Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0578/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0578/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

9.11.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Reinhard Bütikofer, Raül Romeva i Rueda, Jan Philipp Albrecht, Tarja Cronberg, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2011/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0578/2011
Testi mressqa :
B7-0578/2011
Testi adottati :

B7‑0578/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (P7_TA(2010)0396),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' progress adottat fil-ħames laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) f'Diċembru 2010, u d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-Laqgħa ta' Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) fl-1 ta' Lulju 2011 f’Budapest,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi s-sħubija trans-Atlantika hija msejsa fuq valuri bażiċi komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq għanijiet komuni bħalma huma l-progress u l-inklużjoni soċjali, l-ekonomiji miftuħa u integrati, l-iżvilupp sostenibbli u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u hi l-pedament tas-sigurtà u l-istabilità fiż-żona Ewro-Atlantika,

B.  billi l-UE u l-USA għandhom rwoli ewlenin fl-arena globali, u jaqsmu bejniethom ir-responsabilità li jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tibdil fil-klima, is-soluzzjoni tal-kunflitti u d-diżarm, il-qerda tal-faqar u l-kisba ta’ Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju oħrajn, il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari, fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali, b’mod partikulari s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jistiednu msieħba oħra biex jikkooperaw f'dan l-isforz,

C. billi l-ħidma tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) u tal-Kunsill Trans-Atlantiku tal-Enerġija għandha l-għan li jkun hemm funzjonament aħjar tas-suq trans-Atlantiku biex jiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-ġustizzja soċjali,

D. billi l-UE u l-USA jaqsmu r-responsabilità li jiksbu impenji globali xierqa fis-17-il Konferenza li jmiss tal-Partiti tal-UNFCCC f’Durban biex jiġġieldu b’mod effettiv it-tibdil fil-klima,

Sfidi tal-governanza ambjentali globali

1.  Fir-rigward tal-governanza ambjentali internazzjonali, jilqa' l-kooperazzjoni tal-USA u tal-UE biex jagħmlu progress taħt il-Protokoll ta' Montreal biex jindirizzaw l-impatt fuq il-klima tal-HFCs; fil-kuntest tas-Samit ta' Rio +20, jitlob liż-żewġ partijiet iressqu proposti konkreti għal sorsi innovattivi ta' finanzjament biex jappoġġaw azzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Konvenzjonijiet ta' Rio, b'mod partikolari rigward il-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima inevitabbli, u l-bidla lejn ekonomiji ekoloġiċi;

2.  Iqis li l-governanza ambjentali f'livell internazzjonali teħtieġ aktar tisħiħ, u jirrakkomanda li l-Programm Ambjentali tan-NU jinbidel f'aġenzija speċjalizzata tan-NU; jitlob ukoll lill-UE u lill-USA jiddiskutu t-twaqqif ta' qorti ambjentali internazzjonali;

3.  Jirrikonoxxi li l-impenji eżistenti u l-wegħdiet li saru taħt il-Qbil ta' Kopenħagen u formalizzati fi ħdan il-Ftehimiet ta' Cancún, żgur mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq l-iskop li ż-żieda kumplessiva globali annwali fit-temperatura medja tal-wiċċ tiġi limitata għal 2 C, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex isir progress fl-indirizzar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'livell globali; jitlob lill-USA u lill-UE jaħdmu flimkien biex jiżguraw li jsir qbil fuq mandat dettaljat fil-Konferenza dwar il-Klima f'Durban biex jiġu konklużi negozjati għal ftehim komprensiv u globali dwar il-klima sal-2015;

Affarijiet barranin u sigurtà

4.  Jirrimarka li r-Rebbiegħa Għarbija wittiet it-triq għal proċess li ilu mistenni ħafna ta' riformi fiż-żona tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani; jenfasizza li sforzi konċertati mill-qrib bejn l-UE u l-USA huma meħtieġa biex joħolqu strateġija effettiva għar-reġjun li takkumpanja u tiffaċilita l-bidla tal-pajjiżi kkonċernati lejn demokraziji sħaħ funzjonanti; f'dan ir-rigward jitlob lill-UE u lill-USA jżidu l-koordinazzjoni, isaħħu approċċi komuni u jiżviluppaw sinerġiji sabiex iwieġbu għall-aspirazzjonijiet leġittimi tan-nies li jirreżistu b'kuraġġ ir-reġimi awtoritarji, jiġġieldu kontra duplikazzjonijiet u kompetizzjoni li jistgħu jfixklu s-suċċess tal-proċess;

5.  F'dan ir-rigward, jissottolinja li s-soluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina hija kruċjali għall-istabilità u l-iżvilupp paċifiku tar-reġjun kollu; jitlob lill-USA u lill-UE jwettqu l-wegħdiet u l-impenji tagħhom, billi jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji sabiex il-bidu mill-ġdid tal-proċess ta' paċi jirrispetta l-iskeda ta' żmien imħabbra mill-Kwartett u jsib soluzzjoni komprensiva għat-tul li tipprevedi Stat Palestinjan vijabbli li jgħix maġenb l-Istat tal-Iżrael bi fruntieri siguri u garantiti; b'mod partikolari, jitlob li ssir inizjattiva komuni bejn l-UE u l-USA sabiex tikkonvinċi lill-Gvern tal-Iżrael ireġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu li jħaffef il-bini ta' 2000 unità fix-Xatt tal-Punent u li jżomm id-dħul doganali li għandu jagħti lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana bħala tweġiba għall-adeżjoni tal-Palestina mal-UNESCO;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rapport il-ġdid tal-IAEA li jindika li hemm dimensjoni militari possibbli fil-programm tat-teknoloġija nukleari tal-Iran; jenfasizza r-riskju ta' tellieqa għall-armi nukleari fil-Lvant Nofsani kollu; jikkundanna provokazzjonijiet min-naħat kollha u jissottolinja li l-atturi internazzjonali u reġjonali għandhom jikkooperaw biex jevitaw żvilupp bħal dan;

7.  Jemmen li sforzi diplomatiċi internazzjonali komprensivi biss, inklużi passi lejn diżarm nukleari, jistgħu jwaqqfu l-attrazzjoni perikoluża u kontroproduttiva tal-gvernijiet lejn it-teknoloġija nukleari kemm fl-applikazzjonijiet tagħha ċivili kif ukoll fl-applikazzjonijiet militari u jitlob lill-istati b'armi nukleari biex jappoġġaw il-proposta tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari; jappoġġa bil-qawwa pjanijiet għal żona ħielsa minn armi nukleari fil-Lvant Nofsani u fl-Ewropa bħala passi lejn it-tneħħija kompleta tal-armi nukleari;

8.  Jenfasizza li s-sigurtà trans-Atlantika hija konnessa mal-politiki ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE iżda hija wkoll appoġġata minn istituzzjonijiet konġunti bħall-OSKE u n-NATO; iħeġġeġ iż-żewġ imsieħba jinvestu bis-serjetà f'diżarm ibbażat fuq it-trattat u n-nonproliferazzjoni, u reġim ta' kontroll aktar strett għall-oġġetti b'użu doppju; jitlob lill-USA u lill-UE jitgħallmu l-lezzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija u jimpenjaw ruħhom favur il-ħolqien ta' Trattat globali dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) li jipprevjeni l-armi milli jinbiegħu f'reġimi mhux demokratiċi u awtoritarji; iħeġġeġ partikolarment lill-USA, iżda anke lill-Istati Membri tal-UE, jieqfu milli jippromwovu protokoll fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Konvenzjonali (CCW) li tippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tip "cluster";

9.  Jitlob lill-USA u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw is-suċċess tal-konferenza tal-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa minn Armi ta' Qerda tal-Massa (AQM) fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-USA tirtira l-armi nukleari tattiċi tagħha minn fuq it-territorju Ewropew sabiex toħloq waħda mill-kundizzjonijiet għal Ewropa ħielsa minn armi nukleari u biex jiġi ratifikat it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBT); huwa kkonċernat ħafna mill-politika tal-USA li għandha l-għan li tippromwovi l-Indja bħala membru ġdid tal-Grupp tal-Fornituri Nukleari (NSG) minkejja li l-Indja rrifjutat li taderixxi man-normi internazzjonali bħal pereżempju t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni (NPT);

10. Jitlob lill-21 Stat Membru tal-UE li huma membri tan-NATO u lill-USA jabbandunaw l-idea li jieħdu deċiżjoni pożittiva fis-Samit tan-NATO tal-2012 f'Chicago dwar l-istabbiliment ta' sistema ta' difiża kontra l-missili; iwissi b'mod partikolari dwar il-konsegwenzi ta' esklużjoni tar-Russja minn din l-inizjattiva;

