżami tal-liġi dwar id-drittijiet politiċi kif ukoll sejħiet dejjem aktar biex isir irtirar mill-kisbiet legali li kellhom in-nisa f'dawn l-aħħar għaxar snin;

Dwar is-Sirja

N. billi minn Marzu 2011 ’l hawn, skont l-istimi tan-NU maħruġa dan l-aħħar, ’il fuq minn 3000 ruħ tilfu ħajjithom, inklużi tal-anqas 187 tifel u tifla, u eluf aktar indarbu, ġew arrestati, ittorturati jew għabu bħala riżultat tar-ripressjoni brutali mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu; billi, minkejja l-kundanna internazzjonali mifruxa, ir-ripressjonijiet vjolenti u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi mill-forzi tas-sigurtà kontra l-persuni ċivili u l-familji tagħhom qed ikomplu u qed jiżdiedu aktar fis-Sirja;

O. billi r-rewwixta u r-reżistenza popolari kontra r-reġim ta’ Assad jidhru li ma ddgħajfux jew ġew intimidati mir-ripressjoni vjolenti imma, għall-kuntrarju, jidher donnu li qed isiru aktar b’saħħithom f’xi wħud mill-ibliet prinċipali tal-pajjiż li miexi lejn gwerra ċivili li tista’ tiddestabbilizza r-reġjun kollu;

P.  billi l-isforzi tat-Turkija u tal-Lega Għarbija biex jinnegozjaw soluzzjoni paċifika għar-rewwixta s'issa fallew;

Q. billi l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taġixxi biex tħares lill-persuni ċivili mir-ripressjoni tar-reġim; billi fis-17 ta’ Ottubru s-Segretarju Ġenerali tan-NU appella lir-reġim Sirjan biex jieqaf joqtol lill-persuni ċivili u jaċċetta investigazzjoni internazzjonali tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

R.  billi, minkejja dawn l-appelli u sforzi internazzjonali, ir-reġim Sirjan għadu qed isegwi soluzzjoni militari għar-rewwixta u b'hekk qed jikkontribwixxi għall-militarizzazzjoni tal-konflitt li r-reġim qed jallega li qed jipprova jipprevjeni; billi r-riformi u l-amnestiji mħabbra u mwiegħda minn Baxar al-Assad għadhom ma ġewx implimentati;

S.  billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill laqa' l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tistabbilixxi pjattaforma unita, talab lill-komunità internazzjonali biex hi wkoll tilqa' dawn l-isforzi, innota l-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali Sirjan (KNS) bħala pass pożittiv 'il quddiem, u laqa' l-impenn tal-KNS għan-non-vjolenza u l-valuri demokratiċi; billi l-Membri tal-Parlament Ewropew kellhom skambju ta' opinjonijiet mar-rappreżentanti eżiljati tal-oppożizzjoni Sirjana f'diversi okkażjonijiet fix-xhur li għaddew,

Dwar l-Eġittu

1.  Jesprimi għal darba oħra s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku u diffiċli tat-tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-assemblea paċifika u l-libertà tal-espressjoni;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta’ vjolenza u jiddeplora l-hekk imsejħa ġrajjiet ta’ Maspero li rriżultaw fil-mewt ta’ aktar minn 20 persuna u fil-feriment ta’ 300 ruħ u jesprimi s-solidarjetà u s-sentiment ta’ mogħdrija tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha; jinsab ixxukkjat bix-xeni tal-attakki brutali, inkluż minn tankijiet militari, u l-użu sproporzjonat tal-forza mill-armata Eġizzjana fuq id-dimostranti;

3.  Jenfasizza li l-ġrajjiet ta’ Maspero huma kontradizzjoni sfaċċata tal-ispirtu ta’ Taħrir u jenfasizza kemm huwa importanti li investigazzjoni indipendenti, trasparenti u bir-reqqa tal-ġrajjiet ta’ Maspero għandha titmexxa minn ġudikatura ċivili indipendenti, bil-għan li kull min kien responsabbli jkollu jagħti kont ta' għemilu; jenfasizza li r-rapporti ta’ disinformazzjoni u taħdidiet ta’ mibegħda mill-midja huma partikolarment inkwetanti u jeħtieġ li jiġu indirizzati kompletament;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw politika u qafas legali xierqa biex jiġġieldu kull sura ta' diskriminazzjoni u jiżguraw l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini Eġizzjani kollha; jilqa' f'dan ir-rigward l-emenda tal-kodiċi penali li jikkriminalizzaw atti ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, razza, lingwa, reliġjon jew twemmin; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jiġu adottati qafas legali u politika biex jiġu miġġielda s-suriet kollha ta’ diskriminazzjoni, f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jieħu nota tat-tħabbiriet rigward l-intezjonijiet tal-awtoritajiet li jeżaminaw mill-ġdid il-qafas legali dwar il-kostruzzjoni ta’ postijiet ta’ qima u li jeżaminaw il-leġiżlazzjoni ta’ dawk li diġà jeżistu; jenfasizza f’dan ir-rigward kemm hu importanti li jiġi applikat għall-postijiet kollha ta' qima kodiċi unifikat tkun xi tkun ir-reliġjon li għaliha jappartienu bil-għan li jiġu evitati aktar diskriminazzjonijiet;

