MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kontribuzzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-produzzjoni ta' beni pubbliċi
9.11.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Maria do Céu Patrão Neves f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0579/2011
B7‑0579/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribuzzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-produzzjoni ta' beni pubbliċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli, adottat fil-31 ta’ Ottubru 1995,
– 'Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar’, COM(2011)363,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropa 2020, COM(2010)2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-settur tas-sajd huwa attività li tiżviluppa fl-ibħra, kif ukoll f’baċiri idrografiċi oħra (ilma salmastru u ilma ħelu), bħalma huma x-xmajjar, il-lagi, l-estwarji, eċċ., li tiġbor fiha tliet linji li huma l-estrazzjoni, l-ipproċessar u l-ikkummerċjar;
B. billi l-akkwakultura, kemm fl-ilma baħar u kemm fl-ilma ħelu, qrib il-kosta u 'l barra mill-kosta, hija komponent kumplementari u inkorporata importanti u li qiegħed jikber tas-settur tas-sajd;
C. billi l-attività tas-sajd testendi l-impatt tagħha għaż-żona tal-kosta, filwaqt li tikkontribwixxi għall-immaniġġjar tagħha kif ukoll għad-dinamika soċjali u ekonomika tagħha, li hija partikolarment importanti għall-komunitajiet tagħha, li spiss huma żvantaġġjati, bi skarsezza ta’ impjiegi u ekonomiji dgħajfa;
D. billi s-settur tas-sajd Ewropew jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-iżvilupp soċjali f’diversi reġjuni tal-Ewropa li jiddependu ħafna minn din l-attività, billi joħloq l-impjiegi, direttament u indirettament, kemm 'il fuq (upstream) u kemm 'l isfel (downstream) fil-katina, u billi huwa responsabbli għal aktar minn 350 000 impjieg, meta jitqiesu wkoll is-sajd u l-ipproċessar tal-ħut;
E. billi s-settur tas-sajd Ewropew jikkontribwixxi b’mod sinifikanti mhux ħażin għat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa, mhux biss permezz tal-attività ewlenija tiegħu li permezz tagħha huwa r-raba' l-akbar wieħed fid-dinja, fejn jipprovdi 6.4 miljun tunnellata ħut fis-sena, imma wkoll permezz tal-kontribut tiegħu għal varjetà ta’ setturi differenti oħra bħalma huma l-industrija tal-farmaċewtika u dik tal-kosmetiċi, l-isport u t-turiżmu;
F. billi s-settur tas-sajd Ewropew jikkontribwixxi wkoll b’mod sinifikanti għall-preservazzjoni tal-ambjent u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tibdil tal-klima, filwaqt li jixpruna u jsaħħaħ firxa wiesgħa ta’ studji xjentifiċi li japprofondixxu l-għarfien tagħna dwar id-dinamika oċeanografika, l-ekosistemi u l-bijoloġija tal-ispeċijiet akkwatiċi involuti direttament u indirettament fl-attività tas-sajd;
G. billi l-PKS riformata għandha tiggarantixxi s-sostenibilità ambjentali, soċjali u ekonomika tas-settur tas-sajd, kemm fil-baċiri idrografiċi differenti kif ukoll fiż-żoni tal-kosta fejn isseħħ din l-attività, liema għan se jintlaħaq b'mod aktar faċli permezz ta’ mudell ta’ mmaniġġjar deċentralizzat li jġib iċ-ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar qrib iż-żoni tal-attività u li jżid ir-responsabilità tal-partijiet interessati;
1. Itenni li s-sajd huwa attività antika importanti fil-komunitajiet tal-bniedem li dejjem ipprovditilhom proteini ta’ kwalità għolja u nutriment san, li llum il-ġurnata tirrappreżenta valur miżjud ekonomiku u soċjali li jikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-ikel u għall-indipendenza alimentari għall-Unjoni Ewropea; hu tal-fehma, għalhekk, li l-PKR jeħtiġilha tiggarantixxi s-sosteniment tas-sajd, fl-attivitajiet prinċipali tiegħu - l-estrazzjoni, l-ipproċessar u l-ikkummerċjar - fiż-żoni tradizzjonali tiegħu, u fi ħdan il-qafas ta’ bilanċ sostenibbli bejn il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp soċjali u l-profitabilità ekonomika;
