Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0693/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0693/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit UE-Russja (2011/2948(RSP))

12.12.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Werner Schulz, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Tarja Cronberg, Raül Romeva i Rueda, Indrek Tarand, Rui Tavares, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2011

Proċedura : 2011/2948(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0693/2011
Testi mressqa :
B7-0693/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0693/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Russja (2011/2948(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b’mod partikolari dik dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011, dik dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta’ Diċembru 2011 tad-Duma tal-Istat Russu tas-7 ta’ Lulju 2011 u dik dwar l-istat tad-dritt fir-Russja tas-17 ta’ Frar 2011,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid minfloku,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għadhom għaddejjin u li bdew fl-2008 għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,

–   wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja u b'mod partikolari l-aħħar laqgħa li saret fi Brussell fid-29 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1728 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta’ April 2010 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri CM/Rec(2010)5 tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar miżuri sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet mogħtija fl-għeluq tal-14-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u r-Russja, li saret fid-19 u l-20 ta' Settembru 2011 f’Varsavja,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja li saret f’Varsavja fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-ftehim riċenti milħuq mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russja jwitti t-triq għall-adeżjoni tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jneħħi l-ostakolu ewlieni għall-approfondiment tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja; billi minkejja l-interdipendenza kummerċjali u ekonomika dejjem tikber, ir-relazzjonijiet politiċi mhux mexjin ’il quddiem minħabba n-nuqqas ta’ fehim u fiduċja rigward kwistjonijiet fundamentali li żammew lill-partijiet milli jibnu sħubija strateġika ġenwina;

B.  billi kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien bejn l-UE u r-Russja huma kruċjali għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa; billi l-iżvilupp ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jista' jinbena biss fuq valuri komuni kondiviżi; billi huwa importanti ħafna li tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali bejn iż-żewġ sħab fl-istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u fora kollha bil-għan li tittejjeb il-governanza globali u jiġu indirizzati sfidi komuni;

C. billi fis-27 ta’ Novembru, il-kungress tal-partit Russja Magħquda approva formalment il-kandidatura tal-ex president Putin għall-elezzjonijiet presidenzjali ppjanati għal Marzu 2012; billi matul id-diskors tiegħu il-prim ministru attwali Putin wissa lill-pajjiżi tal-Punent biex ma jindaħlux fl-elezzjonijiet Russi u biex jieqfu jagħtu appoġġ finanzjarju lill-NGOs u lil dawk li jikkritikaw lill-Kremlin;

D. billi tqajmu dubji serji dwar kemm kienu ġusti l-elezzjonijiet li saru fl-4 ta’ Diċembru, peress li wħud mill-kundizzjonijiet bażiċi għall-iżvolġiment tal-elezzjonijiet, bħad-dibattitu pubbliku, midja ħielsa u kundizzjonijiet ugwali għall-forzi politiċi kollha fil-pajjiż, ma ġewx irrispettati, u barra minn hekk ġew irreġistrati ostakoli serji fir-rigward tan-nomina ta’ delegati u r-reġistrazzjoni tal-partiti, kif ukoll nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs b’rabta mal-kampanja elettorali;

E.  billi fl-1 ta’ Diċembru 2011 l-Uffiċċju tal-Prosekutur f’Moska fetaħ kawża amministrattiva u ta multa lill-Assoċjazzjoni Golos, il-grupp ta' osservazzjoni elettorali Russu li għandu l-aktar esperjenza, filwaqt li akkuża lill-organizzazzjoni li kienet kisret il-liġijiet elettorali billi stabbiliet websajt għar-reġistrazzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet elettorali;

F.  billi fir-rigward tal-ġurnata tal-elezzjoni, l-OSCE/ODIHR qalet li “il-kwalità tal-proċess mar għall-agħar konsiderevolment matul l-għadd tal-voti, li kien ikkaratterizzat minn vjolazzjonijiet proċedurali frekwenti u każijiet ta’ dak li deher li kienet manipulazzjoni, inklużi bosta indikazzjonijiet serji ta’ tfigħ ta’ voti żejda”; billi l-pulizija arrestat mijiet ta’ attivisti tal-oppożizzjoni li ppruvaw jorganizzaw manifestazzjonijiet fl-4 ta’ Diċembru u fil-jiem ta’ wara f’Moska, f’San Pietruburgu u fi bliet oħra Russi biex jipprotestaw kontra l-mod ta’ kif saru l-elezzjonijiet;

G. billi fl-10 ta’ Diċembru mill-inqas 50 000 persuna nġabru fi pjazza Bolotnaya f’Moska fl-akbar protesta mill-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika 'l hawn, fejn talbu t-tħassir tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-4 ta’ Diċembru, elezzjonijiet ġodda, ir-riżenja tal-kap tal-kummissjoni elettorali Vladimir Churov, investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ tbagħbis tal-votazzjoni u l-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ġew arrestati; billi seħħew dimostrazzjonjiet simili fi bliet oħra Russi;

H. billi f’Ġunju 2010 l-UE u r-Russja adottaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet tas-Sħubija l-ġdida għall-Modernizzazzjoni bl-għan li jimmodernizzaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet taż-żewġ partijiet; billi, f’dan ir-rigward, il-partijiet tal-pjan ta' ħidma li jinkludu proposti u proġetti konkreti għal kooperazzjoni u assistenza fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt ftit li xejn kellhom segwitu sostanzjali;

I.   billi l-enerġija għadha strument ewlieni tal-politika barranija Russa u għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u bbażat fuq il-valuri fir-rigward tar-Russja; billi l-kompetizzjoni bejn l-UE u r-Russja fi kwistjonijiet ta’ enerġija qed tiżdied f’żoni ta’ interess komuni bħan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-Asja Ċentrali; billi huwa importanti ħafna li l-UE titkellem b’vuċi waħda u turi solidarjetà interna qawwija;

J.   billi bosta oqsma ta’ kooperazzjoni b’benefiċċji reċiproċi fil-qasam tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja bħalissa qed jiġu traskurati, bħal pereżempju fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika jew ir-riċerka f’teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli;

K. billi l-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda fir-Russja għadhom mhedda u l-inizjattivi u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, tal-avversarji politiċi, tal-midja indipendenti u taċ-ċittadini ordinarji ta’ spiss jiġu ristretti jew ostakolati u jikkawżaw tħassib partikolari fir-rigward tat-Tramuntana tal-Kawkasu u f'partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa;

L.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE dwar dan is-suġġett tal-21 ta’ Ottubru 2010 talbet lill-Kunsill tal-UE jikkunsidra projbizzjoni fuq id-dħul ta' dawk l-uffiċjali Russi involuti fil-mewt ta' Sergey Magnitsky, u l-iffriżar tal-beni tagħhom;

M. billi, bħala membru tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha li tirrispetta l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda;

N. billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-viċinat komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi għandu jiżviluppa djalogu miftuħ, liberu u orjentat lejn ir-riżultati dwar il-kriżijiet f'dawn il-pajjiżi rigward, b'mod partikolari, il-kunflitti ffriżati bl-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità, tiġi appoġġata l-integrità territorjali tal-pajjiżi kkonċernati u jiġu żviluppati mekkaniżmi konġunti għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

O. billi s-sigurtà fl-Ewropa għadha kwistjoni sensittiva ħafna u li tifred sew lin-nies u l-UE u r-Russja m'għandhom iżommu lura minn ebda sforz biex jegħlbu d-differenzi eżistenti u l-opinjonijiet diverġenti u biex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni f'dan il-qasam;

1.  Huwa tal-fehma li s-samit ta’ Brussell jista’ joħloq il-momentum għal titjib sostanzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li jikkorrispondi għall-ambizzjonijiet taż-żewġ naħat bil-kundizzjoni biss li l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi jiġu rispettati għalkollox u jitqiegħdu fiċ-ċentru ta’ dawn ir-relazzjonijiet; jenfasizza li l-ftehim il-ġdid li qiegħed jiġi nnegozjat bħalissa mill-partijiet għandu jkun jorbot legalment u għandu jinkludi b'mod komprensiv l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet; itenni l-fehma tiegħu li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti integrali minn dan il-ftehim, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawsola effikaċi u operattiva tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jikkundanna r-ripressjoni mill-pulizija ta’ dimostranti paċifiċi li kienu qed jipprotestaw kontra l-irregolaritajiet u l-frodi elettorali rrappurtati minn osservaturi internazzjonali u dokumentati b’vidjows irrekordjati minn ċittadini ordinarji; jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw għalkollox il-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-kelma u jindirizzaw bir-reqqa l-każijiet kollha ta’ abbużi elettorali bil-ħsieb li fejn seħħew irregolaritajiet, l-uffiċjali involuti jiġu kkastigati u l-votazzjoni terġa’ ssir ; jitlob il-ħelsien immedjat tad-dimostranti kollha;

3.  Jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-President tal-Kummissjoni, lill-VPu lill-presidenza tal-UE jqajmu b’mod sod il-kwistjoni tal-elezzjonijiet tal-4 ta' Diċembru waqt is-samit, filwaqt li jħeġġu lir-Russja tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha li ġejjin, b’mod partikolari, mis-sħubija tar-Russja fil-Kunsill tal-Ewropa u fl-OSCE; Jitlob li jsir rieżami approfondit tal-proċess elettorali bil-ħsieb li titwitta t-triq għal elezzjonijiet presidenzjali ġenwinament ħielsa u ġusti f’Marzu 2012;

4.  Jirrimarka li l-isfidi komuni li qed jaffaċċjaw kemm l-UE kif ukoll ir-Russja, bħall-kriżi ekonomika u finanzjarja, istituzzjonijiet multilaterali effikaċi, kwistjonijiet relatati mal-enerġija u mas-sigurtà tal-enerġija, it-tranżizzjoni demokratika fid-dinja Għarbija u l-kunflitti ffriżati fil-viċinat komuni jirrikjedu kooperazzjoni komuni msaħħa u kollaborazzjoni aħjar fil-ġestjoni tal-kriżijiet; jistieden lir-Russja, f’dan ir-rigward, sabiex tirratifika l-istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

5.  Huwa tal-opinjoni li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni ma tistax tiġi limitata għal kooperazzjoni ekonomika u innovazzjoni teknoloġika iżda għandha tkun akkumpanjata minn proċess ambizzjuż ta’ riformi domestiċi li jinkludu l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u sistema legali affidabbli, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-iżvilupp mingħajr xkiel ta’ soċjetà ċivili ġenwina; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu jiddefinixxu l-passi meħtieġa li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

6.  Jirrimarka li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja għandu jkun parteċipant ewlieni sabiex is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni tingħata spinta fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-istat tad-dritt u jilqa’ bi pjaċir, f’dan ir-rigward, l-ispirtu kostruttiv u l-atmosfera ta’ ħidma fis-samit f’Varsavja u r-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati;

7.  Jenfasizza li bħalissa r-relazzjonijiet mar-Russja jistgħu biss ikunu ta’ natura prammatika; jilqa’ l-ftehim milħuq bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa dwar l-adeżjoni tar-Russja għad-WTO u jistenna li s-sħubija futura tar-Russja f’din l-organizzazzjoni tħaffef it-taħditiet dwar il-ftehim ta’ sħubija ġdid;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-finalizzazzjoni tal-lista ta’ Passi Komuni lejn vjaġġar ta’ żmien qasir bla viża għaċ-ċittadini Russi u tal-UE, u jittama li l-implimentazzjoni tagħhom twitti t-triq għan-negozjar ta’ ftehim dwar ir-rinunzja tal-viża; jirrimarka, minkejja dan, li l-faċilitazzjoni tal-viżi u l-liberalizzazzjoni tal-viżi mal-Federazzjoni Russa m'għandhom bl-ebda mod jipprivileġġaw id-detenturi ta' passaporti Russi li jgħixu f'reġjuni ta' kunflitti ffriżati b'detriment għaċ-ċittadini tal-Moldova u tal-Ġeorġja;

9.  Jirrimarka li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u b'mod partikolari d-Djalogu tal-Enerġija jirrappreżentaw wieħed mill-elementi fundamentali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili bi qbil mal-objettivi tagħha; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza, trasparenza u r-rispett tal-liġijiet tal-UE għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura, l-investiment u qafas ġuridiku affidabbli; jantiċipa b'ħerqa d-definizzjoni ta' pjan direzzjonali fit-tul bl-għan li jiddiskuti r-rwol tar-riżorsi tal-enerġija Russi għat-taħlita enerġetika tal-UE sal-2050;

10. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness miegħu jiġu inklużi fi Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-UE u r-Russja;

11. Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u tar-rotot tal-provvista hija element strateġiku tal-politika tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mir-Russja għan-negozjati li għandhom isiru bejn l-UE, l-Azerbajġan u t-Turkmenistan dwar il-bini ta’ sistema ta’ pipelines Trans-Kaspjan;

12. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, permezz ta' tnaqqis domestiku fil-gassijiet b'effett ta' serra u l-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati internazzjonali għal qafas politiku komprensiv għal wara l-2012 fil-qasam klimatiku skont il-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kyoto; f'dan il-kuntest jenfasizza li biex jintlaħaq it-tnaqqis meħtieġ sal-2020 meta mqabbel mal-emissjonijiet tal-1990 għall-pajjiżi tal-Anness I, il-pajjiżi industrijalizzati kollha jeħtieġ li jimpenjaw ruħhom fir-rigward ta' miri li jirrappreżentaw tnaqqis sinifikanti mil-livelli attwali ta' emissjonijiet u li jżidu l-qbid tal-karbonju fil-foresti;