6.  Jiddispjaċih li l-Gvern għadu la adotta u lanqas ma emenda l-abbozzi ta’ liġi unifikati dwar il-postijiet ta’ qima u dwar id-diskriminazzjoni, li kien ħalef li jemenda wara li kien sar l-attakk fuq il-knisja ta' Imbaba;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-liġi ta’ emerġenza tagħti lill-forzi tas-sigurtà setgħat bla rażan ta’ tiftix, arrest u detenzjoni; jitlob li jitneħħa l-istat ta’ emerġenza skont l-ewwel talbiet bi dritt tar-rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar u f'konformità mat-tħabbiriet magħmula mill-KSFA u l-Gvern dwar it-tneħħija tal-liġi ta’ emerġenza qabel ma jsiru l-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jirreferu n-nies ċivili lill-qrati militari u jiggarantulhom proċess ġust u ekwu; jirrimarka li t-tiġdid u l-infurzar sħiħ tal-liġi ta' emerġenza u l-espansjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha tal-qrati militari għall-pajjiż kollu tal-Eġittu biex jiġi ġġustifikat l-użu mifrux ma’ kullimkient tal-qrati militari jikkontribwixxu għal tħassib dejjem akbar rigward il-gvern u l-impenn ġenwin tal-KSFA għat-talbiet bi dritt tar-rivoluzzjoni tal-25 ta’ Jannar, u tirrappreżenta ostaklu għat-tranżizzjoni demokratika tal-Eġittu lejn l-elezzjonijiet leġiżlattivi skedati għat-28 ta’ Novembru u għat-23 ta’ Jannar;

8.  Jiddispjaċih li t-trattament tad-difensuri u l-attivisti politiċi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Eġittu jidher li ftit inbidel minn mindu telaq mill-kariga tiegħu l-ex-president; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-attakki ripetuti mill-awtoritajiet Eġizzjani kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibbenefikaw minn finanzjament barrani; jistieden lill-awtoritajiet joħorġu għall-pubbliku r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta, stabbilita taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ġustizzja, biex tinvestiga l-finanzjament barrani lil NGOs Eġizzjani; jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba rapporti li għadd ta’ NGOs, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħalissa qed jiġu investigati minħabba din il-kwestjoni u soġġetti għal kampanja biex jitħammġilhom isimhom mill-Gvern fil-midja;

9.  Jenfasizza kemm hija importanti s-soċjetà ċivili fi kwalunkwe soċjetà demokratika u jistieden f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet Eġizzjani jassoċjaw ruħhom għalkollox mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jikkonsultawhom fil-proċess tat-transizzjoni demokratika, inkluż dwar il-proċess elettorali u jtemmu kull sura ta’ fastidju jew intimidazzjoni li għalihom bħalissa qed ikunu soġġetti l-l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm jekk b’mod dirett jew jekk b’mod indirett, speċjalment biex ineħħi kull akkuża kriminali u jtemm il-kampanja tal-midja kontra l-NGOs; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw liġi ġdida ta' assoċjazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u f'konsultazzjoni mill-qrib ma' NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jikkundanna s-suriet kollha ta' diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin kontra l-persuni reliġjużi, l-apostati u min ma jemminx, kif ukoll abbażi tal-ġeneru, l-oriġini etnika u l-lingwa jew għal raġunijiet ta’ diżabilità, orjentament sesswali u identità tal-ġeneru; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

11. Itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li jfittxu li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjonijiet u komunitajiet oħra; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;

12. Jiddispjaċih li reġa' ġie stabbilit Ministeru tal-Midja wara li kien ġie abolit, ihedded il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-stampa; jinsab imħasseb serjament minħabba l-pressjonijiet li għaddejjin fuq il-koordinatur prominenti tat-televiżjoni Josri Fuda li ddeċieda li jissospendi l-programm tiegħu ta’ taħdit politiku mill-21 ta’ Ottubru biex jipprotesta kontra l-isforzi li qed jagħmlu l-awtoritajiet biex joħonqu l-espressjoni ħielsa; jinsab imħasseb ħafna li l-għoti ta’ liċenzji lill-kanali politiċi progressivi ġie iffriżat mill-Gvern mis-7 ta' Settembru;

13. Jitlob għal riforma tas-sigurtà fl-Eġittu u li tingħata attenzjoni akbar lis-suġġett tal-libertà tar-reliġjon u lis-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi fil-ftehimiet u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jiġu identifikati passi konkreti u immedjati biex jappoġġjaw ix-xogħol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont il-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li tiġi adottata strateġija tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar l-Eġittu bbażata fuq il-konsultazzjoni mal-NGOs Eġizzjani indipendenti;

14. Jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u tal-pluralità tal-midja; jinsab imħasseb, f’dan ir-rigward, dwar rapporti, li kulma jmur qed dejjem jiżdiedu, ta’ ċensura u pressjoni kontra l-ġurnalisti u l-bloggers; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jtemmu l-persekuzzjoni inġusta u terribbli ta’ Maikel Nabil Sanad u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu kif ukoll tal-persuni l-oħra kollha li ġew arrestati l-ħabs bla bżonn talli esprimew il-fehmiet tagħhom b’mod paċifiku fl-Eġittu;

15. Jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza tas-sessi u l-parteċipazzjoni politika tan-nisa huwa kruċjali għal żvilupp demokratiku veru fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jippromwovu l-ugwaljanza tas-sessi, jikkontribwixxu biex jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet kontra n-nisa, jikkumbattu kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess u jippromwovu l-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa fil-ħajja ekonomika u politika pubblika;

Dwar is-Sirja

16. Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat u brutali tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi u l-persekuzzjoni sistematika tal-attivisti li huma favur id-demokrazija, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti;

17. Jitlob li jitlaq mill-karigar tiegħu Baxar al Assad li r-reġim tiegħu tilef kull leġittimità wara r-ripressjoni bla ħniena persistenti u li għadu għaddej fuq il-popolazzjoni Sirjana; hu tal-fehma li r-riżenja tiegħu twitti t-triq u tiffaċilita l-proċess ta’ transizzjoni li għandu jkun ibbażat fuq djalogu kredibbli u inklussiv li jkun jinvolvi l-forzi u l-komponenti demokratiċi kollha tas-soċjetà Sirjana bil-ħsieb li jiġi varat proċess ta’ riformi demokratiċi profondi;

18. Jesprimi għal darba oħra s-solidarjetà u l-appoġġ qawwi tiegħu favur it-taqbida tal-poplu Sirjan għal-libertà, il-bidliet demokratiċi u t-tmiem tar-reġim awtoritarju; iħeġġeġ lir-RGħ/VP tal-UE tipprovdi lill-forzi tal-oppożizzjoni demokratika Sirjana organizzata ġewwa u barra s-Sirja l-appoġġ politiku qawwi u tekniku meħtieġ ħalli t-taqbida non-vjolenti tagħhom tkun suċċess;

19. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Sirjani, inklużi l-arresti tal-massa, il-qtil extraġudizzjarju, id-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien u t-tortura; jemmen li dan il-ksur mifrux ħafna u sistematiku tal-obbligi tas-Sirja fl-ambitu tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jista' jammonta għal delitti kontra l-umanità; hu tal-fehma li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) għandu jirreferi lis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjoni (QKI) bil-għan li ssir ġustizzja mal-popolazzjoni tas-Sirja u jiġi evitat li jkun hemm aktar vittmi;

20. Jenfasizza l-appell li sar mill-opponenti u d-dimostranti Sirjani biex jintbagħtu osservaturi internazzjonali biex jiskoraġġixxu l-attakki kontra l-persuni ċivili u biex ikun hemm aċċess sħiħ tal-organizzazzjonijiet internazzjonali umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-midja internazzjonali għall-pajjiż;

21. Jiddeplora l-għadd dejjem jikber ta’ inkursjonijiet transkonfinali tat-truppi Sirjani għal ġo territorju Lebaniż fejn ġew irrappurtati b’mod ġenerali qtil u ħtif; jistieden, f’dan ir-rigward, lir-RGħ/VP tal-UE tħeġġeġ lill-awtoritajiet Lebaniżi jiggarantixxu l-ħarsien u s-sigurtà taċ-ċittadini Sirjani kollha li qed jaħarbu minn pajjiżhom, inkluża l-liġi umanitarja;

22. Jinkoraġġixxi lir-RGħ/VP tal-UE, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw mill-qrib mat-Turkija u mal-pajjiżi ġirien tas-Sirja, mal-Lega Għarbija u atturi internazzjonali oħra bil-għan li tinstab pożizzjoni komuni għas-soluzzjoni tal-kriżi fil-KSNU u jżidu l-pressjoni fuq ir-reġim Sirjan bil-għan li jwaqqaf l-eskalazzjoni militari minn fuq il-poplu tiegħu stess;

23. Jilqa’ l-ġabra l-ġdida ta’ sanzjonijiet adottata mill-UE dwar is-Sirja; jistieden lill-Kunsill, madankollu, biex isib modi ħalli dawn is-sanzjonijiet ikollhom miri speċifikati aħjar u ma jolqtux jew jaffettwaw direttament jew indirettament lill-popolazzjoni ċivili li l-ħajja ta’ kuljum tagħha kienet qed tiddeterjora bl-ikreh tul dawn l-aħħar xhur; hu tal-fehma li dawk l-individwi li wettqu delitti jridu jinżammu responsabbli;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eġittu, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.