Proċedura : 2011/2546(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0003/2012

Testi mressqa :

B7-0003/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2012 - 16.2
CRE 18/01/2012 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0002

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 132kWORD 58k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0003/2012
16.1.2012
PE479.440v01-00
 
B7-0003/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011 (2011/2546(RSP))


Manfred Weber, Corien Wortmann-Kool, Elmar Brok, Carlo Casini f'isem il-Grupp PPE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011 (2011/2546(RSP))  
B7‑0003/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2011,

 

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro tad-9 ta’ Diċembru 2011,

 

–  wara li kkunsidra s-“Six Pack” u ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni dwar aktar tisħiħ tad-dixxiplina fiska(1),

 

–  wara li kkunsidra s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar l-abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar unjoni ekonomika msaħħa,

 

–  wara li kkunsidra s-sottomissjoni li saret f’isem il-Parlament mir-rappreżentanti tiegħu fil-grupp ta’ ħidma ad hoc,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

 

1. Jesprimi d-dubji tiegħu rigward il-ħtieġa ta’ tali ftehim intergovernattiv, li l-objettivi prinċipali tiegħu jistgħu jintlaħqu aħjar u b'mod aktar effikaċi permezz tad-dritt tal-UE, u aktar billi jagħtu reazzjoni urġenti soda u sostenibbli għall-kriżi finanzjarja u dik ekonomika attwali u l-kriżi soċjali li hemm f’ħafna Stati Membri tal-UE; madankollu jibqa’ lest li jaħdem lejn soluzzjoni kostruttiva;

 

2. Jafferma l-appoġġ tiegħu għas-sottomissjoni magħmula lill-grupp ta’ ħidma ad hoc mill-Membri maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti biex jirrappreżentaw lill-Parlament; jiddispjaċih li sa issa l-abbozz ta’ ftehim tal-10 ta’ Jannar 2012 ma jirriflettix il-proposti tal-Parlament Ewropew, jinnota l-appoġġ min-naħa ta' ħafna Stati Membri għal xi wħud mill-proposti li għamel il-Parlament fil-laqgħa tat-12 ta' Jannar 2012; se jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu la jkun irċieva l-abbozz finali mistenni fit-18 ta’ Jannar 2012;

 

3. Jinsab konvint għalkollox li huwa biss permezz tal-metodu tal-Komunità li l-Unjoni Monetarja tista’ tevolvi f’unjoni ekonomika u fiskali ġenwina; ifakkar li l-UE hija proġett politiku, ibbażata fuq valuri komuni u fuq istituzzjonijiet komuni b’saħħithom u r-rispett għal regoli komuni;

 

4. Jinsisti wkoll, b’mod partikolari, li:

 

–    il-ftehim il-ġdid għandu mingħajr ambigwità jaċċetta b’mod espliċitu l-primat tad-dritt tal-UE fuq id-dispożizzjoni tiegħu;

–    il-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tal-ftehim għandhom jittieħdu skont il-proċeduri relevanti li hemm dispożizzjoni għalihom fit-Trattati tal-UE;

–    il-ftehim irid ikun konformi mat-termini tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċifri li jinsabu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u fejn Partijiet Kontraenti jixtiequ jimpenjaw ruħhom għal miri li ma jaqblux mad-dritt tal-UE, dan irid isir permezz tal-proċeduri legali applikabbli tal-UE u m’għandux jagħti lok għal standards doppji;

–    l-obbligu demokratiku tal-għoti ta’ rendikont irid jiġi rispettat billi tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni Parlamentari fl-aspetti kollha tal-koordinazzjoni u l-governanza ekonomiċi Ewropej;

–    il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew trid topera skont it-Trattati tal-UE, skont it-termini tal-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattat;

–    il-ftehim il-ġdid irid ikollu mnaqqax fih, f’sura vinkolanti, impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehim fis-sostanza jiġi integrat fiż-żmien ta' mhux aktar minn ħames snin fit-Trattati;

 

5. Itenni t-talba tiegħu għal Unjoni kemm ta’ stabbiltà u kemm ta’ tkabbir sostenibbli; jemmen li d-dixxiplina fiskali, għalkemm hija l-bażi għat-tkabbir sostenibbli, weħidha mhijiex se ġġib fis-seħħ l-irkupru u li l-ftehim irid jibgħat messaġġ ċar li l-mexxejja tal-Ewropa se jieħdu azzjoni vigoruża bl-istess qawwa fuq iż-żewġ fronti u jinsisti għalhekk li l-ftehim irid jinkludi impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti lejn miżuri li jippromwovu konverġenza u kompetittività aktar qawwija kif ukoll proposti għal fond ta' tifdija, bonds tal-proġetti, Imposta fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji skont il-liġi tal-UE u, filwaqt li jiżguraw id-dixxiplina fiskali, pjan direzzjonali għal bonds ta’ stabbiltà;

 

6. Jenfasizza li l-istess aspetti istituzzjonali, legali u politiċi huma involuti fir-rigward ta' ftehimiet multilaterali oħra li jittrattaw il-kriżi finanzjarja, pereżempju l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew, għalhekk jitlob li l-Parlament jipparteċipa bl-istess mod f’dawn in-negozjati;

 

7. Jirriżerva d-dritt li juża l-istrumenti politiċi u legali kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiddefendi d-dritt tal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment jekk elementi tal-ftehim finali ma jkunux kompatibbli mat-termini tad-dritt tal-EU;

 

8. Ifakkar lill-Kummissjoni li għandha d-dmir li teżerċita ir-rwol istituzzjonali tagħha kollu bħala gwardjana tat-Trattati;

 

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, lill-President tal-Kunsill, lill-President tal-Grupp tal-euro, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

 

(1)

Regolament dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri, COM(2011)819 finali, u Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, COM(2011)821 finali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza