Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0691/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0691/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (2011/2949(RSP))

12.12.2011

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0671/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Isabella Lövin, Raül Romeva i Rueda, François Alfonsi f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0691/2011

Proċedura : 2011/2949(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0691/2011
Testi mressqa :
B7-0691/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0691/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (2011/2949(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006[1]),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll attwali li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (0000/2011),

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni paragrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0000/2011),

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A7-0000/2011 u A7-0000/2011),

–   wara li kkunsidra l-valutazzjoni ex post esterna tal-protokoll preċedenti għall-ftehim li kien fis-seħħ mill-2007 sa matul l-2011,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni Legali rigward il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk mis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew (SJ-0269/09, D(2009)37828) tal-14 ta’ Lulju 2009,

–   wara li kkunsidra r-Regoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont ir-rapport estern ta’ valutazzjoni ex post imwettaq f’isem il-Kummissjoni Ewropea l-Protokoll preċedenti ma kienx sodisfaċenti b’mod evidenti; billi kellu l-aktar proporzjon kost-benefiċċju baxx minn kull ftehim bilaterali tal-UE, kattar is-sajd ta’ stokkijiet ta’ ħut diġà skarsi u naqas milli jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd fil-Marokk;

B.  billi barra minn hekk il-protokoll preċedenti u l-protokoll attwali jipprovdu għal opportunitajiet ta’ sajd għall-bastimenti tal-UE f’ilmijiet lil hinn mit-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent, sitwazzjoni li għadd ta’ esperti legali prinċipali, kif ukoll is-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, ikkonkludew li hija kontra l-liġi internazzjonali, ladarba ebda pajjiż ma rrikonoxxa l-pretensjoni tal-Marokk fuq dan it-territorju, u ma nstabet ebda prova li turi li l-ftehim dwar is-sajd huwa skont ix-xewqat jew il-benefiċċji tan-nies tas-Saħara tal-Punent;

C. billi l-opinjoni legali tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew tinnota li jekk ‘id-drittijiet’ “tal-poplu tas-Sahara skont il-liġi internazzjonali' ma jiġux rispettati, 'il-Komunità għandha tipprevedi jew is-sospensjoni tal-ftehim b’konformità mal-Artikolu 15 u l-Artikolu 9 tal-Protokoll tiegħu, jew tapplika l-ftehim b’tali mod li l-bastimenti b’bandiera tal-UE jkunu esklużi mill-isfruttar tal-ilmijiet tas-Saħara tal-Punent’;

D. billi l-Komunità ma għandhiex tqiegħed lilha nnifisha deliberatament f’pożizzjoni fejn tista’ tittella' quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għal ksur tal-liġi internazzjonali;

E.  billi kull Protokoll futur li għandu jiġi nnegozjat mill-Kummissjoni jrid isolvi l-problemi serji identifikati bil-protokolli preċedenti u attwali;

1.  Jinsisti li kull Protokoll futur irid jeskludi espliċitament l-ilmijiet lil hinn mit-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent, jiġifieri jkun limitat għal ilmijiet fit-Tramunatana ta’ 27o 40’ N;

2.  Jinsisti li kull Protokoll futur irid ikun limitat għal dawk l-istokkijiet ta’ ħut jew speċi tal-baħar oħra li għalihom teżisti prova xjentifika li hemm iżżejjed lil hinn mill-abilità ta’ qbid tal-flotta tal-Marokk kif meħtieġ skont il-Liġi tal-Baħar tan-NU;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull Protokoll futur jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sistema tal-ġestjoni tas-sajd tal-Marokk, inkluż il-kontroll u s-sorveljanza, ir-riċerka xjentifika, l-iżvilupp tal-flotot lokali, it-taħriġ, eċċ.);

4.  Huwa mħasseb li l-qagħda attwali tal-istokkijiet tal-ħut u ta’ riżorsi tal-baħar oħra fl-ilmijiet tal-Marokk tista' tkun tant ħażina, kif indikat mill-valutazzjoni ex post, li l-ebda protokoll mhu se jkun possibbli għall-perjodu li jibda mit-28 ta’ Frar 2012 jekk il-kundizzjoni tal-isfruttament limitat tal-istokkijiet żejda għandha tiġi rrispettata;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Marokk u lill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku.