Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0697/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0697/2011

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit UE-Russja (2011/2948(RSP))

    12.12.2011

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Marek Henryk Migalski, Geoffrey Van Orden, Michał Tomasz Kamiński, Roberts Zīle, Ryszard Czarnecki, Janusz Wojciechowski, Konrad Szymański, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2011

    Proċedura : 2011/2948(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0697/2011
    Testi mressqa :
    B7-0697/2011
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B7‑0697/2011

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Russja (2011/2948(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra[1], u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

    –   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

    –   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja maħruġa fil-11 ta' Ottubru 2011 f'Varsavja,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti li saru fis-27 Samit UE-Russja li sar f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Diċembru 2011 dwar l-elezzjonijiet għad-Duma fil-Federazzjoni Russa,

    –   wara li kkunsidra l-aġenda tas-Samit UE-Russja tal-15 ta' Diċembru 2011,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-4 ta' Diċembru 2011 kienu kkaratterizzati minn numru ta' irregolaritajiet elettorali sinifikanti;

    B.  billi seba' partiti biss tħallew ikollhom kandidati, filwaqt li l-gruppi ewlenin tal-oppożizzjoni, inkluż il-Partit tal-Libertà tal-Poplu, ma tħallewx jirreġistraw u jagħmlu kampanja elettorali;

    C. billi kienu rrappurati ħafna irregolaritajiet tul il-ġurnata tal-elezzjoni, inkluż każijiet fejn persuni vvutaw f'iktar minn post wieħed (l-hekk imsejħa 'karużelli bix-xarabank'), it-tixkil tal-osservaturi tal-partiti u t-tfigħ ta' voti żejda fil-kaxxi tal-voti; billi l-OSKE/ODIHR evalwat l-għadd tal-voti bħala 'ħażin jew ħażin ħafna' f'34 mill-115-il post tal-votazzjoni osservat;

    D. billi l-grupp ta' osservazzjoni elettorali Golos ingħata fastidju mill-awtoritajiet, inkluż b'multa ta' USD 1000 imposta għaliex allegatament kiser il-liġi elettorali, u bid-detenzjoni ta' 12-il siegħa tad-Direttur ta' Golos Lilya Shibanova fl-ajruport ta' Moska fit-3 ta' Diċembru; billi diversi portali tal-midja indipendenti jew tal-oppożizzjoni kienu fil-mira tal-hackers fil-jum tal-elezzjoni;

    E.  billi wara l-elezzjonijiet, bdew il-protesti paċifiċi f'Moska, San Pietruburgu u bliet oħrajn, u mijiet ta' persuni kienu detenuti mill-pulizija;

    F.  billi, qabel l-elezzjonijiet, l-uffiċjali tal-gvern u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali għamlu pressjoni fuq impjegati tas-servizz ċivili, għalliema, pensjonanti u studenti, u heddewhom, sabiex jiggarantixxu l-appoġġ tagħhom għar-Russja Magħquda;

    G. billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), kif ukoll bħala firmatarja tad-dikjarazzjonijiet tan-NU, ir-Russja impenjat ruħha li tħares u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

    H. billi l-UE u r-Russja jikkooperaw f’għadd ta’ sfidi bilaterali u globali, ibbażati fuq impenji konġunti u interessi komuni;

    I.   billi huwa importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda u turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa;

    J.   billi fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni (PfM) l-UE u r-Russja ddikjaraw li r-relazzjoni li qed tiżviluppa bejniethom hija bbażata fuq impenn profond għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi l-PfM għandha sservi bħala parti integrali ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid;

    K. billi l-enerġija għandha rwol ewlieni fir-relazzjonijiet UE-Russja u għadha strument ewlieni fil-politika ekonomika u barranija tar-Russja;

    L.  billi l-President Medvedev iddikjara l-ħtieġa urġenti li tingħeleb il-korruzzjoni enormi fir-Russja u ħa impenn pubbliku għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fir-Russja u esprima tħassib dwar l-indipendenza tas-sistema legali u ġudizzjarja tar-Russja;

    M. billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-President Medvedev ikkonkluda li l-korpi statali Russi kollha kienu qegħdin ifixklu attivament l-investigazzjoni tal-korruzzjoni mikxufa minn Sergei Magnitsky u ppreżenta bħala prova l-ksur gravi tad-drittijiet tiegħu li finalment wassal għall-mewt tiegħu;

    N. billi l-uffiċjali assenjati għall-investigazzjoni miftuħa mill-ġdid dwar il-mewt ta' Sergei Magnitsky huma l-istess uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern li arrestawh u sussegwentement ittorturawh;

    1.  Jistieden lill-UE u lir-Russja jintensifikaw in-negozjati dwar il-Ftehim il-ġdid ta’ Sħubija u Kooperazzjoni, bl-inklużjoni tal-aspetti kollha tar-relazzjonijiet, inkluża taqsima dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li n-nuqqas sistematiku tar-Russja li tirrispetta l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jrid jiġi rifless fil-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ħidma dwar Ftehim ġdid ta’ Sħubija u Kooperazzjoni;

    2.  Jesprimi d-diżappunt profond tiegħu dwar kif saru l-elezzjonijiet tal-4 ta' Diċembru, mgħarrqa b'irregolaritajiet numerużi; jitlob lill-President tal-Kunsill, lill-President tal-Kummissjoni, lir-RGħ/VP u lill-Presidenza Pollakka tal-UE biex iqajmu l-kwistjoni tal-elezzjonijiet tal-4 ta' Diċembru waqt is-Samit, u jibagħtu messaġġ ċar dwar it-tħassib tal-UE dwar kif saru l-elezzjonijiet u jħeġġu lir-Russja tippermetti kampanja elettorali kompetittiva, ġusta u ħielsa tul l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Marzu 2012;

    3.  Jiddispjaċih ħafna li l-ebda partit politiku ġdid, inkluż l-Partit tal-Libertà tal-Poplu, ma tħalla jirreġistra qabel l-elezzjonijiet, u huwa tal-fehma li attitudni bħal din tal-awtoritajiet Russi ddgħajjef serjament il-prinċipju tal-pluraliżmu politiku u l-libertà ta' assoċjazzjoni li huma s-sisien ta' demokrazija ġenwina;

    4.  Itenni l-fatt li mindu l-Prim Ministru Vladimir Putin ħa l-poter fir-Russja, l-ebda elezzjoni f’dak il-pajjiż ma ġiet rikonoxxuta bħala ħielsa u demokratika minn osservaturi tal-Punent;

    5.  Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Russi kontra 'Golos' wara li dan stabbilixxa websajt speċjali għar-reġistrazzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet elettorali;

    6.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u l-presidenza Pollakka biex iqajmu l-kwistjoni tad-detenzjoni ta' dimostranti paċifiċi matul id-dimostrazzjonijiet f'Moska, San Pietruburgu u bliet Russi oħra, inkluż wieħed mill-bloggers Russi l-aktar famużi Alexei Navalny; jikkundanna bil-qawwa l-arresti tal-massa u s-swat mill-pulizija u jitlob li jinħelsu immedjatament dawk detenuti;

    7.  Itenni t-talba tiegħu lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li d-diskussjoni dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ma ssirx biss fil-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jsiru darbtejn fis-sena iżda tkun indirizzata wkoll f'laqgħat oħra fil-livelli kollha; itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Russu biex jiżgura li waqt il-konsultazzjonijiet ikun rappreżentat mhux biss minn diplomatiċi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, iżda wkoll minn uffiċjali minn istituzzjonijiet rilevanti oħra, inkluż il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru għall-Intern;

    8.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jagħmlu progress reali fis-sejba ta’ rimedju u l-prevenzjoni ta’ ksur estensiv mir-Russja tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż mhux biss il-ksur li skontu qatgħet sentenza kontra r-Russja l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżda wkoll il-ksur għaddej kontinwament u sistemiku li wassal biex il-President Dmitry Medvedev jitlob azzjoni kontra n-“niħiliżmu legali” tal-pajjiż;

    9.  Jitlob lill-UE biex tadotta konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin (FAC) dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja li jenfasizzaw it-tħassib tal-UE dwar il-klima persistentement ostili għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ispazju għas-soċjetà ċivili biex tiffunzjona mingħajr restrizzjonijiet bla bżonn, is-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; l-impunità li qed tixtered għat-tortura li ssir, l-għajbien sfurzat u abbużi serji oħra fil-Kawkasu tat-Tramuntana u l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa mir-Russja tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala mezz kif tindirizza dawn l-abbużi;

