Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0577/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0577/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA li se jsir fit-28 ta' Novembru 2011

9.11.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jan Zahradil, Charles Tannock, Martin Callanan, Ryszard Antoni Legutko, Hynek Fajmon, Oldřich Vlasák, Milan Cabrnoch, James Nicholson, Tomasz Piotr Poręba, Robert Sturdy, Geoffrey Van Orden, Adam Bielan, Evžen Tošenovský, Ivo Strejček, Struan Stevenson, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0577/2011

Proċedura : 2011/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0577/2011

B7‑0577/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA li se jsir fit-28 ta' Novembru 2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Samits UE-USA u r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti u r-rapporti ta' progress adottati fil-laqgħat preċedenti tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlatiku (TEC), inkluż il-5 TEC tas-17 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni UE-USA fir-riċerka u l-iżvilupp fl-avjazzjoni ċivili,

   wara li kkunsidra l-ftehim UE-USA dwar it-trasport bl-ajru ta’ Marzu 2011,

   wara li kkunsidra l-Qafas għall-Avvanz tal-Integrazzjoni Ekonomika Trans-Atlantika bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-USA hija pedament fundamentali tal-politiki esterni tal-UE;

B.  billi l-UE u l-USA għandhom rwol strateġiku rigward l-isfidi ekonomiċi dinjija. ladarba l-Prodott Domestiku Gross (PDG) tagħhom jirrappreżenta aktar minn nofs il-PDG dinji u huwa mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, il-kummerċ u l-prosperità tad-dinja, u għandhom relazzjoni ekonomika li hija l-akbar, l-aktar integrata u l-aktar dejjiema fid-dinja;

C. billi l-esportazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi mill-UE lejn l-USA fl-2010 laħqet total ta’ EUR 411.6 biljuni, filwaqt li l-importazzjoni mill-USA laħqet EUR 300.5 biljuni;

D. billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom interessi politiċi komuni u responsabbiltà konġunta fl-arena politika dinjija li jippromwovu l-paċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiltà, kif ukoll li jindirizzaw diversi perikli u sfidi globali, bħalma huma, fost l-oħrajn, il-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, u l-eradikazzjoni tal-faqar;

E   billi l-kriżi ekonomika attwali u l-problemi fiskali tal-lum f’xi pajjiżi taż-Żona tal-Euro se jkollhom impatt serju sew fuq l-ekonomija tal-UE kif ukoll dik tal-USA, jekk ma jiġux trattati sewwa;

F.  billi erbgħa mill-Istati Membri tal-UE għadhom soġġetti għal reġim tal-viża restrittiv tal-USA;

G. billi l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) għandu rwol importanti biex jissorvelja u jaċċelera l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-USA bil-għan li jġib ‘il quddiem l-integrazzjoni ekonomika; billi r-rwol attwali tat-TEC għandu jissaħħaħ, speċjalment rigward il-promozzjoni tal-konverġenza ta’ standards tekniċi;

1.  Itenni li r-relazzjoni bejn l-UE u l-USA hija l-aktar sħubija strateġika importanti għall-UE u jinsisti fuq l-importanza li nintensifikaw id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinament strateġiċi aħna u nindirizzaw l-isfidi dinjija u l-kunflitti reġjonali;

2.  Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-bażi fundamentali tas-sigurtà Trans-Atlantika; jitlob aktar kooperazzjoni strateġika bejn l-USA u l-Istati Membri tal-UE sabiex nindirizzaw sfidi tas-sigurtà dinjija; jilqa’ r-rwol li kellhom il-forzi tan-NATO biex fil-Libja seħħew tibdiliet demokratiċi;

3.  Jerġa’ jistieden liż-żewġ partijiet jippromwovu r-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja bħala element prinċipali tal-politika tagħhom;

4.  Jistieden lill-UE u lill-USA jsaħħu l-kooperazzjoni quddiem sfidi dinjija komuni, b’mod partikolari fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà tal-enerġija;

