Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0055/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0055/2012

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd (2012/2522(RSP))

    8.2.2012

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Paul Murphy, Willy Meyer, Patrick Le Hyaric, Nikolaos Chountis, João Ferreira, Jacky Hénin, Sabine Wils, Søren Bo Søndergaard, Younous Omarjee, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0047/2012

    Proċedura : 2012/2522(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0055/2012
    Testi mressqa :
    B7-0055/2012
    Testi adottati :

    B7‑0055/2012

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd (2012/2522(RSP))

    The European Parliament,

    –   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15975/2010),

    –   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-Annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (15974/2010),

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti 1754, 1783, 1813, 1920 kif ukoll kull riżoluzzjoni preċedenti oħra tan-NU li tirreferi għall-kunflitt fis-Saħara tal-Punent bħala kwestjoni ta’ dekolonizzazzjoni, li s-soluzzjoni għaliha għandha tkun imsejsa fuq il-jedd għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Saħarawi,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi l-proċess ta' Barċellona, li tnieda fl-1995, wassal għal Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u madwar tnax-il pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

    B.  billi l-Proċess ta' Barċellona sar bil-pretensjoni li huwa mmirat biex isaħħaħ d-djalogu u l-kooperazzjoni u b'hekk jistabbilixxi żona ta' paċi, sigurtà u stabbiltà;

    C. billi l-pjan direzzjonali Rabat, stabbilit fl-2005, iffoka fuq it-tisħiħ tal-ħolqien ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles u l-liberalizzazzjoni ulterjuri għall-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjun fl-interess tal-ħaddiema, l-ażjendi agrikoli żgħar u l-foqra;

    D. billi skont il-liġi internazzjonali u diversi riżoluzzjonijiet tan-NU, is-Saħara tal-Punent mhijiex parti mill-Marokk u la għandha tiġi eskluża u lanqas ma għandha, b'mod impliċitu, tiġi inkluża fi kwalunkwe ftehim li l-UE tiffirma mar-Renju tal-Marokk; u billi l-QTĠ affermat li l-Unjoni hija marbuta bil-liġi internazzjonali fl-azzjonijiet kollha tagħha, u l-inklużjoni tas-Sahara tal-Punent fil-ftehim tkun fi ksur tal-liġi internazzjonali;

    E.  billi l-iżviluppi reċenti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani kixfu l-falliment fundamentali tal-politika tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar;

    F.  billi l-linji gwida ewlenin tal-politika kummerċjali tal-UE lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom ikunu l-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà soċjali u tal-istabbiltà soċjali permezz tal-integrazzjoni reġjonali, l-iżvilupp sostenibbli u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jittejbu l-istandards ta' għajxien tal-popolazzjoni tiegħu;

    G. billi r-revoluzzjonijiet tar-"Rebbiegħa Għarbija" urew li nuqqasijiet demokratiċi għandhom jiġu indirizzati l-ewwel fi kwalunkwe qasam ta’ politika bejn l-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

    H. billi is-sovranità tal-ikel u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, il-preservazzjoni tal-ekosistemi u t-tisħiħ tan-nisġa ekonomika u soċjali fis-settur primarju fil-pajjiżi tal-UE jew fil-pajjiżi terzi, jesiġu orjentament tal-kummerċ internazzjonali f'direzzjoni kontra l-loġika tal-kompetizzjoni li twassal għad-dominazzjoni ekonomika ta' multinazzjonali u l-konċentrazzjoni tal-ġid f'idejhom;

    I.   billi r-relazzjonijiet kummerċjali mal-Marokk għandhom iqisu l-bżonnijiet ekonomiċi u tal-iżvilupp rurali tal-pajjiż, b'mod partikolari l-bżonnijiet tal-produtturi ż-żgħar u ta' daqs medju kemm fil-Marokk kif ukoll fl-UE, jirrikonoxxi għalhekk ir-rwol importanti tal-biedja tal-familji u tal-impriżi tas-sajd fuq skala żgħira, il-ħtieġa li jiġu promossi attivitajiet agrikoli u tas-sajd sostenibbli, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, l-ambjent rurali, l-ambjent tal-baħar u l-istokkijiet tal-ħut, b'mod partikolari permezz ta’ ġestjoni fis-sod tal-ilma u l-evitar ta' pjantaġġuni monokulturali kbar;

    J.   billi għandhom jissaħħu l-opportunitajiet ta' impjieg sostenibbli fis-setturi agrikoli u tas-sajd u f'setturi relatati tal-Marokk, fejn issir enfasi fuq ir-rwol tal-biedja tal-familji u l-biedja tal-bdiewa, fejn ikun hemm rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u fejn isir sforz biex titwessa’ l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjieg li għandhom jirriżultaw f'impjiegi kwalifikati, sikuri, imħallsa tajjeb u bit-trejdjunjins;

