Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0054/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0054/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati, u l-prodotti tal-ħut u tas-sajd (2012/2522(RSP))

8.2.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Metin Kazak, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0048/2012

Proċedura : 2012/2522(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0054/2012

B7‑0054/2012

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati, u l-prodotti tal-ħut u tas-sajd (2012/2522(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995 li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2005 li tawtorizza negozjati mal-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar "Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni" COM(2011) 303 finali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Saħara tal-Punent,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim propost fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli 1, 2 u 3 u tal-Annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0201/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi l-UE żżom bilanċ favorevoli sinifikanti fil-kummerċ ta’ prodotti mal-Marokk, li fl-2010 laħaq EUR 5.4 biljun;

B.  billi l-UE għandha bilanċ favorevoli sostanzjali fil-kummerċ agrikolu u tas-sajd mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ta’ iktar minn EUR 4 biljun iżda għandha defiċit fil-kummerċ bilaterali agrikolu u tas-sajd mal-Marokk li fl-2010 kien jammonta għal EUR 871 miljun;

C. billi fl-2009 l-agrikoltura kienet tirrappreżenta 16.4% tal-PDG tal-Marokk u timpjiega madwar 40% tal-forza tax-xogħol tal-Marokk; billi fl-2009 l-agrikoltura kienet tirrappreżenta 5.1% tal-PDG tal-UE u timpjiega 1.1% tal-forza tax-xogħol Ewropea;

D. billi l-Ftehim propost jilliberalizza immedjatament 55 % tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-UE (ċifra li tiżdied minn 33 %) u 70 % tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-Marokk fi żmien għaxar snin (ċifra li tiżdied minn 1 %);

E.  billi permezz tal-Ftehim l-esportaturi se jkollhom aktar aċċess għas-suq tal-viċinat b'xejriet tal-konsum li jitbiddlu rapidament u żieda fid-demografija;

F.  billi l-Marokk huwa wieħed mill-erba’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li għalihom il-Kunsill awtorizza direttivi ta' nnegozjar għal Ftehim ta' Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA); billi l-kummerċ fil-prodotti agrikoli se jifforma parti minn dawn in-negozjati;

G. billi s-Saħara tal-Punent hija biss eskluża, b'mod impliċitu, mid-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim u huwa possibbli li l-prodotti mill-Punent tas-Saħara jistgħu fil-fatt jibbenefikaw mill-aċċess preferenzjali mogħti permezz ta' dan il-Ftehim fis-suq intern tal-UE u viċi-versa;

H. billi kull ftehim kummerċjali dwar is-Saħara tal-Punent għandu jsir għall-benefiċċju tal-poplu Sahrawi u skont ix-xewqat tagħhom kif determinat mil-liġi internazzjonali;

Il-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali

1.  Jemmen li l-liberalizazzjoni kummerċjali u l-integrazzjoni progressiva fis-suq intern tal-UE jistgħu jkunu strumenti importanti għall-iżvilupp tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jgħinu jtaffu l-faqar u l-qgħad mifrux li jixprunaw il-problemi ekonomiċi, migratorji u tas-sigurtà fir-reġjun; iqis li, sabiex dan il-potenzjal jiġi attwat, l-UE għandha tkun lesta tagħti konċessjonijiet kummerċjali f’setturi sensittivi bħalma hi l-agrikoltura;

2.  Jenfasizza li wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-UE għandha r-responsabilità li tagħmel użu sħiħ mill-kapaċitajiet kummerċjali u ekonomiċi tagħha biex tgħin it-tranżizzjoni f’dawk il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li, bħall-Marokk, qegħdin jieħdu passi sinifikanti lejn id-demokrazija; jilqa' l-isforzi li saru mill-Marokk lejn id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-UE tappoġġja dawn il-miżuri u biex torbot sew dawn l-isforzi mal-ftehim u mal-approfondiment tal-istrateġija kummerċjali tagħha mal-Marokk;

3.  Iqis li huwa essenzjali li l-inizjattivi kummerċjali u ta' investiment għandu jkollhom l-għan li jkunu ta’ benefiċċju għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà u jkunu mmirati b’mod partikolari lejn l-SMEs u l-bdiewa ż-żgħar; f’dan il-kuntest, jinnota li 80 % tal-bdiewa fil-Marokk għandhom inqas minn ħames ettari art u għalhekk jilqa’ bi pjaċir l-appoġġ tal-Confédération marocaine de l'agriculture et du développement rural (COMADER) għall-Ftehim; ifakkar li s-sigurtà tal-ikel għandha dimensjoni soċjali, ambjentali u kulturali, minbarra l-aspetti ekonomiċi tagħha;

4.  Jenfasizza li, wara t-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament għandu jkun involut f'kull stadju tan-negozjati kummerċjali u jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw dawn l-obbligi fir-rigward il-protokolli futuri miftiehma mal-Marokk taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-ftehim potenzjali profond u komprensiv ta' kummerċ ħieles (DCFTA);

