Proċedura : 2011/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0609/2011

Testi mressqa :

B7-0609/2011

Dibattiti :

PV 16/11/2011 - 15
CRE 16/11/2011 - 15

Votazzjonijiet :

PV 17/11/2011 - 6.7

Testi adottati :

P7_TA(2011)0513

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 122kWORD 57k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0608/2011
14.11.2011
PE472.821v01-00
 
B7-0609/2011

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0648/2011

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali


Diana Wallis, Jürgen Creutzmann, Olle Schmidt, Cecilia Wikström, Jens Rohde, Alexandra Thein, Marietje Schaake, Louis Michel, Hannu Takkula, Adina-Ioana Vălean, Theodoros Skylakakis, Alexander Alvaro, Sharon Bowles, Toine Manders, Cristian Silviu Buşoi f’isem il-Grupp ALDE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali  
B7‑0609/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 167 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud,

–   wara li kkunsidra Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu: Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar aġenda diġitali għall-ġejjieni,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Futur tal-VAT,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar in-Newtralità tal-VAT,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-istrateġija UE 2020 tinkludi fiha l-inizjattiva ewlenija li jinħoloq suq uniku diġitali;

B.  billi s-suq uniku diġitali tal-UE għadu frammentat u dan huwa dovut parzjalment għat-taxxi fuq il-konsum li japplikaw għall-prodotti u s-servizzi;

C.  billi l-kriżi ekonomika għamlet ħsara kbira lill-opportunitajiet tat-tkabbir ekonomiku u l-ekonomija diġitali għandha l-potenzjal li tagħti kontribut sinifikanti lill-prosperità tal-Ewropa fis-snin li ġejjin;

D.  billi l-Unjoni Ewropea trid twettaq il-potenzjal tas-suq uniku billi tiffaċilita l-kummerċ onlajn u transkonfinali bejn l-Istati Membri;

E.  billi l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tirrifletti dwar il-ġejjieni tal-VAT u għandha titqies l-Istrateġija UE 2020;

1.  Jindika li l-qafas legali attwali u b’mod partikolari l-Anness 3 tad-Direttiva 2006/112/KE hu ostakolu għall-iżvilupp tas-servizzi diġitali ġodda u għaldaqstant, huwa inkonsistenti mal-għanijiet stipulati fl-aġenda diġitali;

2.  Iqis li r-rati tal-VAT applikabbli għall-kotba huma eżempju tan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali; filwaqt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ VAT imnaqqsa għall-provvista tal-kotba fuq il-mezzi fiżiċi kollha, il-kotba elettroniċi huma suġġetti għal rata standard ta’ 15 fil-mija; din id-diskriminazzjoni mhix sostenibbli meta nqisu t-tkabbir potenzjali ta’ din il-parti tas-suq;

3.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea trid tkun ambizzjuża u tmur lil hinn mir-rimedju tal-inkonsistenzi tal-qafas legali attwali; it-tħeġġiġ lill-kumpaniji biex jiżviluppaw u joffru servizzi onlajn ġodda pan-Ewropej għandu jkun prijorità fir-rieżami tar-regoli tal-VAT;

4.  Jindika, madankollu, li l-Unjoni Ewropea għandha toħloq soluzzjonijiet adatti għall-ħtiġijiet tagħha; għall-iżvilupp ta’ suq uniku ġenwin, il-liġi tal-Unjoni Ewropea tista’ tippermetti lill-Istati Membri japplikaw, fuq bażi temporanja, rata ta’ VAT imnaqqsa għal servizzi ta’ kontenut kulturali pprovduti elettronikament;

5.  Din il-kategorija ġdida, li tkun inkluża fl-Anness 3 attwali tad-Direttiva 2006/112/KE, tista’ tkopri l-forniment ta’ servizzi onlajn, bħal televiżjoni, mużika, kotba, gazzetti u magazines, minn fornitur stabbilit fl-UE lil kwalunkwe konsumatur li wkoll ikun stabbilit fl-UE;

6.  It-tqassim diġitali ta' kontenut kulturali, ġurnalistiku u kreattiv jippermetti lil awturi u lil min jipprovdi l-kontenut li jilħqu udjenzi ġodda u usa'. L-Ewropa għandha tagħti spinta lill-ħolqien, produzzjoni u tqassim (fuq il-pjattaformi kollha) ta' kontenut diġitali u l-applikazzjoni ta' rata ta' VAT imnaqqsa għal kontenut kulturali onlajn żgur tista' żżid it-tkabbir;

7.  Ifakkar il-prinċipji tal-OECD dwar it-tassazzjoni tal-kummerċ elettroniku li dwaru sar qbil fil-konferenza ta’ Ottawa fl-1998; dawn il-prinċipji jistabbilixxu li r-regoli għal taxxi fuq il-konsum, bħall-VAT, għandhom iwasslu għal tassazzjoni fil-ġurisdizzjoni fejn isir il-konsum; skont id-Direttiva 2008/8/KE, il-prinċipji tal-OECD se japplikaw għall-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2015;

8.  Iqis li rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-VAT li toffri aktar flessibilità lill-Istati Membri dwar rati ta’ VAT imnaqqsa għandu jimxi id f’id mal-applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2008/8/KE; jindika, madankollu, li biex l-Istati Membri kollha jibbenefikaw indaqs mis-suq uniku diġitali, il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru fejn ikun sar il-konsum għandu japplika mill-aktar fis possibbli;

9.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibilità ta' rieżami tad-Direttiva 2008/8/KE biex tipprevedi li l-VAT titħallas fl-Istat Membru fejn ikun sar il-konsum, qabel l-1 ta’ Jannar 2015;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza