MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-USA u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku
9.11.2011
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat, Willy Meyer f’isem il-grupp GUE/NGL
B7‑0583/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-samit li jmiss bejn l-UE u l-USA u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-bidu tas-seklu 21 esperjenza bidla lejn dinja multipolari li għandha bżonn ġestjoni kollettiva ta' problemi komuni f'livell internazzjonali; billi kemm l-UE kif ukoll l-USA jeħtieġu jadattaw ruħhom għal din is-sitwazzjoni billi jieħdu approċċ kooperattiv fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom;
B. billi l-ekonomiji tal-UE u tal-USA flimkien jirrappreżentaw madwar nofs l-ekonomija tad-dinja kollha u billi ż-żewġ ekonomiji għaldaqstant għandhom responsabilità speċjali biex isolvu l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali li qed taffettwa mhux biss l-Ewropa u lill-USA, iżda wkoll l-ekonomija globali u l-iżviluppi politiċi madwar id-dinja;
C. billi fil-kuntest tal-kriżi r-rata tal-qgħad laħqet id-9.1 fil-mija fl-USA u d-9.5 fil-mija fl-UE rispettivament; billi l-qħad fost iż-żgħażagħ laħaq l-24.6 fil-mija (19-il sena u anqas) fl-USA u reċentement qabeż l-20 fil-mija fl-UE (25 sena u anqas) u qabeż ir-rekords reċenti ta’ aktar minn 40 fil-mija fi Spanja u l-Greċja;
D. billi skont l-Uffiċċju tal-Baġit tal-Kungress bejn l-1979 u l-2007 fl-Istati Uniti l-medja reali tal-inflazzjoni aġġustata tad-dħul tal-famijla wara t-taxxa għall-1 fil-mija bl-ogħla dħul żdiedet b’275 fil-mija, filwaqt li għall-għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni bl-anqas dħul iż-żieda matul dawn it-28 sena kienet ta' 18 fil-mija biss; billi fl-Unjoni Ewropea qed jiġi osservat li hemm tendenza simili dejjem tikber, għalkemm anqas eċċessiva, ta’ distribuzzjoni inugwali tal-ġid;
E billi kemm fl-Istati Uniti u fl-Ewropa n-nies jipprotestaw quddiem banek u kumpaniji fil-boroż kbar bħala postijiet simboliċi, kontra l-inugwaljanza soċjali u ekonomika dejjem tikber, il-poter korporattiv u l-influenza fuq il-gvernijiet, partikularment mis-settur tas-swieq finanzjarji; billi n-nies jirrifjutaw li jħallsu l-kont għall-fallimenti fis-settur bankarju;
F. billi kemm l-Istati Uniti u l-UE u l-Istati Membri tagħha mhux qed jilħqu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-kisba tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li fadal biss tliet snin biex jiġi evitat falliment kbir;
G. billi l-gwerra fl-Afganistan għadha għaddejja u dan diġà wassal għal eluf ta' vittmi ċivili u għal distabbilizzazzjoni distastruża tal-pajjiż u tar-reġjun kollu; billi fil-fatt ebda problema ta’ dan il-pajjiż ma ssolviet permezz tal-politika predominantement militari tal-alleanza tan-NATO;
H. billi l-Istati Uniti u n-NATO progressivament qed idgħajfu l-liġi internazzjonali bil-ksur tal-prinċipju tal-integrità territorjali tal-istati terzi u l-prinċipju tan-noninterferenza fil-kwistjonijiet interni ta' pajjiżi oħra, hekk kif juru l-attakki permezz ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ;
I. billi l-Istati Uniti u xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea – minkejja l-impjenji tagħhom lejn is-sejba ta’ soluzzjoni ta' żewġ stati – għadhom jimpedixxu l-Palestina milli ssir membru tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti; billi l-Kwartett għal ħafna snin ma rnexxilux jikkontribwixxi għal sejba ta’ soluzzjoni għall-konflitt fil-Lvant Nofsani;
