Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0017/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0017/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu (2012/2512(RSP)

25.1.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Johannes Cornelis van Baalen, Marietje Schaak, Alexander Alvara f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0017/2012

Proċedura : 2012/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0017/2012
Testi mressqa :
B7-0017/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0017/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu (2012/2512(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton f'isem l-E3+3 wara t-taħdidiet li saru f'Istanbul mal-Iran, fil-21 u t-22 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u b'mod partikulari dawk tal-10 ta' Frar 2010 u tal-10 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-impenn tal-Iran għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-ħtieġa li l-Istati Parti kollha għal dan it-Trattat jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi kollha tagħhom, filwaqt li jfakkar fid-dritt tal-Istati Parti, b'konformità mal-Artikoli I u II tat-Trattat, li jiżviluppaw ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi mingħajr diskriminazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA (GOV/2006/14), li tiddikjara li soluzzjoni għall-kwistjoni nukleari Iranjana tikkontribwixxi għall-isforzi ta' nonproliferazzjoni globali u sabiex jintlaħaq l-għan ta' Lvant Nofsani ħieles minn armi ta' qerda massiva, inkluż il-mod ta' kif dawn jitwasslu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-IAEA lill-Bord tal-Gvernaturi dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji NPY (ftehim tan-Norveġja, il-Polonja u l-Jugoslavja) u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tat-8 ta’ Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi riżoluzzjoni 1696 (2006), riżoluzzjoni 1737 (2006), riżoluzzjoni 1747 (2007), riżoluzzjoni 1803 (2008), 1835 (2008), 1887 (2009), u 1929 (2010), kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-President tan-NU tad-29 ta' Marzu 2006 (S/PRST/2006/15) filwaqt li jafferma mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-importanza ta' sforzi politiċi u diplomatiċi sabiex tinstab soluzzjoni negozjata li tiżgura li l-programm nukleari tal-Iran ikun esklussivament għal skopijiet paċifiċi, u filwaqt li jinnota f'dan ir-rigward l-isforzi tat-Turkija u l-Brażil lejn ftehim mal-Iran dwar ir-Reattur tar-Riċerka ta' Tehran li jista' jservi ta' miżura għall-bini tal-fiduċja;

B.  billi r-rapport jinnota ulterjorment il-fatt li l-Iran qed ikompli l-arrikkiment nukleari tiegħu u l-attivitajiet ta' pproċessar mill-ġdid, li skont diversi Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà huwa obbligat jissospendihom; billi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) madankollu ma jeskludix attivitajiet ta' arrikkiment mill-istati parti tiegħu u billi l-programm ta' arrikiment tal-Iran għaldaqstant mhux qiegħed jikser it-TNP;

C.  billi filwaqt li l-Iran ħabbret li Fordo se tkun qed topera fi Frar u tarrikkixxi l-uranju għal 20 fil-mija, l-Iran ikkonfermat li sal-aħħar ta' Jannar mistennija spetturi mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika għal spezzjoni ta' xahar;

1.  Jistieden mill-ġdid lill-Iran iwaqqaf minnufih l-iżvilupp tiegħu tat-teknoloġija ta' arrikkiment, li tmur ferm lil hinn mill-ħtiġijiet sabiex tiġi żgurata provvista tal-fjuwil sikura għal skopijiet ċivili u b'nuqqas ta' kunsiderazzjoni għat-tħassib internazzjonali dwar intenzjonijiet militari klandestini;

2.  Jirrikonoxxi li sanzjonijiet u miżuri diplomatiċi jistgħu jkunu ta' għajnuna sabiex il-Gvern Iranjan jaċċetta u jirrispetta r-riżoluzzjonijiet tan-NU biex b'hekk tiġi evitata l-eventwalità ta' intervent militari; għandu jitqies li dawn is-sanzjonijiet sa issa għadhom ma wasslux għar-riżultat mixtieq internazzjonalment; jiddispjaċih dwar ir-rifjut kontinwu taċ-Ċina u r-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jappoġġjaw is-sanzjonijiet kontra l-Iran;

3.  Jitlob li s-sanzjonijiet jew miżuri restrittivi għandhom ikunu proporzjonati u mmirati lejn l-objettiv mixtieq, bil-għan li jinfluwenzaw biss il-klassijiet privileġġati responsabbli tar-reġimi repressivi jew kriminali u l-atturi mhux statali responsabbli tal-istati falluti billi jiġi minimizzat, kemm jista' jkun, l-impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet ċivili, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli; (Rapport Watson dwar il-miżuri restrittivi tal-UE);

4.  Madankollu jfakkar li l-Iran huwa membru tat-TNP - għal kuntrarju ta' xi stati li għandhom armi nukleari - u għalhekk jipprevedi spezzjonijiet mill-IAEA tal-installazzjonijiet nukleari rikonoxxuti tiegħu;

5.  Jinnota bi tħassib serju li l-Iran bena faċilità ta' arrikkiment ġewwa Qom bi ksur tal-obbligi tiegħu li jissospendi l-attivitajiet kollha relatati mal-arrikkiment;

6.  Itenni d-determinazzjoni tiegħu li jsaħħaħ l-awtorità tal-IAEA, jappoġġja bil-qawwi r-rwol tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA filwaqt li jfaħħar lill-IAEA għall-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet pendenti relatati mal-programm nukleari tal-Iran;

7.  Jinsisti bil-qawwi li l-Iran għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha, b'mod partikulari dawk li qegħdin jagħtu lok għal tħassib dwar id-dimensjonijiet militari possibbli tal-programm nukleari Iranjan, inkluż l-għoti mingħajr dewmien ta' aċċess għas-siti kollha, it-tagħmir, il-persuni u d-dokumenti rikjesti mill-IAEA, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-IAEA jkollha r-riżorsi neċessarji kollha u l-awtorità għat-twettiq ta' xogħolha ġewwa l-Iran;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-KSNU, lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Maxreq, lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lill-Iżrael, lill-Palestina, lill-Iraq, lit-Turkija u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.