Kooperazzjoni ekonomika trans-Atlantika u t-TEC

11. Jenfasizza li sħubija trans-Atlantika aktar mill-qrib bil-għan li jkun hemm funzjonament aħjar tas-suq trans-Atlantiku, li tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq soċjali, hi strument importanti biex tissawwar il-globalizzazzjoni u biex jiġu indirizzati l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali globali;

12. Jitlob liż-żewġ naħat jirrikonoxxu r-rabtiet tal-politika kummerċjali mal-prospetti li tintlaħaq stabilità finanzjarja globali u allinjament ġust tal-kambju fost l-ekonomiji ewlenin; jirrakkomanda liż-żewġ naħat biex jaqblu dwar prinċipji li jistgħu jgħinu sabiex jinkisbu bilanċi tal-kummerċ globali li jkunu aktar sostenibbli, anke permezz ta’ miżuri li jiskuraġġixxu l-orjentazzjoni lejn l-esportazzjoni, standards soċjali li jorbtu, ridefinizzjoni tar-regoli anti-dumping sabiex dawn jinkludu d-dimensjoni tad-dumping ambjentali, it-tfassil ta’ kriterji u limiti għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi finanzjarji, projbizzjoni fuq is-sussidji kollha għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli, u kriterji għall-investiment barrani fis-setturi tal-ikel u tad-distribuzzjoni;

13. Jilqa’ l-kunsiderazzjonijiet li t-TEC jingħata rwol distintiv ta’ koordinazzjoni strateġika tal-politika ekonomika, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-proċess tal-G-20; ifakkar, madankollu, li kwalunkwe rwol ġdid tat-TEC għandu jkun bilanċjat bir-reqqa b’ħidma kontinwa biex jinstabu soluzzjonijiet - b'kooperazzjoni mill-qrib mal-leġiżlaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku - għal kwistjonijiet konkreti dwar l-aġenda politika trans-Atlantika, bħas-swieq finanzjarji, l-ekonomija ekoloġika, l-aġenda diġitali, it-teknoloġija sofistikata, u l-politiki ta’ innovazzjoni;

14. Jilqa' l-istabbiliment ta' perkors ta' ħidma settorjali dwar materja prima fi ħdan l-Isħbuija ta' Azzjoni dwar l-Innovazzjoni tat-TEC; jemmen li l-kwistjoni ta' elementi rari jistħoqqilha prijorità partikolari fi ħdan dan il-perkors ta' ħidma; jitlob li jsir żvilupp ta' aġenda dwar riċerka kollaborattiva u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar materja prima kritika, partikolarment fil-kuntest ta' kooperazzjoni trilaterali mal-Ġappun; jitlob li ssir kooperazzjoni trans-Atlantika rigward il-kondiviżjoni ta' dejta dwar materja prima, inkluża materja prima sekondarja; jemmen li tali kooperazzjoni għandha tinkludi previżjoni komuni, analiżi tal-katina tal-provvista, deliberazzjonijiet dwar ħażna konġunta u armonizzazzjoni possibbli tal-formats tad-dejta; jemmen li s-sħubija trans-Atlantika f'kooperazzjoni mal-Ġappun għandha tippromwovi istituzzjonijiet ta' governanza globali dwar materja prima simili għal Forum Internazzjonali dwar l-Enerġija (IEF); jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tpoġġi l-kwistjoni tal-materja prima kritika, partikolarment l-elementi rari, fuq l-aġenda tas-Samit li jmiss bejn l-UE u l-USA;

15. Jilqa' l-ewwel diskussjonijiet li saru s-sena l-oħra fuq il-gass tax-shale fi ħdan il-Kunsill tal-enerġija bejn l-UE u l-USA; jitlob li jkun hemm attenzjoni akbar fuq l-impatti ambjentali tal-estrazzjoni u kooperazzjoni trans-Atlantika fuq din il-kwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiġbor aktar għarfien fuq l-impatti tal-estrazzjoni u l-konsum tal-gass tax-shale u tikkoordina r-reviżjonijiet xierqa tal-qafas regolatorju kif ukoll l-istabbiliment ta' standards bejn id-DĠ Ambjent, id-DĠ Enerġija u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi mal-Kontrapartijiet tal-Istati Uniti, bħal pereżempju l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali; jemmen li l-ewwel skambju konkret bħal dan għandu jseħħ permezz ta' konferenza ta' ġurnata fl-2012, l-aħjar wara l-pubblikazzjoni tal-istudju tal-EPA dwar il-gass tax-shale;

16. Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-USA biex jaħdem lejn koordinazzjoni tal-istrateġiji tal-enerġija li jappoġġaw l-iżvilupp massiv u l-implimentazzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija u sorsi tal-enerġija rinovabbli, miżuri ta' politika u tekniki, li potenzjalment joħolqu miljuni ta' Impjiegi Ekoloġiċi ġodda; jistieden liż-żewġ naħat jaslu għal konverġenza massima fl-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibilità għall-agrofjuwils, fosthom dawk li jolqtu, b’mod dirett jew indirett, l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

17. Jiddispjaċih dwar l-adozzjoni tal-Liġi 2594 mill-Kamra tar-rappreżentanti tal-USA maħsuba biex tipprojbixxi l-linji tal-ajru tal-USA milli jikkonformaw skont il-leġiżlazzjoni dwar l-Iskema Kummerċjali tal-Emissjonijiet tal-UE; jitlob lis-Senat tal-USA jżomm lura milli jappoġġa l-Liġi, u jitlob lit-TEC jħeġġeġ djalogu kostruttiv dwar is-suġġett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport internazzjonali;

18. Jirrikonoxxi s-sistemi ta' standardizzazzjoni differenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; jemmen li, minkejja dawn id-differenzi, għandha titmexxa kooperazzjoni trans-Atlantika dwar standardizzazzjoni partikolarment fil-kuntest ta' suq trans-Atlantiku li jiffunzjona aħjar; jemmen li kooperazzjoni dwar standards teħtieġ li tkun partikolarment avvanzata rigward it-teknoloġiji emerġenti, bħal pereżempju vetturi elettriċi, sabiex jiġu mħeġġa l-kummerċ u l-interoperabbiltà f'dan il-qasam;

19. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa u skambju tal-prattiki fil-politika tal-innovazzjoni, fl-iżvilupp u li jkun hemm, b'mod partikolari, mudelli ta' innovazzjoni miftuħa għall-benefiċċju tal-università/akkademja, SMEs/settur privat u settur pubbliku;

20. Jilqa' l-introduzzjoni ta' bażi legali għall-Kumitat għas-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur għan-negozjar ta' ftehim mal-UE li għandu jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar prodotti perikolużi, korrimenti u azzjonijiet korrettivi meħuda kemm mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll mill-USA;

21. Jemmen li t-tnaqqis tal-ispekulazzjoni fis-swieq tal-komoditajiet, li kienet fattur fil-volatilità estrema fil-prezzijiet tal-ikel f'dawn l-aħħar snin, għandu jsir element għad-djalogu bejn iż-żewġ naħat; ifakkar, f’dan ir-rigward, dwar il-ħtieġa li l-ispekulaturi jiġu skuraġġuti milli jagħżlu biss l-aħjar li jistgħu joffrulhom id-diversi sistemi regolatorji u milli jkomplu joħolqu instabilità permezz ta’ movimenti spekulattivi kbar fis-swieq tal-komoditajiet; jilqa' "r-Riforma ta' Wall Street u l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi" ta' Dodd-Frank fl-USA u jitlob liż-żewġ naħat ikomplu jimmiraw għall-provvediment ta' trasparenza akbar ta' swieq u jillimitaw l-imġiba spekulattiva;

22. Jilqa' l-inizjattiva biex il-kwistjoni tal-kooperazzjoni tal-investiment titqiegħed fl-aġenda tat-TEC; jinsab konvint li kriterji komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni u l-protezzjoni tal-investiment jistgħu jgħinu jiffurmaw bilanċ sostenibbli bejn id-drittijiet tal-investitur u r-responsabbiltajiet tal-investitur lejn l-għanijiet tal-politika pubblika;

23. Ifakkar li ċertu numru ta' ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investiment, li t-TEC qed jintalab ineħħi, għandhom l-għeruq tagħhom f’attivitajiet konxji ta' korpi leġiżlattivi mmirati biex jintlaħqu objettivi soċjali, relatati mas-saħħa, kulturali u ambjentali, u għaldaqstant ma jistgħux jitneħħew mingħajr att leġiżlattiv korrispondenti;

24. Itenni l-appell tiegħu lill-mexxeja tal-UE u tal-USA, kif ukoll lill-kopresidenti tat-TEC, biex iqisu r-rwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess tat-TEC; iħeġġiġhom biex jinvolvu lir-rappreżentanti tat-TLD b’mod sħiħ u dirett fit-TEC, peress li l-leġiżlaturi jaqsmu r-responsabilità għall-applikazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħafna deċiżjonijiet tat-TEC mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom;