13. Jenfasizza li l-UE għandha twessa’ l-kooperazzjoni tagħha mar-Russja fil-qasam tal-enerġija għal oqsma oħrajn ta’ benefiċċju reċiproku, bħal pereżempju l-effiċjenza enerġetika jew ir-riċerka f’teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli; Ifakkar li ftehimiet intergovernattivi kif ukoll kummerċjali fil-qasam tal-enerġija bejn entitajiet Russi u Ewropej għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti taż-żewġ naħat;

14. Ifakkar li għad fadal reatturi nukleari tat-tip ta’ Chernobyl qrib il-fruntieri tal-UE kif ukoll reatturi oħrajn tal-ewwel ġenerazzjoni u jistieden lir-Russja tagħlaqhom immedjatament; iħeġġeġ sadanittant lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprojbixxu l-importazzjoni ta' enerġija nukleari li ma tissodisfax l-ogħla standards tas-sigurtà u tas-sikurezza nukleari;

15. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-proġetti tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Oblast ta’ Kaliningrad u f’Sosnovyi Bor; jistieden f’dan ir-rigward lir-Russja tirratifika immedjatament l-konvenzjoni UNECE (Espoo) u tikkonforma magħha u jfakkar fl-impenn tar-Russja li tiżviluppa standards unifikati għal valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fi proġetti transfruntieri;

16. Jiddispjaċih ħafna dwar id-deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u n-nuqqas ta’ kwalunkwe evoluzzjoni fil-modalitajiet tal-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward dan id-djalogu li sar proċess aktar milli mezz biex jintlaħqu riżultati li jistgħu jitkejlu u li jkunu tanġibbli; jinsisti għal darba oħra fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi indikaturi pubbliċi tal-progress f’dawn il-konsultazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jittejbu l-modalitajiet għad-djalogu bħal pereżempju permezz tal-alternazzjoni tal-post fejn isiru l-konsultazzjonijiet, u l-interazzjoni bejn l-NGOs Russi u l-awtoritajiet Russi fl-okkażjoni ta’ dan il-proċess u rigward l-għamla tad-delegazzjoni Russa, u li jinħarġu valutazzjonijiet pubbliċi tal-progress fl-okkażjoni tas-Samits bejn l-UE u r-Russja u wara l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija;

17. Jiddispjaċih dwar l-oppożizzjoni kontinwa min-naħa tar-Russja għall-involviment ta' ministeri u aġenziji għajr il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin (bħal pereżempju l-Ombudsman), it-twettiq ta' konsultazzjonijiet b'mod alternattiv fir-Russja u fl-UE u laqgħat ma' NGOs Russi u internazzjonali;

18. Jistieden lill-President tal-Kunsill u lill-Kummissjoni jenfasizzaw it-tħassib tal-UE rigward il-klima konsistentament ostili tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja rigward, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ spazju għas-soċjetà ċivili biex tiffunzjona mingħajr restrizzjonijiet bla bżonn, is-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-urġenza li tiġi indirizzata l-impunità rampanti għal tortura, għajbien furzat u abbużi serji kontinwi oħra fit-Tramuntana tal-Kawkasu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa mir-Russja tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala mezz biex jiġu indirizzati dawn l-abbużi;

19. Jikkundanna l-proposti leġiżlattivi riċenti biex tiġi kriminalizzata l-informazzjoni pubblika dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru f’San Pietruburgu; jiddispjaċih bl-istess mod dwar dispożizzjonijiet simili li jeżistu fir-reġjuni ta’ Arkanghelsk u Ryazan, u proposti futuri possibbli f’Moska u fil-livell federali; jistieden lill-awtoritajiet politiċi kollha fir-Russja jżommu lura milli jillimitaw il-libertà tal-espressjoni, u jieqfu jqisu l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, min-naħa waħda u l-pedofelija, min-naħa l-oħra, bħala l-istess ħaġa; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna juri l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għal dawn il-proposti;

20. Ifakkar lill-Federazzjoni Russa dwar l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni leżbjani, gej, bisesswali u transgender (LGBT); jistieden lir-Russja ssegwi r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri rigward miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u tissalvagwardja d-dritt tal-persuni LGBT għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal-libertà tal-għaqda;

21. Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji qiegħed fil-qalba tal-impunità fir-Russja u jfisser it-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti ta’ proċessi politikament motivati, proċedimenti inġusti u nuqqas ta’ investigazzjoni ta’ delitti serji bħalma huma l-qtil, il-fastidju u vjolenza oħra;