J. billi minkejja l-ħafna proklamazzjonijiet sar ftit ħafna progress fil-qasam tad-diżarm nukleari; billi minflok ma tinstab kooperazzjoni mar-Russja dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza, l-USA se jinstallaw komponenti unilaterali ta' sistema ta’ difiża mill-missili f’partijiet differenti fl-Ewropa;
K. billi l-amministrazzjoni ta’ Obama ma neħħietx is-sanzjonijiet kontra l-Kuba;
L. billi l-piena tal-mewt għadha teżisti fi 38 stat tal-USA u fil-livell federali;
M. billi fl-hekk imsejħa ġlieda kontra t-terroriżmu s-CIA użat ħabsijiet sigrieti fl-Istati Membri attwali tal-UE għal interrogazzjonijiet illegali filwaqt li ntużat it-tortura qabel ma l-persuni suspettati ttieħdu l-USA, fejn il-każ ta' Abd al-Raim al-Nashiri, li jista' jirċievi l-piena kapitali, huwa ta' eżempju;
1. Jiddikjara s-solidarjetà tiegħu mal-protesti u t-talba tal-parteċipanti fid-dimostrazzjonijiet għal tmiem il-kapitaliżmu fis-suq finanzjarju u għal ridistribuzzjoni radikali tal-ġid; jistieden lill-mexxejja politiċi tal-UE u l-USA biex iġibu fit-tmiem l-injoranza tagħhom rigward il-protesti u sabiex isibu soluzzjonijiet għall-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali attwali, li jissodisfaw l-interessi tan-nies, iġibu fit-tmiem dak li jiddettaw is-swieq finanzjarji u minflok iħabirku għal politika alternattiva lejn l-implimentazzjoni tar-ristrutturazzjoni soċjali u ekoloġika sostenibbli meħtieġ tal-iżvilupp tal-ekonomija globali kif stabbilit fir-rapport Stieglitz tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-gvern tal-USA biex iġib fit-tmiem ir-reżistenza tiegħu għat-taxxa tat-tranżizzjoni finanzjarja globali;
3. Jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi biex jindirizzaw il-kawżi sistemiċi tal-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u sabiex jittieħdu passi sodi lejn regoli għal ‘ordni ekonomika ġdida’; jitlob bidla fl-iffukar tal-politika b'mod li ma tiffokax aktar fuq l-ispekulaturi tal-ippleġjar iżda fuq il-ħolqien ta' impjieg u t-tmiem tal-faqar b'mod globali; jitlob għaldaqstant għal tibdiliet rispettivi fl-aġenda ġejjiena tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) u t-twaqqif ta’ irbit mill-qrib u trasparenti mad-Dominju tal-Ogħla Livell (TLD);
4. Jirrikonoxxi l-Att Amerikan Għall-Impjieg (American Jobs Act) bħala l-ewwel pass għall-bidla fl-iffukar tal-politika lejn il-ħolqien tal-impjieg u jistieden lill-Kummissjoni tal-UE sabiex tiżviluppa l-proposti tagħha għall-politika tal-ħolqien ta’ impjiegi fl-Istati Membri tal-UE li huma milquta mill-kriżi;
5. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur kontinwu tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jeżiġi bidla fil-politika li tibdel l-istrateġiji tal-poter militari tan-NATO; jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi biex jatwaw l-impjenji tagħhom għall-multilateraliżmu, u b'mod partikolari l-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti;
6. Jistieden l-adeżjoni tal-Palestina fil-UNESCO u jikkundanna l-fatt li, b’segwitu għal din id-deċiżjoni, il-miżati tagħha għas-sħubija fl-UNESCO ġew iffriżati mill-USA;
7. Jitlob ir-rikonoxximent immedjat ta' Stat Palestinjan u li l-applikazzjoni għal sħubija fin-Nazzjonijiet Uniti tiġi aċċettata; itenni l-appoġġ bis-sħiħ tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu ma’ ġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jitlob lis-sħab trans-Atlantiċi jaħdmu lejn dan il-għan;
8. Itenni li l-hekk imsejħa glieda kontra t-terroriżmu ma tistax titwettaq bi ksur tal-liġi internazzjonali u a skapitu tal-valuri stabbiliti, bażiċi u komuni, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-Konvenzjonijiet rilevanti ta' Ġinevra;
9. Jikkritika l-Politiki attwali Barranin u tas-Sigurtà kif ukoll il-kooperazzjoni Diplomatika tal-UE u tal-USA, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-istati membri fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Afrika ta' Fuq, partikularment rigward is-Sirja, l-Iran u l-Libja, jitlob għall-orjentazzjoni mill-ġdid li tinkludi l-politiki Kummerċjali u Kulturali, li għandhom ikunu bbażati b'mod strett fuq il-prinċipji tan-non-interferenza u l-integrità territorjali; jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi biex jaħdmu lejn paċi u sigurtà sostenibbli u vijabbli fir-reġjun;
10. Jistieden lill-USA u lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jirtiraw il-militari kollha mill-kontinent Afrikan; jitlob għal sforzi konġunti biex jappoġġjaw lill-gvernijiet Afrikani u l-Unjoni Afrikana fil-ġlieda tagħhom kontra l-faqar u biex jiksbu żvilupp ekonomiku u soċjali; jitlob għal kumpens finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni Afrikana b’segwitu tal-waqfien ħesrem tal-ħlas mill-Libja, kontributur finanzjarju ewlieni tal-UA, minħabba l-intervent tan-NATO;
11. Ifakkar il-wegħdiet tal-President Obama rigward id-diżarm nukleari; iħeġġeġ lill-UE u lill-USA sabiex ifittxu li jiżguraw it-tkomplija tal-kontroll innegozjat tal-armi u d-diżarm fuq livell multilaterali fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti; itenni l-appell tiegħu sabiex l-USA:
Ø ma jorbtux id-diżarm nukleari mal-proġett żejjed tal-USA/NATO ta' difiża missilistika għall-Ewropa;
Ø ma jikkompensawx il-miżuri ta' diżarm nukleari b'armi konvenzjonali,
Ø iwaqqfu l-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ armi nukleari għall-użu fil-kamp tal-battalja;
Ø tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari;
Ø jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u l-Qerda tagħhom;
Ø jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster;
Ø ma jibqgħux jirreżistu l-Protokoll dwar il-Konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi Tossiċi u Bijoloġiċi;
Ø jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reġim tat-Trattat tan-Non-Proliferazzjoni (NPT) billi jiġu implimentati b’mod strett l-obbligi kollha tal-NPT, partikolarment l-Artikolu 2;
Ø jagħtu spinta ġdida rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u t-tisħiħ tal-organizzazzjoni tagħha;
12. Jistieden lill-Istati Uniti jneħħu l-imblokk kontra l-Kuba, jagħtu l-libertà lill-4 ċittadini Kubani miżmuma fil-ħabsijiet tal-USA, iħalluhom imorru lura lejn il-Kuba, inkluż Rene Gonzalez, li ġie lliberat aktar kmieni iżda mġiegħel jibqa’ fi Florida, u sabiex jagħlqu l-bażi militari f’Guantanamo;
13. Jistieden lill-Istati Uniti u lill-Unjoni Ewropea jibdlu l-politika u r-relazzjoni kummerċjali tagħhom partikolarment mal-Amerika Latina, li tinkludi t-tmiem tal-prattika tagħhom li jikkonkludu ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali biss u mhux reċiproċi u biex minflok jibdew era ġdida ta' relazzjonijiet kummerċjali u politiċi bbażati fuq is-sħubija, ir-rispett reċiproku u l-kooperazzjoni intra-reġjonali msaħħa fl-appoġġ tal-gvernijiet Latini Amerikani fil-ħidma tagħhom għall-iżvilupp soċjali, ekoloġiku u ekonomiku u fil-progress tad-drittijiet soċjali u individwali tal-bniedem, kif ukoll sabiex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-kriminalità relatata mad-droga, minħabba li l-USA u l-UE huma s-swieq ewlenin tad-droga u tal-forniment tal-armi;
14. Jirrifjuta l-programm aggressiv tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aċċess għas-suq u jitlob partikolarment lill-Istati Uniti biex iġibu fit-tmiem l-imblokk biex jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett favur l-LCD fil-konferenza ministerjali li jmiss tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);
