Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0699/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0699/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit UE-Russja (2011/2948(RSP))

12.12.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2011/2948(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0699/2011
Testi mressqa :
B7-0699/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0699/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Russja (2011/2948(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa[1], u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li nbdiet fl-2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003 dwar Ewropa Usa’ – Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COM(2003)0104), tat-12 ta’ Mejju 2004 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dokument ta' Strateġija (COM(2004)0373),

 

–   wara li kkunsidra r-riżultat tal-Elezzjonijiet tad-Duma tal-4 ta' Diċembru u d-Dikjarazzjoni dwar Sejbiet u Konklużjonijiet Preliminari tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-OSKE tal-5 ta' Diċembru,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'referenza partikolari fuq il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-Russja hija ġara importanti tal-UE kif ukoll element politiku u ekonomiku qawwi fir-reġjun u fil-qasam internazzjonali,

B.  billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u r-Russja ilhom jiżviluppaw b'mod kostanti tul l-aħħar għaxar snin, u wasslu għal kooperazzjoni u interdipendenza ekonomika profonda u komprensiva; billi, b’kuntrast, għad hemm tensjoni fir-relazzjonijiet politiċi,

C. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha u r-Russja għandhom l-isfida li jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja u li jistabbilixxu relazzjonijiet kostruttivi, inter alia billi jikkonkludu b'suċċess in-negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa, li jeħtieġ li jingħataw spinta ġdida; billi r-rispett tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet umani u demokratiċi;

D. billi l-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni tal-OSKE kkonkludiet li:

§ l-elezzjonijiet għad-Duma tal-Istat tal-4 ta' Diċembru kienu teknikament amministrati tajjeb, madankollu l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati minn konverġenza bejn l-Istat u l-partit fil-gvern;

§ minkejja n-nuqqas ta' ambjent ekwu tul il-proċess elettorali, il-votanti ħadu l-opportunità li jesprimu d-dritt tal-għażla tagħhom;

§ għalkemm seba' partiti kkontestaw l-elezzjonijiet, iċ-ċaħda preċedenti ta' reġistrazzjoni għal ċerti partiti politiċi ċekknet il-kompetizzjoni politika;

§ il-ġirja elettorali kienet ixxaqleb favur il-partit fil-gvern kif deher fin-nuqqas ta' indipendenza tal-amministrazzjoni elettorali, fil-parzjalità tal-parti l-kbira tal-midja, u mill-indħil żejjed tal-awtoritajiet statali fil-livelli differenti;

§ il-kwalità tal-proċess ħżienet konsiderevolment tul l-għadd tal-voti, li kien ikkaratterizzat minn vjolazzjonjiiet frekwenti tal-proċedura u ċirkustanzi evidenti ta' tbgħabis, inklużi bosta indikazzjonijiet serji ta' tfigħ ta' voti żejda;

§ l-elezzjonijiet għad-Duma reċenti ma ħolqux il-kondizzjonijiet meħtieġa għal kompetizzjoni elettorali ġusta;

1.  Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw flimkien mill-qrib għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa kif ukoll fil-livell globali;

2.  Jerġa' jafferma li l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa’ tal-ogħla importanza għall-iżvilupp u l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ sħab; jesprimi t-tama tiegħu li s-Samit jippromwovi l-progress fin-negozjati;

3.  Itenni l-appoġġ tiegħu għas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni bħala pass biex tingħata spinta ġdida lill-iżvilupp tar-relazzjonijiet strateġiċi; jiddeplora li s'issa ntlaħqu biss riżultati limitati fl-implimentazzjoni tal-proġett;

4.  Jenfasizza li kemm ir-Russja kif ukoll l-Istati Membri tal-UE huma Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u impenjaw ruħhom li jirrispettaw u jimplimentaw il-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden liż-żewġ naħat biex jirrispettaw strettament l-obbligi f'dawn l-oqsma;

5.  Jiddeplora r-riżultati kemmxejn limitati tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja; hu tal-fehma li l-parteċipazzjoni tal-Parlamenti u tal-atturi tas-soċjetà ċivili għandha tagħti spinta importanti lil dan id-djalogu;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-eżitu tal-elezzjonijiet għadu kontroversjali; jesprimi tħassib serju rigward ir-rapporti dwar it-tbagħbis tal-għadd tal-voti; jinnota l-protesti kontinwi minn ċittadini Russi li qegħdin jitolbu investigazzjoni trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta' falsifikazzjoni; jistieden lill-President Medvedev biex jimplimenta d-dikjarazzjoni tiegħu li jilqa' din it-talba; jistenna investigazzjoni trasparenti;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti f'Marzu 2012;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw bis-sħiħ il-libertà tal-għaqda bi qbil mal-Kostituzzjoni Russa u mal-obbligi internazzjonali tagħha;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar l-attakki ċibernetiċi mwettqa kontra aġenziji tal-aħbarijiet indipendenti u kontra siti tal-internet oħrajn; jitlob lill-awtoritajiet Russi jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni u tal-medja u jtemmu l-azzjonijiet mill-Istat konra l-midja kritika u l-fora fuq l-internet;

10. Jesprimi tħassib dwar id-dikjarazzjoni reċenti rigward il-possibilità ta' implimentazzjoni ta' liġi reġjonali omofobika fl-assemblea ta' Saint-Petersburg, li tipprojbixxi "r-reklamar tal-omosesswalità" u li toħloq konfużjoni fl-opinjoni pubblika bejn l-omosesswalità u l-pedofilija, u dwar id-dikjarazzjonijiet ta' segwitu minn ċerti personalitajiet prominenti miċ-ċrieki politiċi Moskoviti li jitkellmu dwar il-possibilità ta' din it-tip ta' liġi fil-livell federali;

