MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali
15.11.2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Cornelis de Jong, Marie-Christine Vergiat f’isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0611/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-prodotti kulturali kollha, fi kwalunkwe format, huma prodotti pubbliċi b'esternalitajiet qawwija li mhumiex biss ekonomiċi iżda wkoll soċjali u li, għalhekk, għandhom ikunu aċċessibbli għal kull persuna li tgħix fl-Unjoni Ewropea;
B. billi t-termini attwali tal-Anness 3 tad-Direttiva 2006/112/KE jikkostitwixxu ostakolu għall-aċċess għal prodotti kulturali lil kull persuna li tgħix fl-UE;;
C. billi skont il-qafas legali attwali, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ VAT imnaqqsa pereżempju għall-provvista tal-kotba fuq il-mezzi fiżiċi kollha, filwaqt li l-kotba elettroniċi huma suġġetti għal rata standard tal-VAT ta’ mill-inqas 15 fil-mija;
D. billi studju indipendenti mitlub mid-DĠ TAXUD jappoġġa din l-idea peress li wera l-importanza li r-rata tal-VAT imnaqqsa tiġi estiża għall-prodotti u s-setturi kulturali fejn mhemmx biżżejjed konsum;
1. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iressqu politika ta' tassazzjoni tal-VAT koerenti u favorevoli għall-prodotti kulturali, irrispettivament minn jekk il-format ikunx fiżiku u/jew diġitali; jenfasizza li l-kontenut fi kwalunkwe format jipprovdi l-istess benefiċċji kulturali u edukattivi għall-konsumaturi;
2. Jenfasizza li huwa essenzjali li l-Istati Membri jitħallew japplikaw rata tal-VAT imnaqqsa għall-prodotti u s-servizzi kulturali kollha, indipendentement mill-mod ta' kif jitwasslu u b'mod partikolari fl-ambjent onlajn;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE biex tressaq mingħajr dewmien miżuri li jimmodernizzaw il-politika tat-taxxi tal-UE, u jagħmluha adegwata għall-ambjent diġitali;
4. Iqis li huwa inaċċettabbli li japplikaw rati tal-VAT differenti għall-istess biċċa mużika, film jew kwalunkwe opra oħra protetta skont jekk dawn jinbigħux onlajn jew fis-suq tradizzjonali offlajn;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.