    10. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jimponi immedjatament restrizzjonijiet fuq il-viża u jiffriża l-kontijiet tal-bank u assi oħra tal-uffiċjali tal-Gvern Russu li kienu involuti fil-frodi tat-taxxa u dawk li kellhom rwol fl-arrest falz, it-tortura, iċ-ċaħda ta' kura medika u l-qtil waqt li kien fil-kustodja ta' Magnitsky, kif ukoll li għattew id-delitt; jinkoraġġixxi lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE biex jikkooperaw f'dawk l-oqsma u jinnota li s-sanzjonijiet diġà imposti mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit ikkontribwew għall-prosekuzzjoni ta' diversi uffiċjali Russi ssuspettati li kienu konnessi mal-mewt ta' Sergei Magnitsky;

    11. Jilqa' l-ftehim mal-Gvern Russu biex jimplimenta t-tneħħija gradwali tad-dazji fuq it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja;

    12. Jilqa’ l-fatt li l-Ġeorġja u r-Russja laħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet bilaterali pendenti rigward l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, bil-ħolqien tal-prospettiva li r-Russja tidħol fl-organizzazzjoni, dħul li kieku jiffaċilita l-kummerċ u joħloq kundizzjonijiet indaqs għan-negozji; ifakkar, madankollu, li biex isir dan, ir-Russja għandha tegħleb ostakoli fuq medda wiesgħa, bħas-sussidji industrijali, il-burokrazija, restrizzjonijiet fuq l-investiment barrani u standards tas-saħħa pubblika mhux adegwati;

    13. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jieqfu milli jqiegħdu pressjoni ekonomika u politika fuq il-pajjiżi mill-viċinat komuni tal-UE u r-Russja; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja għat-tisħiħ tal-pajjiżi tal-viċinat komuni, partikolarment rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lir-Russja tirrikonoxxi l-għażla Ewropea għall-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina;

    14. Jistieden lir-Russja tikkontribwixxi attivament għas-soluzzjoni tal-'kunflitti ffriżati' fil-viċinat tagħha; itenni l-ħtieġa li r-Russja timplimenta għalkollox il-ftehim b'sitt punti dwar il-waqfien mill-ġlied inkluż ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jappoġġa l-Grupp ta' Minsk fil-progress tiegħu rigward il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh u jilqa' l-inizjattivi riċenti tar-Russja biex tagħti momentum ġdid għat-taħditiet tal-paċi; jilqa' l-bidu mill-ġdid tan-negozjati fil-format 5+2 fir-rigward tal-kunflitt Transnistrijan u jieħu nota tal-ewwel laqgħa uffiċjali li saret fl-1 ta' Diċembru 2011 li wieħed jittama li tkun il-bidu ta' soluzzjoni għall-kunflitt;

    15. Jistieden lir-Russja tinvolvi ruħha iktar biex tintlaħaq pożizzjoni komuni fil-livell internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward tal-bidliet demokratiċi fl-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani; jiddikjara li l-veto tar-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jista' jwaqqaf sforzi internazzjonali għal soluzzjonijiet paċifiċi fis-Sirja u jistieden lir-Russja biex tieħu sehem f'approċċ ikkoordinat fir-rigward tar-reġim ta' Assad;

    16. Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali u l-Iran u l-iżvilupp tal-programm nukleari tiegħu jeħtieġu approċċ deċiżiv u kkoordinat tal-komunità internazzjonali bil-parteċipazzjoni attiva tar-Russja;

    17. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mar-Russja fil-qasam tal-enerġija; itenni, fl-istess ħin, li l-progress fil-ħolqien ta' relazzjonijiet mill-qrib għandu jimxi id f'id mat-titjib tal-istat tad-dritt u l-istandards demokratiċi fir-Russja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija jsiru parti integrali mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid; jirrimarka li l-UE għandha tittratta d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija bħala l-prijorità ewlenija tagħha u tpoġġi l-isforzi kollha possibbli fil-finalizzazzjoni ta' proġetti bħal Nabucco jew AGRI; ifakkar f'dan ir-rigward li d-diversifikazzjoni tfisser li jinstabu sorsi alternattivi ta' żejt u gass, u mhux rotot alternattivi tat-trasportazzjoni tagħhom mir-Russja;

    18. Jinnota li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni għandha tinkludi mhux biss kwistjonijiet u sfidi ekonomiċi u teknoloġiċi, iżda għandha tkun ibbażata wkoll fuq il-kooperazzjoni wiesgħa, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' sistema legali affidabbli;

    19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.