L-istabilità finanzjarja u l-arbitraġġ regolatorju internazzjonali

25. Jenfasizza li r-riskju ta’ taqlib finanzjarju u monetarju, tat-tneħħija tal-ingranaġġ finanzjarju, u r-riskju ta’ skarsezza oħra tal-kreditu għadhom ma spiċċawx; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li politiki makroekonomiċi kkoordinati huma vitali sabiex jinkiseb irkupru ekonomiku globali vijabbli;

26. Jissottolinja l-importanza ta’ approċċ ikkoordinat għad-definizzjoni, ir-regolament u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ‘li huma kbar wisq biex ifallu’ (SIFIs) bejn il-Bord Ewropew ġdid dwar ir-Riskju Sistemiku u l-Kumitat għas-Sorveljanza Finanzjarja; bl-għan finali ta' dinja ħielsa minn SIFIs;

27. Jinsisti dwar il-ħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ftehim komprensiv Basel III, inklużi rati ta’ ingranaġġ finanzjarju u ħlasijiet ulterjuri fuq il-kapital (capital surcharges) għall-istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi, standards tal-immaniġġjar tal-likwidità, u limitu għall-bonusijiet u d-dividendi li jinċentivizzaw it-teħid tar-riskju; jissottolinja li l-implimentazzjoni ta' Basel III għandu effettivament itemm l-eżistenza ta’ strutturi ta’ bilanċ off-shore; jiddispjaċih li ż-żminijiet tranżitorji previsti huma twal wisq u żidiet fil-kapital mhumiex biżżejjed fid-dawl tal-esperjenza drammatika tal-kriżi finanzjarja;

28. Jenfasizza li l-komparabilità ta’ standards tal-kontabilità hija essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd u tiġi żgurata komparabilità tad-dejta b'mod globali; jipproponi l-ħolqien ta’ entità internazzjonali ta’ standards ta’ kontabilità pubblika u kkontrollata demokratikament, li tegħleb, b’mod partikulari, id-differenzi fil-kontabilità bejn l-UE u l-USA, u t-theddida konsegwenti għall-istabilità finanzjarja;

29. Jenfasizza l-importanza ta' skambju effiċjenti ta' informazzjoni bejn ir-regolaturi tal-UE u tal-USA, partikolarment rigward l-aċċess mir-regolaturi għal repożitorji tal-kummerċ għal tranżazzjonijiet ta' derivattivi u informazzjoni dwar kapital u flussi ta' riskju bejn banek, impriżi ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet u fondi ta' investiment sabiex jissorveljaw ir-riskju sistematiku u jillimitaw l-ambitu u l-inċentivi għall-arbitraġġ regolatorju;

30. Jenfasizza li l-istandards regolatorji miksuba f’ġurisdizzjoni waħda għandhom iservu bħala punt minimu ta' riferiment f’ġurisdizzjoni oħra, li għandu jwassal sabiex tiżdied b’mod kostanti l-kwalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja internazzjonali, speċjalment fir-rigward tal-kumpens tad-derivattivi OTC, ir-regolamentazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, tal-fondi alternattivi ta’ investiment, il-bejgħ bin-nieqes (short selling) u s-CDS; jiddispjaċih f'dan ir-rigward għad-deċiżjoni tal-USA li teskludi derivattivi tal-kambju mill-ambitu tar-regolamenti tiegħu dwar il-kumpens tal-OTC;

Id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-dejta

31. Jilqa' l-bidu ta' negozjati f'Marzu 2011 għal ftehim bejn l-UE u l-USA dwar il-protezzjoni tad-dejta personali meta din tiġi ttrasferita u pproċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali; jistenna li jara progress sinifikanti f'dawn in-negozjati fil-futur qrib; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fir-Riżoluzzjoni tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-Samit li jmiss tal-2010 bejn l-UE u l-USA dwar dan il-ftehim u jenfasizza li tali ftehim qafas għandu jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jistabbilixxu standards vinkolanti u infurzati dwar il-protezzjoni tad-dejta u jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw applikazzjoni effettiva ta' dawn l-istandards fil-prattika;

32. Jitlob lill-Amministrazzjoni tal-USA, fid-dawl ta' tensjonijiet possibbli tal-Ftehim ACTA (Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni ) mad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-kostituzzjoni tal-USA, iħallu d-deċiżjoni finali dwar ir-ratifika tal-ACTA mill-Istati Uniti tal-Amerika f'idejn il-leġiżlaturi tagħha;

33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-USA, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi, u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.