Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0013/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0013/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel (2011/2904(RSP))

16.1.2012

imressqa wara l-mistoqsijiet b'talba għal tweġiba orali B7‑0021/2012, B7‑0675/2011 u B7‑0676/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Alfreds Rubiks, Patrick Le Hyaric, João Ferreira, Nikolaos Chountis, Kartika Tamara Liotard, Marisa Matias, Willy Meyer, Jean‑Luc Mélenchon f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0006/2012

Proċedura : 2011/2904(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0013/2012
Testi mressqa :
B7-0013/2012
Testi adottati :

B7‑0013/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel (2011/2904(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar 'il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013', ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar 'ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel' u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar 'il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali',

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu, Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' (COM(2009)0591) u d-diversi dokumenti ta' ħidma mehmuża ma' din il-Komunikazzjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar 'Dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar',

 

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel (2010/C 210/3),

 

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari tas-17 ta' Marzu 2009, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 2010 dwar funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa,

 

–   wara li kkunsidra d-data tal-Eurostat dwar l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-mezzi ta' produzzjoni agrikola (kostijiet tal-inputs) u l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli (prezzijiet tal-outputs),

 

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar 'Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa',

 

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tal-JRC dwar 'Sistemi ta' biedja b'rata baxxa ta' fatturi tal-produzzjoni: opportunità għal żvilupp agrikolu sostenibbli',

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi l-problemi ta' introjtu għall-bdiewa qed jibqgħu jmorru għall-agħar u l-prezz imħallas mill-konsumaturi għall-prodotti mhuwiex rifless fil-prezz imħallas lill-bdiewa għall-produzzjoni tagħhom;

 

B.  billi s-sistemi tal-ikel huma ddominati minn mudell ta' agrikoltura industrijalizzata kkontrollata minn ftit korporazzjonijiet tal-ikel transnazzjonali flimkien ma' grupp żgħir ta' bejjiegħa bl-imnut kbar ħafna; billi dan il-mudell li huwa ddiżinjat biex jiġġenera l-qligħ jonqos kompletament milli jipproduċi ikel tajjeb għas-saħħa u għall-but ta' kulħadd, kif ukoll dħul ġust għall-produtturi, filwaqt li jiffoka dejjem aktar fuq il-produzzjoni ta' materja prima bħall-agrokarburant, l-għalf jew il-pjantaġġuni ta' prodotti bażiċi;

 

C.  billi hemm telf progressiv tas-saħħa ta' negozjar għall-produtturi agrikoli u l-industriji agrikoli meta mqabbla mas-saħħa tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar fl-UE fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell tal-prezzijiet tul il-katina tal-valur - mill-produzzjon primarja, għall-ipproċċessar sal-konsumatur aħħari;

 

D. billi s-sovranità tal-ikel tagħti lin-nies id-dritt li jiddefinixxu l-politika agrikola u alimentari tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u tal-ambjent tagħha u mhux tar-regoli kummerċjali internazzjonali maħruġa mid-WTO;

 

E.  billi hemm żbilanċi li qed jikbru bejn l-Istati Membri b'sistemi produttivi fi stadji relattivi differenti ta' żvilupp, li jwasslu għal defiċits li qed jiżdiedu u għal dipendenza alimentari akbar fil-pajjiżi b'sistemi produttivi aktar fraġli;

 

F.  billi l-bdiewa mhumiex iggrantiti prezz ġust għall-produzzjoni tagħhom, u dan jinkuraġġixxi lil ħafna minnhom jitilqu mis-settur;

 

G. billi l-Kummissjoni ma tittrattax l-abbużi ta' 'xerrejja kbar' fil-katina tal-provvista tal-ikel;

 

H. billi r-relazzjoni bejn il-produtturi, il-bejjiegħa bl-imnnut u l-fornituri tal-ikel hija żbilanċata b'mod ċar, u b'hekk dawn tal-aħħar iġarrbu l-akbar piż ta' kwalunkwe tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, filwaqt li tal-ewwel iżommu l-marġnijiet tagħhom;

 

1.  Jopponi bil-qawwa l-konċentrazzjoni attwali tal-poter f'idejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-industriji kbar u jitlob li jinstbau soluzzjonijiet biex din titwaqqaf u titreġġa' lura partikolarment permezz ta' regolamentazzjoni xierqa tal-katina tal-provvista tal-ikel;

 

2.  Ifakkar li l-katina tal-provvista tal-ikel, l-agrikoltura, l-industrija agroalimentari u d-distribuzzjoni jirrappreżentaw 7% tal-impjieg totali fl-UE b'valur ta' EUR 1400 biljun fis-sena - ċifra akbar minn dik fi kwalunkwe settur ieħor tal-manifattura fl-UE;

 

3.  Jitlob li paga ġusta u deċenti għall-bdiewa tkun prijorità tal-UE u jitlob żieda sinifikanti fis-saħħa ta' negozjar tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom;

 

4.  Jitlob li jkun hemm ġustizzja u trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jiġu evitati l-abbużi ta' 'xerrejja kbar' u jistieden lill-Kummisjsoni tipprovdi possibilitajiet għall-bdiewa li jkunu infurmati bis-sħiħ dwar il-prezzijiet proposti tal-produtturi u l-kummerċjanti;

 

5.  Jitlob bil-qawwa li ssir definizzjoni ċara, rigoruża u oġġettiva ta' prattiki abużivi u inġusti;

 

6.  Jitlob li l-produzzjoni tal-ikel tiġi rilokalizzata kemm jista' jkun u li jitwaqqaf il-kontroll eċċessiv tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar u tal-industrija fuq il-katina tal-ikel;

 

7.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni effikaċi fil-katina tal-provvista tal-ikel bl-għan li jiddefendu l-produtturi, jintroduċu relazzjonijiet kuntrattwali ċari, speċjalment għall-produtturi żgħar u ta' daqs medju, l-impjieg agrikolu u t-tnaqqis tal-importazzjonijiet, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-Unjoni;

 

8.  Jitlob urġentement li jiġu stabbiliti prezzijiet ġusti u remunerattivi għall-produzzjoni agrikola għall-farms u li tissaħħaħ xibka ta' sikurezza b'diversi livelli, inkluż mekkaniżmu ta' salvagwardja 'f'każijiet ta' kriżi' sabiex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-outputs ikkawżata minn spekulazzjoni finanzjarja fuq il-prodotti bażiċi agrikoli;

9.  Jitlob li jiġu deċentralizzati l-katini tal-ikel, li jiġu promossi swieq diversifikati bbażati fuq is-solidarjetà u fuq prezzijiet ġusti, kif ukoll li jkun hemm katini qosra tal-provvista u li jiġu intensifikati r-relazzjonijiet bejn il-produtturi u l-konsumaturi f'netwerks tal-ikel lokali biex jikkumpensaw għall-espansjoni u l-poter tad-dipartimenti ċentrali ta' xiri;

 

10. Jitlob lill-Kummissjoni żżomm is-sistema ta' kwoti tal-produzzjoni fl-oqsma tal-ħalib jew taz-zokkor, fost oħrajn; is-sistemi tal-kwoti għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' kull pajjiż u għall-istadju ta' żvilupp relattiv tas-sistema ta' produzzjoni tagħhom, filwaqt li jippermettu l-iżvilupp relattiv tal-Istati Membri bl-ogħla defiċits;

 

11. Jiddefendi l-istabbiliment ta' marġnijiet massimi ta' qligħ kummerċjali, partikolarment għal supermarkets u kumpaniji bl-imnut kbar, billi jittieħed bħala referenza l-prezz imħallas lill-produtturi, bħala mod biex tiġi promossa distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel;

 

12. Jappoġġja l-għoti ta' għajnuna għall-istabbiliment u l-funzjonament ta' sistemi nazzjonali għall-monitoraġġ tal-iffissar u t-tibdil tal-prezzijiet fl-industrija bl-imut u fis-supermarkets;

 

13. Jiddenunzja l-manipulazzjoni tal-prezzijiet u l-kombinament tal-prezzijiet minn setturi kbar tad-distribuzzjoni u jitlob li tittieħed azzjoni b'urġenza biex din is-sitwazzjoni timtemm u biex il-proċess tal-iffissar tal-prezzijiet għall-konsumatur aħħari jsir trasparenti;

 

14. Iqis li s-sigurtà tal-ikel, is-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien tal-ekosistemi u t-tisħiħ tan-nisġa ekonomika u soċjali fis-settur primarju fi Stati Membri differenti jirrikjedu r-rifjut tal-liberalizzazzjoni kummerċjali u l-bidla tal-orjentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali favur loġika ta' komplementarjetajiet minflok favur loġika ta' kompetizzjoni;

 

15. Jisħaq fuq l-importanza ta' katini qosra tal-provvista tal-ikel, u jqis li l-UE għandha tappoġġja attivament il-produzzjoni lokali u reġjonali u s-swieq lokali u reġjonali, u għandha tippromwovi wkoll it-taqsir taċ-ċikli ta' produzzjoni u konsum, bħala prerekwiżit għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali;

 

16. Jappoġġja l-adozzjoni immedjata ta' miżuri biex jitwaqqfu operazzjonijiet ta' dumping bejn l-Istati Membri, kif qed jiġri, pereżempju, fis-settur tal-ħalib;

 

17. Ifakkar li l-politika agrikola trid tippermetti lill-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, fosthom dawk li jitmexxew minn familji, ikollhom introjtu deċenti, jipproduċu ikel li jkun suffiċjenti kemm fir-rigward tal-kwalità kif ukoll fir-rigward tal-kwantità, bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd, joħolqu l-impjiegi, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jiżguraw il-ħarsien u s-sostenibbiltà ambjentali;

 

18. Jitlob li jiġu stabbiliti oqfsa legali li: jiggarantixxu prezzijiet stabbli u ġusti għall-produtturi tal-ikel; jippromwovu agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent; jinternalizzaw il-kostijiet esterni; u jimplimentaw riforma agrarja;

 

19. Jikkritika bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal riforma tal-PAK u l-għanijiet tagħha ta' deregolamentazzjoni; isostni li dan se jintensifika l-iżbilanċi enormi attwali fil-katina tal-provvista tal-ikel; jiddefendi politika agrikola li l-prinċipji tagħha jkunu:

–   id-dritt għas-sigurtà tal-ikel u għas-sovranità tal-ikel, filwaqt li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' kull pajjiż u li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tiegħu,

–   l-eżistenza ta' strumenti ta' regolamentazzjoni tas-suq, biex tiġi ttrattata l-instabilità tas-setturi produttivi minħabba flutwazzjonijiet fil-produzzjoni u l-konsum u biex jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-produtturi,

–   distribuzzjoni ġusta ta' sussidji bejn il-bdiewa, il-produtturi u l-Istati Membri, kif ukoll skema ta' għajnuna għall-produzzjoni modulata kif xieraq f'livell nazzjonali, reġjonali u settorjali;

 

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf urġentement l-ispekulazzjonijiet finanzjarji fis-settur tal-ikel u fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi kif ukoll fis-settur tal-bijokarburant, li jinfluwenzaw il-katina tal-provvista tal-ikel aktar minn qatt qabel;

 

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.