22. Jikkundanna l-fatt li, sentejn mill-mewt ta’ Sergei Magnitsky, l-investigazzjoni mwiegħda mill-awtoritajiet Russi għadha ma ġietx konkluża sal-aħħar ta’ Novembru u ġiet estiża aktar sal-2012; jieħu nota tar-rapport maħruġ f’Lulju 2011 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-President Medvedev, li pprovda evidenza li l-arrest ta’ Sergei Magnitsky kien kontra l-liġi u li ż-żamma tiegħu kienet ikkaratterizzata minn swat u tortura bil-għan li jiġi mġiegħel jammetti li kien ħati;

23. Jinnota li l-iState Department tal-Istati Uniti u l-Foreign Office tar-Renju Unit iddeċidew fl-2011 li jimponu projbizzjonijiet ta' viża fuq xi 60 uffiċjal Russu maħsuba li huma konnessi mal-mewt ta’ Sergei Magnitsky konsegwenza tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet Russi; fin-nuqqas ta’ passi pożittivi lejn l-investigazzjoni tal-każ ta’ Sergei Magnitsky, jistieden għal darba oħra lill-Kunsill jinsisti fuq il-fatt li l-awtoritajiet Russi jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja u jħeġġeġ fl-istess ħin lill-Kunsill jimponi immedjatament fl-Istati Membri kollha tal-UE projbizzjonijiet ta’ viża u ffriżar tal-beni tal-uffiċjali tal-gvern Russu li kienu involuti fil-frodi fiskali u fuq dawk li kellhom rwol fl-arrest illegali, it-tortura, ir-rifjut ta’ kura medika u l-qtil ta’ Magnitsky waqt li kien miżmum, kif ukoll il-ħabi tad-delitt;

24. Jiddispjaċih dwar ir-rifjut tar-Russja li tappoġġa riżoluzzjoni fil-KSNU li tikkundanna r-ripressjoni brutali kontinwa fis-Sirja, b’mod li jwaqqaf lill-komunità internazzjonali milli tagħmel il-pressjoni politika u ekonomika meħtieġa fuq ir-reġim ta’ Assad u tevita aktar vjolenza u eskalazzjoni militari;

25. Jilqa' r-rieda tar-Russja li timxi 'l quddiem rigward ftehim ta' qafas fil-qasam tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet; jistieden f’dan ir-rigward lill-awtoritajiet Russi jkunu konsistenti u jippermettu, għalhekk, li l-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE fil-Ġeorġja jkollha aċċess għat-territorji seċessjonisti tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar bi qbil mal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tal-2008;

26. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jintensifikaw l-isforzi bl-għan li jsir progress konkret fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kunflitt f'Transnistria u, f'dan ir-rigward, jilqa’ d-deċiżjoni li jerġgħu jinbdew in-negozjati 5+2 uffiċjali bl-għan li tinstab soluzzjoni komprensiva fil-futur l-aktar qrib;

27. Jiddispjaċih li ma sar ebda progress fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kunflitt f’ Nagorno-Karabakh; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-iżviluppi militari kontinwi fir-reġjun u jħeġġeġ lill-gvern Russu jieqaf il-kunsinni kollha ta’ armi lill-partijiet fil-kunflitt biex titnaqqas it-tensjoni u titwitta t-triq għal soluzzjoni dejjiema u komprensiva;

28. Jiddispjaċih dwar it-tnedija riċenti ta’ radar ta’ twissija bikrija kontra l-missili nukleari f’Kaliningrad u d-dikjarazzjonijiet riċenti tat-tmexxija Russa rigward l-irtirar possibbli tar-Russja mit-Trattat għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) b’reazzjoni għall-proġett tal-Istati Uniti ta’ tarka kontra l-missili; jitlob li jkun hemm involviment kostruttiv bejn l-Istati Uniti, in-NATO u r-Russja rigward kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluż il-qsim tad-data u l-iskambju tal-informazzjoni;

29. Ifakkar fir-rwol kruċjali tal-OSCE fit-trawwim tas-sigurtà fl-Ewropa; jappella għall-bidu mill-ġdid tal-proċess tal-limitazzjoni tal-armi konvenzjonali u tad-diżarm fil-qafas tal-OSCE; huwa favur il-ftuħ tan-negozjati rigward passi ulterjuri biex jitnaqqsu l-forzi u l-armi (CFE II); iħeġġeġ lill-gvern tal-Federazzjoni Russa biex jirrevoka s-sospensjoni tal-obbligi tiegħu għall-konformità mat-Trattat tas-CFE oriġinali u biex jonora l-Impenji ta' Istanbul tal-1999; iħeġġeġ lill-istati membri tan-NATO biex jirratifikaw u jimplimentaw mingħajr aktar dewmien it-Trattat tas-CFE adattat;

30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSCE, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.