Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0698/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0698/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk

12.12.2011

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0671/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

João Ferreira, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0691/2011

Proċedura : 2011/2949(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0698/2011
Testi mressqa :
B7-0698/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0698/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (Regolament (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll attwali li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (0000/2011),

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni, kif prevista fl-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni paragrafu, subparagrafu (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0000/2011),

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A7-0000/2011 u A7-0000/2011),

–   wara li kkunsidra l-valutazzjoni ex post esterna tal-protokoll preċedenti, li kien fis-seħħ fil-perjodu bejn l-2007 u l-2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament dwar il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (SJ-0269/09, D(2009)37828), tal-14 ta’ Lulju 2009,

–   wara li kkunsidra r-Regoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd għandhom ifittxu li jiksbu objettivi ekonomiċi u soċjali permezz ta' kooperazzjoni xjentifika u teknika mill-qrib li jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut;

B.  billi l-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq interessi reċiproċi u għandha tieħu l-forma ta’ inizjattivi u miżuri li, kemm jekk meħuda flimkien u kemm jekk meħuda separatament, ikunu komplementari u jiżguraw politiki konsistenti;

C. billi, skont ir-rapport estern ta’ valutazzjoni ex post imwettaq fuq direzzjoni tal-Kummissjoni, il-Protokoll preċedenti vera ma kienx sodisfaċenti; billi, fost affarijiet oħra, naqas milli jgħin biex jinħoloq żvilupp għas-settur tas-sajd fil-Marokk u għad hemm tħassib rigward il-qagħda tal-konservazzjoni ta’ ħafna stokkijiet tas-sajd;

D. billi l-Protokoll stabbilit bejn l-UE u l-Marokk impliċitament jirrikonoxxi s-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent, u l-ilmijiet u r-riżorsi tas-sajd tiegħu/tagħha, bi ksur ċar tal-liġi internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet kollha tan-NU dwar is-suġġett;

E.  billi s-sovranità tal-Marokk qatt ma ġiet rikonoxxuta mil-liġi internazzjonali, kif enfasizzat fl-opinjoni mogħtija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-Aja f’Ottubru 1975; billi l-Marokk, li jokkupa illegalment is-Saħara tal-Punent, għalhekk ma għandu l-ebda sovranità fuq ir-riżorsi naturali ta’ dan it-territorju;

F.  billi kull Protokoll futur li għandu jiġi nnegozjat mill-Kummissjoni jrid jindirizza l-problemi identifikati fil-protokolli preċedenti u attwali;

1.  Jitlob li kull Protokoll futur dwar il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Marokk li jagħti l-opportunitajiet ta' sajd lis-sajjieda tal-UE f'ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità u fi ħdan il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk ikun ristrett primarjament għal ilmijiet fit-Tramuntana tal-parallel 27º 40' N, b’konformità mal-liġi internazzjonali;

2.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm konformità mal-liġi internazzjonali, l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-isfruttar tar-riżorsi naturali ta’ Territorju li ma Jiggvernax Lilu Nnifsu għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tan-nies ta' dan it-territorju, u skont ix-xewqat tagħhom; jikkunsidra li huwa essenzjali li tinstema’ l-opinjoni tar-rappreżentanti leġittimi tal-poplu tas-Saħara tal-Punent dwar kwalunkwe ftehim marbut mal-isfruttar tar-riżorsi naturali ta' dan it-territorju;

3.  Hu favur id-dritt inaljenabbli tas-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq ir-riżorsi naturali li hemm fit-territorju tagħhom, inklużi r-riżorsi tas-sajd tagħhom;

4.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa vitali li tiġi salvagwardjata l-konservazzjoni, fuq perjodu medju u fit-tul, tal-ekosistemi tal-baħar; jemmen li l-kooperazzjoni mal-Marokk għandha tissaħħaħ b’mod sinifikanti f’dan il-qasam ukoll;

5.  Jinnota bi tħassib li l-FPAs b'mod ġenerali ta’ spiss ġew ridotti għal trasferiment ta’ approprjazzjonijiet lejn pajjiżi terzi bħala skambju għad-dritt tal-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd tagħhom, bi ftit kunsiderazzjoni murija għad-dimensjoni ta’ kooperazzjoni ta’ tali ftehimiet; iqis li l-FPA bejn l-UE u l-Marokk huwa eżempju ċar ta’ dan; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan l-approċċ restrittiv għall-FPAs imur kontra l-ispirtu u l-objettivi espliċiti ta’ dawn il-ftehimiet;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-Marokk.