5.  Jilqa’ l-pożizzjoni tal-USA rigward l-applikazzjoni Palestinjana fin-NU; jistieden lill-USA u l-UE jissuktaw bl-impenn sħiħ tagħhom fil-ħidma tal-Kwartett biex il-Palestinjani u l-Iżraeljani jġibuhom madwar il-mejda tan-negozjati, għaliex huma biss it-taħditiet bilaterali li jistgħu jipproduċu riżultati tanġibbli u jġibu l-paċi fir-reġjun, bil-mira ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati bi stat Palestinjan indipendenti u vijabbli;

6.  Itenni l-importanza li ż-żewġ sħab jippromwovu, fi spirtu ta’ fiduċja u trasparenza, approċċi koordinati fil-politiki tagħhom fir-rigward tal-Iran, l-Iraq, l-Afganistan u l-Pakistan;

7.  Jistieden lill-UE u l-USA jaħdmu fuq approċċ komuni għat-tibdiliet li qed iseħħu fl-Afrika ta’ Fuq u jikkoordinaw is-sostenn tagħhom għall-forzi demokratiċi f’pajjiżi bħat-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu ħalli jgħinuhom jiżviluppaw il-pajjiżi rispettivi tagħhom f’demokraziji awtentiċi u qawwija; f’dan ir-rigward, jistieden liż-żewġ sħab jaħdmu flimkien u jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet fis-Sirja u fil-Baħrejn ħalli dawn itemmu l-attivitajiet ta’ fastidju u brutalità kontra ċ-ċittadini tagħhom stess u jimplimentaw riformi demokratiċi li jippermettu l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u l-protezzjoni tad-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini;

8.  iħeġġeġ lill-USA tneħħi r-reġim tal-viża għall-Istati Membri li għadhom soġġetti għalih u tittratta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea ndaqs abbażi ta’ reċiproċità sħiħa;

9.  Jistieden lill-UE u l-USA jkomplu d-djalogu onest li nbeda fis-Samit tal-G20 f’Cannes fuq l-identifikazzjoni ta’ modi kif tista’ tiġi solvuta l-kriżi tad-dejn taż-Żona tal-Euro, li sawret theddida għall-ekonomija dinjija;

10. jilqa’ l-ftehim dwar il-promozzjoni u l-użu tas-sistemi tan-navigazzjoni bis-satelliti GALILEO u GPS, li l-Parlament Ewropew dan l-aħħar esprima l-kunsens tiegħu għalihom;

11. Jilqa’ l-konklużjoni tan-negozjati dwar it-tieni stadju tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-USA, li fih għadd ta’ inċentivi biex jinkoraġġixxu tibdiliet leġiżlattivi fl-USA, li – meta jkunu implimentati – se jippermettu li ż-żewġ naħat jiftħu Żona tal-Avjazzjoni Miftuħa;

12. Jilqa’ l-ewwel testijiet li rnexxew ta’ risposti trans-Atlantiċi għall-inċidenti ċibernetiċi, inklużi l-attakki ċibernetiċi, li saru fl-4 ta’ Novembru 2011 fi Brussell;

13. Ifaħħar ir-rwol pożittiv tat-TEC, li sal-lum tlaqqa’ ħames darbiet; huwa konvint li t-TEC jista’ jkollu rwol importanti fit-trawwim ta’ approċċ komuni bejn l-UE u l-USA fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma’ pajjiżi terzi;

14. Jinnota li l-impenji meħuda fis-Samit tat-TEC tal-2010 fuq kwsitjonijiet bħalma huma n-negozjanti awtorizzati, il-materja prima u l-prinċipji tal-kummerċ fis-servizzi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), iżda jqis li għandha ssir analiżi eżawrjenti biex tivvaluta l-progress li sar; jissottolinja li għandu jiġi intensifikat ix-xogħol komuni f’xi oqsma, b’mod partikolari d-djalogu regolatorju, l-eliminazzjoni tat-tariffi, it-tneħħija tal-ostakli mhux tariffarji li mhumiex ġustifikati (NTBs), u l-ħolqien ta’ standards komuni li jwarrbu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ miftuħ u ġust;