Il-Ftehim

5.  Jenfasizza li l-Ftehim se jipprovdi opportunitajiet sinifikanti għall-industrija agrikola tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-ikel ipproċessat; jirrimarka li l-esportaturi tal-UE eventwalment se jibbenefikaw mit-tneħħija tat-tariffi fuq l-importazzjoni fil-Marokk fir-rigward ta’ 70 % tal-linji ta' prodotti agrikoli u tas-sajd, ħaġa li hi stmata li se tiffranka EUR 100 miljun fis-sena f’dazji doganali ladarba tkun implimentata bis-sħiħ;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi għal xi reġjuni agrikoli fin-Nofsinhar tal-Ewropa u jitlob lill-UE biex jibdew riformi ġenwini sabiex iżommu l-agrikoltura Ewro-Mediterranja kompetittiva; jinnota t-tħassib ta' ċerti setturi agrikoli, bħalma huma tat-tadam, tal-ħjar, tal-ħawħ u tal-berquq, b'żieda fil-kwoti mingħajr dazju għall-frott sensittivi u għall-importazzjonijiet tal-ħxejjex; madankollu, jenfasizza li ż-żieda fil-kwoti bla dazju tirrappreżenta persentaġġ żgħir ħafna tal-produzzjoni Ewropea (eż. bejn wieħed u ieħor 0.65% għat-tadam), u dawn l-importazzjonijiet huma limitati wkoll bl-allokazzjonijiet skont l-istaġun u bis-sistema tal-prezz tad-dħul;

7.  Jilqa’ bi pjaċir il-miżuri mhux tariffarji addizzjonali fil-ftehim bħall-protezzjoni addizzjonali għall-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej, mekkaniżmi ta’ salvagwardja msaħħa u miżuri sanitarji u fitosanitarji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifiki lill-industrija Ewropea fuq il-proċess u l-mekkaniżmi biex jattivaw l-klawsoli ta' salvagwardja; barra minn hekk, ifakkar li l-UE u l-Marokk qablu dwar mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li permezz tiegħu l-partijiet jistgħu jitolbu rimedju jekk parti waħda ma tirrispettax it-termini tal-Ftehim;

Kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi usa’

8.  Huwa mħasseb bl-ilmenti minn gruppi industrijali Ewropej li jallegaw frodi fis-sistema tal-prezz tad-dħul; f'dan ir-rigward, jinnota l-proposti biex jiġu allinejati l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tas-sitema biex jiddaħħal il-prezz għall-Kodiċi Doganali Komunitarju fir-riforma l-aktar riċenti tal-KAP; fl-istess ħin, jenfasizza li l-ebda lmenti formali ma tressqu lill-OLAF mill-2005;

9.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun jiddependi fuq l-issodisfar ta’ ċerti standards tal-iġjene u tas-sikurezza u jilqa’ bi pjaċir ir-rapport pożittiv tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju fl-2011; Jilqa’ bi pjaċir l-enfasi fil-Ftehim fuq il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u jitlob li l-assistenza teknika tkun ċentrali fin-negozjati għal ftehim dwar żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna lill-Marokk fil-ġestjoni tal-ilma biex tiġi ostakolata deterjorazzjoni fil-kwantità u l-kwalità, u jkun hemm aċċess aħjar għall-ilma tax-xorb u tittejjeb il-ġestjoni tad-drenaġġ; jistieden lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jipprovdu l-kompetenza tagħhom, kif mitlub, lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-kwalità tal-prodotti importati;

10. Jenfasizza li, bħal bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Marokk qed jaffaċċa sfidi fil-garanzija tad-drittijiet tax-xogħol; jinnota li, minkejja r-ratifika tal-konvenzjonijiet relevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaddim tat-tfal, xorta għad fadal preokkupazzjonijiet dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u t-tħaddim tat-tfal; jikkunsidra li d-DCFTA għandhom jinkludu assistenza fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO, fir-ratifika ta’ konvenzjonijiet kruċjali mhux iffirmati (eż. Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni (Nru 87)) u inizjattivi dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva;

11. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tiċċara b'mod konvinċenti l-istatus tas-Saħara tal-Punent skont id-disposizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk; jemmen li din il-kjarifika hija meħtieġa biex tintemm l-inċertezza legali attwali u se tibbenefika wkoll l-ftehimiet tal-UE f'setturi oħra mal-Marokk fejn il-protokolli jkollhom jiġu mġedda ta' spiss; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem lejn approċċ komprensiv fir-rigward tas-Saħara tal-Punent filwaqt li tqis in-negozjati li għaddejjin fin-NU biex tinstab soluzzjoni politika li sservi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp sostanzjali lill-poplu Sahrawi biex ittejeb il-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Magreb, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran kif ukoll lill-Parlament u l-Gvern tal-Marokk.