11. Jikkundanna t-tkabbir tan-NATO u l-iskjerament ta' sistemi ġodda ta' missili ballistiċi u antiballistiċi fl-Ewropa; iqis li d-deċiżjoni reċenti għar-ritaljazzjoni u l-iskjerament ta' sistemi ta' armi ġodda f'Kaliningrad hi kontroproduċenti jesprimi tħassib serju dwar il-periklu ta' tellieqa ġdida tal-armi fl-Ewropa;

12. Ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej jopponu bil-qawwa l-iskjerament ta' dawn is-sistemi fl-Ewropa; jitlob lil dawk l-Istati Membri tal-UE li aċċettaw l-iskjerament ta' komponenti ġodda ta' sistema antimissili ġdida fit-territorju tagħhom biex jirtiraw din id-deċiżjoni u jżarmaw dawn is-sistemi militari; jiddeplora bil-qawwa l-falliment tat-taħdidiet bejn in-NATO u r-Russja biex tiġi solvuta l-kontroversja dwar il-missili antiballistiċi; jitlob it-tnedija ta' negozjati orjentati lejn ir-riżultati li jikkonfermaw il-pożizzjoni taċ-ċittadini Ewropej; jitlob b'urġenza lill-UE sabiex tagħti prijorità lis-soluzzjoni tal-kontroversja dwar is-sistema ta' missili antiballistiċi fl-Ewropa fid-djalogu tagħha mal-Istati Uniti u mar-Russja bil-għan li tiġi evitata tellieqa tal-armi ġdida fl-Ewropa;

13. Ifakkar li sħubija tissejjes fuq is-sigurtà komuni; jitlob it-tmiem ta' kwalunkwe azzjoni fil-kontinent Ewropew li jkollha l-għan li timponi interessi unilaterali tas-sigurtà fil-kontinent Ewropew, u jitlob li titwaqqaf l-ispinta għar-riarmament u ta' kontromiżuri marbutin ma' dan; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jtemmu n-nuqqas ta' rieda tal-proposta Medvedev għall-konklużjoni ta' trattat pan-Ewropew ta' sigurtà komuni, li għandu jiġi diskuss fil-qafas tal-OSKE;

14. Jitlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja rigward negozjati internazzjonali għal qafas politiku komprensiv għal wara l-2012 fil-qasam klimatiku skont l-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto; iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex tindirizza t-tibdil fil-klima, permezz ta' tnaqqis domestiku fil-gassijiet serra u speċjalment billi ttejjeb l-effiċjenza enerġetika;

15. Itenni l-pożizzjoni tiegħu favur l-enerġija li tiġġedded u jitlob għad-dekommissjonar sikur tar-reatturi nukleari Russi tal-ewwel ġenerazzjoni, li huma theddida għall-ħajja kemm fir-Russja kif ukoll fil-pajjiżi ġirien; jistieden lill-Kummissjoni tal-UE tiffinanzja programmi ta' kooperazzjoni fir-riċerka f'dan il-qasam;

16. Jieħu nota tal-ftehim milħuq bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa dwar l-adeżjoni Russa għad-WTO, u jinnota li l-adeżjoni tar-Russja għad-WTO għandu jkollha konsegwenzi profondi fuq l-iżviupp ekonomiku u soċjali tar-Russja;

17. Jinnota li l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja toffri l-prospett ta' sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd jekk ir-relazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-prinċipji tar-rispett reċiproku tal-interessi, it-trasparenza u r-reċiproċità; jistieden liż-żewġ naħat jagħtu aktar enfasi lill-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar tal-enerġija u l-enerġija li tiġġedded; jenfasizza li l-enerġija għandha titqies fost il-beni pubbliċi;

18. Jieħu nota tar-riżultati tal-ewwel laqgħat tal-forum tas-soċjetà ċivili; jitlob liż-żewġ naħat iwettqu aktar inizjattivi għall-promozzjoni tal-kuntatti bejn il-persuni, b'mod partikolari l-iskambju ta' studenti u xjenzjati; jitlob li jitjiebu l-possibilitajiet għall-istudenti u għall-persuni akkademiċi Russi biex jużaw il-programmi ta' skambju tal-UE;

19. Itenni l-impenn favur l-objettiv fit-tul għal ivvjaġġar bla viża bejn l-UE u r-Russja; jieħu nota tar-riżultati tan-negozjati dwar l-iffaċilitar tal-viża, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal negozjati aktar ambizzjużi għall-iffaċilitar tal-viża;

20. Jappoġġa l-ftehim UE-Russja li l-medda ta' implimentazzjoni taż-żona mingħajr fruntiera bejn il-Polonja u r-reġjun ta' Kaliningrad titwessa’ minn 30km għal 105km;

21. Jistieden lill-UE u lir-Russja jibdew negozjati mal-Istati Uniti u l-Kanada għal trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-popli indiġeni tar-reġjuni, li jimxi fuq il-linji tat-Trattat tal-Antartiku eżistenti, biex l-Artiku jsir żona ta' paċi u kooperazzjoni rriservata biss għal attivitajiet ta' paċi; minħabba l-vulnerabilità tal-ambjent tal-Artiku, jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit, bħala l-ewwel pass, moratorju ta' 50 sena fuq l-esplorazzjoni jew l-espansjoni tal-estrazzjoni ta' riżorsi minerali fir-reġjun, inkluż ftehim dwar kumpens għan-nazzjonijiet l-anqas żviluppati;

22. Jitlob liż-żewġ sħab li huma Membri tal-Kwartett sabiex jeżerċitaw pressjoni fuq l-Iżrael biex itemm kull attività ta' insedjament u jibda jinnegozja bis-serjetà soluzzjoni ta’ żewġ Stati għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ Stati, b'tali mod li jippermetti li l-Istat ta' Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.