15. Jifraħ lill-UE u l-USA għas-sħubija tagħhom fil-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) flimkien ma' pajjiżi industrijalizzati, emerġenti u li qed jiżviluppaw li ngħaqdu fil-livell internazzjonali biex jiġġieldu kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija tal-prodotti;

16. Ifakkar fil-proposta tiegħu għal Inizjattiva Trans-Atlantika għat-Tkabbir u l-Imjiegi, u jqis li din għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fis-samit, bil-għan tal-istabbiliment ta’ linji gwida li għandhom jiġu segwiti fix-xhur li ġejjin;

17. Ifakkar l-importanza tal-investimenti barranin diretti fi ħdan ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent stabbli u attraenti għall-investituri, li jikkontribwixxi għaċ-ċertezza tal-investimenti, għat-tkabbir u għall-impjiegi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

18. Huwa konvint li l-kummerċ bejn l-UE u l-USA għandu ħafna potenzjal għal aktar tkabbir ekonomiku; f’dan ir-rigward liż-żewġ naħat iħeġġiġhom jidħlu fi djalogu dwar it-tnaqqis ta’ ostakli mhux tariffarji li mhumiex ġustifikati (NTB); ifakkar li t-tneħħija ta’ nofs l-NTBs u d-diverġenzi regolatorji eżistenti tissarraf f’qabża ta’ EUR 163 biljun fil-PDG, sal-2018, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvern tal-USA jikkommettu ruħhom, sew f’fora bilaterali kif ukoll f’dawk multilaterali, għall-ġlieda kontra x-xejra dinjija lejn il-protezzjoniżmu; jitlob li l-UE u l-USA jimplimentaw mekkanżimu ta' twissija bikrija għall-individwazzjoni u d-deterrent tal-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali;

20. Jilqa’ l-konklużjoni ta’ kontroversji li ilhom għaddejjin fid-WTO (eż. Memorandum ta’ Ftehim dwar iċ-ċanga ta’ kwalità għolja), imma huwa determinat li jitlob lill-USA timplimenta r-rapporti tal-panels u d-deċiżjonijiet pendenti tad-WTO u twarrab l-ostakli għall-kummerċ; iħeġġeġ li l-USA. b’mod partikolari, terġa’ taħsibha dwar l-obbligazzjoni ta’ 100% skennjar tal-kontejners, tottempera ruħha mad-deċiżjoni tal-Korp tal-Appelli tad-WTO dwar il-prattika tal-iżżerar meta tadotta miżuri anti-dumping, ittejjeb serjament il-protezzjoni inadegwata tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs), timplimenta bis-sħiħ r-rakkomandazzjonijiet tal-OIE (l-Organizzazzjoni Dinjija għa-Saħħa tal-Annimali) rigward il-BSE (enkefalopatija sponġiformi bovina) u tippermetti l-importazzjoni tal-prodotti taċ-ċanga kollha li joriġinaw fl-UE;

21. Jenfasizza l-bżonn li r-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha jiġi konkluż fil-ġejjieni qarib; iqis, madankollu, minħabba l-imblokk persistenti fl-arkitettura u fl-objettivi oriġinali fl-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp, li huwa obbligatorju li jerġa’ jissokta mill-aktar fis id-dibattitu dwar kif tista' tissaħħaħ id-WTO u kif tista' titħejja għall-isfidi tal-ġejjieni;

22. Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet fit-TEC biex jistimulaa il-kooperazzjoni bilaterali fir-riċerka biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal-Ftehim UE-USA estiż dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija u għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni favur diversifikazzjoni tal-enerġija u l-promozzjoni ta’ ekonomija ekoeffiċjenti;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.