2. Ifakkar li, fil-livell ekonomiku, is-settur tas-sajd huwa responsabbli għal valur stmat totali ta’ qabdiet miġjuba l-art ta’ EUR 8 biljun, u EUR 3.2 biljuni oħra mill-produzzjoni tal-akkwakultura, kif ukoll EUR 23 biljun ieħor mill-industrija tal-ipproċessar; u li, fil-livell soċjali, aktar minn 40% taċ-ċittadini Ewropej jgħixu ħdejn il-kosta fejn igawdu mill-multifunzjonalità tal-attività tas-sajd;
3. Jenfasizza li s-settur tas-sajd, u speċjalment l-impriżi tas-sajd ta’ skala żgħira, lil hemm mit-tliet oqsma ta’ attività tradizzjonali tiegħu u l-impatt aktar viżibbli tiegħu fil-livell ekonomiku u soċjali, iwettaq ukoll rwol relevanti f’oqsma differenti oħra, bħalma huma dawk tal-kultura, tar-rikreazzjoni u t-turistiżmu, tax-xjenza, tal-enerġija, tal-ambjent, tal-edukazzjoni; Is-settur tas-sajd għandu dimensjoni multifunzjonali li permezz tagħha jipprovdi lill-komunitajiet varjetà wiesgħa ta’ beni pubbliċi, ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej b’mod ġenerali u mhux biss għal dawk relatati direttament jew indirettament mas-sajd, li għandhom jiġu rikonoxxuti u mgħażża;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-fatt li, fil-livell kulturali, is-settur tas-sajd jipprovdi għażla wiesgħa ta’ benefiċċji li jikkontribwixxu għall-gastronomija, l-etnografija, l-istorja, il-letteratura, il-mużeoloġija, eċċ. L-organizzazzjoni, min-naħa tal-komunitajiet tas-sajd, ta’ purċissjonijiet tal-baħar, tidwiq tal-frott tal-baħar, rappreżentazzjonijiet b’reċtar ta’ modi tradizzjonali ta’ għajxien, wirjiet tematiċi, u festi tas-sajd jew attivitajiet assoċjati oħra, tikkostitwixxi mezz importanti biex jibqa' jinżamm il-wirt kulturali li għandu jiġi ppriservat;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-fatt li, fil-livell rikreazzjonali u turistiku, is-settur tas-sajd joffri ħafna attivitajiet differenti bħalma huma l-“peskaturiżmu”, l-osservazzjoni taċ-ċetaċji u tat-tajr tal-baħar, l-għadis ekoloġiku, eċċ. L-għarfien u l-esperjenza ta' kuljum (know how) li għandhom is-sajjieda fuq il-baħar u r-riżorsi bijoloġiċi tiegħu huma essenzjali biex jiżviluppaw lil dawn l-attivitajiet u oħrajn u b'hekk ikunu qed iġibu valur miżjud li jkun jista’ jinqasam mas-soċjetà b'mod ġenerali;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-fatt li, fil-livell xjentifiku, is-settur tas-sajd jgħin lix-xjenzjati tal-baħar, u oħrajn, fir-riċerka tagħhom billi jikkondividi l-esperjenza tiegħu, jipprovdi tagħrif, jirrapporta dwar annimali li jkunu ġew lamettati kif ukoll dwar speċijiet mhux komuni, jilqagħhom abbord bastimenti li jkunu taħt superviżjoni (attivitajiet ta’ osservatur), jippromwovu s-sajd sentinell, li jiffavorixxuhom biex jiġbru data importanti dwar l-istat tal-istokkijiet u l-imġiba tagħhom (migrazzjoni tal-ħut), imma wkoll dwar varjetà ta’ kwestjonijiet li jvarjaw minn dik tat-tibdil tal-klima (il-kurrenti tal-oċeani) sa dik tat-tniġġis (twissijiet dwar tixrid ta’ żejt);
7. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-fatt li, fil-livell enerġetiku, is-settur tas-sajd jista’ jwettaq irwol importanti billi jippromwovi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jintużaw aktar ’il quddiem f’isem is-soċjetà. L-iżvilupp ta’ muturi ġodda, li jniġġsu anqas u li għandhom livell ta’ konsum aktar baxx huwa eżempju tajjeb ta’ effiċjenza tal-enerġija;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-fatt li, fil-livell ambjentali, is-settur tas-sajd diġà jwettaq irwol notevoli billi jsalvagwardja ż-żoni ġeografiċi bijosensittivi, kif ukoll iż-żoni tal-kosta li huma mfaqas u fejn jitrabba l-ħut li għadu żgħir, kif ukoll fit-tindif tal-ibħra; imma jista’ jwettaq irwol jerġa’ akbar, fil-qafas tal-immaniġġjar deċentralizzat, b’interessi addizzjonali dwar il-ħarsien bijoloġiku tal-istokkijiet tal-ħut u l-preservazzjoni ambjentali tal-baċiri idrografiċi u s-sajd tal-kosta;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-fatt li, fil-livell edukattiv, is-settur tas-sajd jiżviluppa t-tgawdija tal-beraħ, filwaqt li jgħallem ir-rispett għall-baħar, il-ħiliet tan-navigazzjoni u l-mudelli empiriċi tal-orjentament, kif ukoll iwassal il-kreattività tat-tipi ta' arti differenti, u filwaqt li jiffavorixxi wkoll l-apprezzament għall-ħajja tal-ibħra;
10. Jenfasizza li l-immaniġġjar tas-sajd kulma jmur kien qed ikun ibbażat fuq id-data xjentifika li tistimula r-riċerka applikata f’dan il-qasam, filwaqt li tippromwovi l-għarfien u tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġiċi, f’konformità mal-Istrateġija 2020 fil-promozzjoni tat-tkabbir intelliġenti;
11. Jenfasizza li s-settur tas-sajd jiddependi għalkollox mis-saħħa tal-istokkijiet u mill-bilanċ tal-ekosistema, ħalli r-riforma tal-PKS se tiffoka mill-ġdid fuq ha bħala l-għassiesa u l-maniġer tar-riżorsi tal-baħar, filwaqt li timplimenta ekonomija aktar effiċjenti, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva, skont l-Istrateġija 2020 fil-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli;
12. Jenfasizza li l-attività tas-sajd, meta tiġi kkunsidrata fid-dimensjonijiet kollha tagħha (inkluża l-akkwakultura), fl-impatti diretti u indiretti tagħha, kif ukoll il-produzzjoni ta’ beni pubbliċi, tiggarantixxi l-koeżjoni soċjali u territorjali, jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali u d-dinamiżmu soċjali u ekonomiku, skont l-Istrateġija 2020 fil-promozzjoni tat-tkabbir inklussiv;
13. Jiddikjara li l-attivitajiet tas-sajd iwettqu rwol importanti fi ħdan il-kuntest aktar wiesa’ tal-Politika Marittima Integrata u jirrappreżentaw element ewlieni fil-politiki tal-ippjanar tal-ispazju marittimu kif ukoll fi ħdan il-qafas tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-multifunzjonalità tal-attività tas-sajd u l-valur tal-produzzjoni wiesgħa u diversa tagħha ta’ beni komuni, filwaqt li tadotta approċċ olistiku għas-settur, partikolarment fl-isfera tar-riforma tal-PKS, billi twarrab il-perspettivi ta' tnaqqis li mhux biss jagħmlu ħsara lill-benefiċċji diretti u indiretti tas-settur, imma wkoll jinjoraw il-varjetà aktar wiesgħa ta’ benefiċċji li huwa jipproduċi;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra f’qafas ġdid tal-PKS il-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd u l-produzzjoni tiegħu ta’ beni pubbliċi, filwaqt li tikkuntempla “l-iżvilupp tal-kosta” bħala l-parti kumplementari tiegħu (fuq l-istruttura simili u xi ftit mit-terminoloġija użata fil-Politika Agrikola Komuni);
16. Jistieden lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri toħloq il-qafas legali meħtieġ għal attivitajiet li huma kumplementari għall-attivitajiet estrattivi tradizzjonali, il-manifattura u l-ikkummerċjar tal-prodotti tas-sajd mingħajr ebda taxxa jew xi tip ieħor ta’ ħsara għas-sajjieda;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra fi ħdan il-PSK riformata l-kunċett tal-“kundizzjonalità” li diġà qed jiġi utilizzat fil-Politika Agrikola Komuni, u b’hekk tiġi żgurata diskriminazzjoni pożittiva għall-prattiki tas-sajd li jirrispettaw l-ambjent bħalma hu aċċess aħjar għal fondi f’sura ta’ għotjiet;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-proċess kruċjali tar-riforma tal-PKS, tqis kif dovut l-integrazzjoni sħiħa tas-settur tas-sajd fl-Istrateġija 2020 u l-kontribut tiegħu li jirriżulta minn dan għall-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-iżvilupp Ewropew stabbiliti sal-2020, filwaqt li tagħraf il-PKS bħala mutur ta’ żvilupp fil-kuntest tal-Proġett Ewropew tat-Tkabbir, u filwaqt li tiggarantixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tagħha;
19. Jistieden lill-Kummissjoni timplementa l-għanijiet tar-Rio +20 ta’ ekonomija miftuħa, anke fil-ħolqien ta' impjiegi u fil-qerda tal-faqar, filwaqt li tqis kif dovut il-fatt li s-settur tas-sajd, waħdu, u fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata, iwettaq irwol importanti f’din l-implimentazzjoni;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.