MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2012/2511(RSP))
8.2.2012
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Timothy Kirkhope, Anthea McIntyre f'isem il-Grupp ECR
B7‑0053/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2012/2511(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-valuri fundamentali u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-18 ta' April 2011 il-Parlament Ungeriż adotta l-liġi fundamentali ġdida tal-Ungerija, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012,
B. billi l-Kummissjoni Ewropea għandha tħassib dwar ċertu aspetti tal-liġi Ungeriża, inkluża l-independenza tal-bank ċentrali nazzjonali, l-aġenzija għall-protezzjoni tad-dejta u l-ġudizzjarja,
C. billi l-Gvern Ungeriż esprima rieda li jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea,
1. Jenfasizza l-importanza li kwalunkwe valutazzjoni u analiżi tas-sitwazzjoni fl-Ungerija, imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u għandha tkun ibbilanċjata;
2. Isostni r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huma konformi kemm mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-valuri demokratiċi komuni bażiċi u f'dan il-kuntest, il-valutazzjoni attwali tas-sitwazzjoni fl-Ungerija;
3. Jistieden lill-Gvern Ungeriż jaħdem fil-qrib u jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni Ewropea bħala l-gwardjana tat-Trattati, biex is-sitwazzjoni tissolva u jekk meħtieġ, jemenda l-leġiżlazzjoni kkonċernata;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika tal-Ungerija.