15. Jistieden lill-Istati Uniti sabiex jirratifikaw l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC);
16. Jitlob għal darb'oħra li l-Istati Uniti jabolixxu l-piena tal-mewt fil-livelli federali u statali;
17. Jinnota l-bidu tan-negozjati f’Marzu 2011 dwar il-ftehim bejn l-UE u l-USA rigward il-protezzjoni tad-data personali; ifakkar il-pożizzjoni tiegħu mir-Riżoluzzjoni tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-Samit li jmiss tal-2010 bejn l-UE u l-USA dwar dan il-ftehim u jenfasizza li tali ftehim ta’ qafas għandu jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jistabbilixxu standards vinkolanti u infurzati dwar il-protezzjoni tad-data u jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw applikazzjoni effettiva fil-prattika ta' dawn l-istandards;
18. Itenni r-rifjut tiegħu tal-iskambju ta' ammonti kbar ta' data f'daqqa u l-iskambju tad-data tal-passiġieri mal-Istati Uniti u mal-pajjiżi terzi kollha inġenerali fl-hekk imsejħa ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jkun infurmat b’mod sħiħ fuq bażi reċiproka mal-awtoritajiet tal-USA dwar l-iżviluppi kollha rigward l-iskambju internazzjonali tad-data;
19. Huwa tal-fehma li t-tibdil fil-klima, il-produzzjoni tal-enerġija alternattiva u l-effiċjenza tal-enerġija għandhom isiru prijoritajiet fuq l-aġenda tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jikkoopera fuq miżuri għall-konservazzjoni tal-enerġija li jittieħdu biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jitlob għal kooperazzjoni regolatorja aktar mill-qrib fil-qasam tal-istandards tal-effiċjenza tal-enerġija għall-prodotti;
20. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jestendi l-kooperazzjoni li għandha l-għan tikseb standards komuni fl-elettromobilità għall-produtturi oħra u sabiex tuża din l-opportunità storika biex finalment isiru kondizzjonijiet ta' kummerċ ġust għall-fornituri rispettivi tal-materja prima bħal pereżempju l-Bolivia, minflok isir sforz biex issir kompetizzjoni ħarxa u qalila għal materja prima a skapitu tal-foqra;
21. Jenfasizza li s-Samit Rio+20 jirrappreżenta opportunità kruċjali biex jissaħħaħ l-impenn politiku għal żvilupp sostenibbli fil-livell globali u s-sħubijiet bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-konklużjoni ta’ ftehim vinkolanti legali internazzjonali li huwa konsistenti mal-prinċipji ta’ “responsabilità komuni iżda ddifferenzjata” għandu jibqa' l-għan ġenerali tal-konferenza ta' Durban; jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi jaħdmu għal ftehim internazzjonali post-2012 li huwa legalment vinkolanti li jilħaq l-għan ta’ 2ºC; jitlob fid-dawl ta' tkabbir rekord ta' aktar minn 6 fil-mija fl-emissjonijiet tas-CO2 fl-2010 għal żieda rapida fit-trasferiment ta' teknoloġija nadifa mill-UE u l-USA għaċ-Ċina u l-Indja;
22. Huwa tal-fehma li, l-intensifikazzjoni tad-djalogu politiku parlamentari bejn l-UE u l-USA hija meħtieġa u importanti; jinsisti li dan id-djalogu jiżviluppa b’mod miftuħ u trasparenti; jistieden lill-UE u lill-amministrazzjoni u l-parlamenti tal-USA jagħtu aktar attenzjoni lir-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża konsultazzjoni regolari mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;
23. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżbilanċi fid-djalogu leġiżlattiv mal-Istati Uniti u l-impatt tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li l-ħidma fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) u fid-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi għandha tkun trasparenti u b’responsabilità diretta;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.