Proċedura : 2011/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0608/2011

Testi mressqa :

B7-0608/2011

Dibattiti :

PV 16/11/2011 - 15
CRE 16/11/2011 - 15

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0513

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 59k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0608/2011
15.11.2011
PE472.820v01-00
 
B7-0608/2011

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0648/2011

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali


Arlene McCarthy f’isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali  
B7‑0608/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-30 ta’ Settembru 2011 lill-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali (O-000226/2011 – B7-0648/2011),

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 167 tat-TFUE,

 

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud,

 

–        wara li kkunsidra Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi,

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu: Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv,

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar aġenda diġitali għall-ġejjieni,

 

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Futur tal-VAT,

 

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT,

 

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar in-Newtralità tal-VAT,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A. billi l-istrateġija UE 2020 tinkludi fiha l-inizjattiva ewlenija li jinħoloq suq uniku diġitali;

B.  billi s-suq uniku diġitali tal-UE għadu frammentat u dan huwa dovut parzjalment għas-sistema fiskali tal-UE u b’mod partikolari għat-taxxi fuq il-konsum li japplikaw għall-prodotti u s-servizzi;

C. billi l-kriżi ekonomika għamlet ħsara kbira lill-opportunitajiet tat-tkabbir ekonomiku u l-ekonomija diġitali għandha l-potenzjal li tagħti kontribut sinifikanti lill-prosperità tal-Ewropa fis-snin li ġejjin;

D. billi l-Unjoni Ewropea trid twettaq il-potenzjal tas-suq uniku billi tiffaċilita l-kummerċ onlajn u transkonfinali bejn l-Istati Membri;

E.  billi l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tirrefletti dwar il-ġejjieni tal-VAT u għandha titqies l-Istrateġija UE 2020;

1.  Jindika li l-qafas legali attwali u b’mod partikolari l-Anness 3 tad-Direttiva 2006/112/KE hi ostakolu għall-iżvilupp tas-servizzi diġitali ġodda u għaldaqstant, hija inkonsistenti mal-għanijiet stipulati fl-aġenda diġitali;

2.  Iqis li r-rati tal-VAT applikabbli għall-kotba huma eżempju tan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali; filwaqt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ VAT imnaqqsa għall-provvista tal-kotba fuq il-mezzi fiżiċi kollha, il-kotba elettroniċi huma suġġetti għal rata standard ta’ mill-inqas 15 fil-mija; din id-diskriminazzjoni mhix sostenibbli meta nqisu t-tkabbir potenzjali ta’ din il-parti tas-suq;

3.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea trid tkun ambizzjuża u tmur lil hinn mir-rimedju tal-inkonsistenzi tal-qafas legali attwali; it-tħeġġiġ lill-kumpaniji biex jiżviluppaw u joffru servizzi onlajn ġodda pan-Ewropej għandu jkun prijorità fir-rieżami tar-regoli tal-VAT;

4.  Ifakkar l-eżempju tal-“Internet Tax Freedom Act” fl-Istati Uniti li daħal fis-seħħ fl-1998 u baqa' jiġi estiż s'issa; dan l-Att, li jipprojbixxi lill-gvernijiet federali u lokali milli japplikaw xi rata tat-taxxa diskriminatorja fuq il-bejgħ għall-bejgħ onlajn, kellha impatt sinifikanti fuq il-kummerċ elettroniku u tat kontribut lit-twaqqif ta' kumpaniji li jiddominaw is-suq globalment;

5.  Jindika, madankollu, li l-Unjoni Ewropea għandha tfassal soluzzjonijiet adatti għall-ħtiġijiet tagħha; għall-iżvilupp ta’ suq uniku ġenwin, il-liġi tal-Unjoni Ewropea tista’ tippermetti li l-Istati Membri japplikaw, fuq bażi temporanja, rata ta’ VAT imnaqqsa għal servizzi ta’ kontenut kulturali pprovduti elettronikament;

6.  Din il-kategorija ġdida, li tkun inkluża fl-Anness 3 attwali tad-Direttiva 2006/112/KE, tista’ tkopri l-forniment ta’ servizzi onlajn, bħal televiżjoni, mużika, kotba jew gazzetti, minn fornitur stabbilit fl-UE lil kwalunkwe persuna li wkoll tkun stabbilita fl-UE;

7.  L-applikazzjoni ta’ rata tal-VAT imnaqqsa għal kontenut kulturali onlajn bla dubju se tagħti spinta lill-ħolqien, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-UE fil-pjattaformi kollha tal-kontenut diġitali;

8.  Ifakkar il-prinċipji tal-OECD dwar it-tassazzjoni tal-kummerċ elettroniku li ntlaħaq ftehim dwaru fil-konferenza ta’ Ottawa fl-1998; dawn il-prinċipji jistabbilixxu li r-regoli għal taxxi fuq il-konsum, bħall-VAT, għandhom iwasslu għal tassazzjoni fil-ġurisdizzjoni fejn isir il-konsum; skont id-Direttiva 2008/8/KE, il-prinċipji tal-OECD se japplikaw għall-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2015;

9.  Iqis li rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-VAT li toffri aktar flessibilità lill-Istati Membri dwar rati ta’ VAT imnaqqsa għandu jimxi id f’id mal-applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2008/8/KE; jindika, madankollu, li biex l-Istati Membri kollha jibbenefikaw indaqs mis-suq uniku diġitali, il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru li l-konsumatur jappartjeni għalih għandu japplika mill-aktar fis possibbli;

10. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità ta' rieżami tad-Direttiva 2008/8/KE biex tipprevedi li l-VAT titħallas fl-Istat Membru tal-konsumatur, qabel l-1 ta’ Jannar 2015;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza