Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0004/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0004/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011 (2011/2546(RSP))

16.1.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Roberto Gualtieri, Stephen Hughes, Enrique Guerrero Salom, Udo Bullmann f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0003/2012

Proċedura : 2011/2546(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0004/2012
Testi mressqa :
B7-0004/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0004/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011 (2011/2546(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro tad-9 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra s-“Six Pack” u ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni dwar aktar tisħiħ tad-dixxiplina fiska[1],

–   wara li kkunsidra s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar l-abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar unjoni ekonomika msaħħa,

–   wara li kkunsidra s-sottomissjoni li saret f’isem il-Parlament mir-rappreżentanti tiegħu fil-grupp ta’ ħidma ad hoc,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jesprimi d-dubji tiegħu rigward il-ħtieġa ta’ ftehim intergovernattiv bħal dan, li l-objettivi prinċipali tiegħu jistgħu jintlaħqu aħjar u b'mod aktar effikaċi permezz tad-dritt tal-UE, biex tiġi pprovduta reazzjoni urġenti u sostenibbli soda għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u għall-kriżi soċjali li hemm f’ħafna Stati Membri tal-UE; madankollu jibqa’ lest li jaħdem lejn soluzzjoni kostruttiva;

2.  Jafferma l-appoġġ tiegħu għas-sottomissjoni magħmula lill-grupp ta’ ħidma ad hoc mill-Membri maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti biex jirrappreżentaw lill-Parlament; jiddispjaċih li sa issa l-abbozz ta’ Ftehim Internazzjonali tal-10 ta’ Jannar 2012 ma jirriflettix il-proposti tal-Parlament Ewropew, jinnota l-appoġġ min-naħa ta' ħafna Stati Membri għal xi wħud mill-proposti tiegħu u se jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ladarba jkun irċieva l-abbozz finali mistenni fit-18 ta’ Jannar 2012;

3.  Jinsab konvint għalkollox li huwa biss permezz tal-metodu tal-Komunità li l-Unjoni Monetarja tista’ tevolvi f’unjoni ekonomika u fiskali ġenwina; ifakkar li l-UE hija proġett politiku bbażat fuq istituzzjonijiet komuni b’saħħithom u r-rispett għal regoli komuni;

4.  Itenni t-talba tiegħu għal Unjoni kemm ta’ stabbiltà u kemm ta’ tkabbir sostenibbli; jemmen li d-dixxiplina fiskali, għalkemm hija l-bażi għat-tkabbir sostenibbli, weħidha mhijiex se ġġib fis-seħħ l-irkupru u li l-ftehim irid jibgħat messaġġ ċar li l-mexxejja tal-Ewropa se jieħdu azzjoni vigoruża bl-istess qawwa fuq iż-żewġ fronti u jinsisti għalhekk li l-ftehim irid jinkludi impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti lejn miżuri għall-promozzjoni ta’ konverġenza u kompetittività aktar qawwijin kif ukoll proposti għal fond ta' tifdija, bonds tal-proġetti, Imposta fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji skont il-liġi tal-UE u, filwaqt li jiżguraw id-dixxiplina fiskali, pjan direzzjonali għal bonds ta’ stabbiltà;

5.  Jinsisti wkoll, b’mod partikolari, li:

–    il-ftehim il-ġdid għandu mingħajr ambigwità jaċċetta b’mod espliċitu l-primat tad-dritt tal-UE fuq id-dispożizzjoni tiegħu;

–    il-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tal-ftehim għandhom jittieħdu skont il-proċeduri relevanti li hemm dispożizzjoni għalihom fit-Trattati tal-UE;

–    il-ftehim irid ikun konformi mat-termini tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċifri li jinsabu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u fejn Partijiet Kontraenti jixtiequ jimpenjaw ruħhom għal miri li ma jaqblux mad-dritt tal-UE, dan irid isir permezz tal-proċeduri legali applikabbli tal-UE u m’għandux jagħti lok għal standards doppji;

–    l-obbligu demokratiku tal-għoti ta’ rendikont irid jiġi rispettat billi tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni Parlamentari fl-aspetti kollha tal-koordinazzjoni u l-governanza ekonomiċi Ewropej;

–    il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew trid topera skont it-Trattati tal-UE, skont it-termini tal-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattat;

–    il-ftehim il-ġdid irid ikollu mnaqqax fih, f’sura vinkolanti, impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehim fis-sostanza jiġi integrat fiż-żmien ta' mhux aktar minn ħames snin fit-Trattati;

6.  Jirriżerva d-dritt li juża l-istrumenti politiċi u legali kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiddefendi d-dritt tal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment jekk elementi tal-ftehim finali ma jkunux kompatibbli mat-termini tad-dritt tal-EU;

7.  Jenfasizza li l-istess aspetti istituzzjonali, legali u politiċi jirriżultaw fir-rigward ta' ftehimiet multilaterali oħra li jittrattaw il-kriżi finanzjarja, pereżempju l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew, għalhekk jitlob li jkun involut bl-istess format fil-każ tal-Ftehim Internazzjonali preżenti;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li għandha d-dmir li teżerċita ir-rwol istituzzjonali tagħha kollu bħala gwardjana tat-Trattati;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, lill-President tal-Kunsill, lill-President tal-Grupp tal-Euro, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.