    K. billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aspett tal-ġeneru, fejn għandhom jiġu pprovduti aktar impjiegi deċenti għan-nisa u għandhom ikunu promossi soluzzjonijiet li jikkombinaw il-ħajja tal-familja u tax-xogħol kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;

    L.  billi s-settur tal-frott u l-ħxejjex hu ta' importanza konsiderevoli f'ħafna reġjuni rurali tal-pajjiżi tan-Nofsinhar fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fi Spanja, fil-Portugall u fi Franza, fejn il-kriżi ekonomika u soċjali laħqet dimesjonijiet allarmanti;

    M. billi Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà (VIS) li d-DĠ Kummerċ ikkummissjona lill-Università ta' Manchester dwar is-suġġett ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles żviluppata bis-sħiħ fil-Mediterran tbassar żieda fid-diffikultajiet soċjali u stress ambjentali mhux sostenibbli;

    N. billi l-estensjoni tal-protokoll għall-ftehim tas-sajd tal-UE mal-Marokk ġiet miċħuda mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Diċembru 2011;

    1.  Jopponi l-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd kif ukoll kwalunkwe pass lejn il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi tal-Mediterran; huwa tal-fehma li l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles se taffettwa ħażin il-bdiewa ż-żgħar, lill-ħaddiema u liż-żgħażagħ, kif ukoll l-ambjent, kemm fil-Mediterran tan-Nofsinhar kif ukoll fl-UE;

    2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevoka l-ftehim ikkonċernat u tagħti bidu għal negozjati ġodda bil-ħsieb li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, tas-sovranità tal-ikel u tass-sigurtà tal-provvista tal-ikel kemm fil-Marokk kif ukoll fil-pajjiżi tal-UE, fejn jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi u tiġi evitata l-kompetizzjoni fost il-produtturi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran;

    3.  Jinsisti li l-isforzi għandhom jiġu konċentrati fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, u anke fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-teħid ta' deċiżjonijiet kummerċjali u ekonomiċi; u fuq it-titjib tal-ktajjen ta' valur miżjud ġewwa l-pajjiżi differenti li jippermettu l-ġenerazzjoni ta' xejriet ta’ produzzjoni u ta’ konsum deċenti;

    4.  Iqis in-negozjati fuq l-istess livell u bl-involvimenti tal-partijiet interessati ewlenin kollha, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħar u ta’ daqs medju u l-organizzazzjonijiet tas-sajd fuq skala żgħira, bħala punti ewlenin għal relazzjonijiet kummerċjali ta' suċċess fl-interess tal-ħaddiema, il-bdiewa ż-żgħar, is-sajjieda u ż-żgħażagħ; għalhekk jinsisti li l-protezzjoni tar-riżorsi naturali, il-ħlas adegwat tal-produtturi, il-pagi deċenti, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli li se jġib stabbiltà għas-swieq lokali u se jippreserva l-ambjent, huma elementi ewlenin li magħhom għandu jitqabbel l-eżitu ta' kwalunkwe negozjar kummerċjali;

    5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba li, skont l-aħħar rapporti tal-UNICEF, 1.5 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola għadhom miċħuda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u li t-tħaddim tat-tfal b'mod partikolari f'żoni rurali għadu ?għaddej?/jsir, u li l-produzzjoni orjentata lejn l-esportazzjoni, li kull ma tmur dejjem qed tikber, tista' ddgħajjef kwalunkwe sforz biex titwaqqaf din il-prattika illegali;

    6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar Valutazzjonijiet independenti tal-Impatt għas-Sostenibbiltà li jinvolvu l-partijiet interessati ewlenin kollha, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-organizzazzjonijiet tas-sajd fuq skala żgħira, sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett ħażin fuq il-poplu tan-Nofsinhar tal-Mediterran u fuq il-poplu tal-ekonomiji l-aktar fraġli tal-UE;

    7.  Huwa konvint li skont il-liġi internazzjonali, is-Saħara tal-Punent għandha tiġi eskluża, b'mod espliċitu, mill-isfera ta' kwalunkwe ftehim li l-UE tikkonkludi mar-Renju tal-Marokk, filwaqt li jinfetaħ il-bieb għal ftehimiet separati mal-poplu tas-Saħara tal-Punent, permezz tar-rappreżentanti leġittimi tagħhom, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan;

    8.  Itenni li s-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent qatt ma ġiet rikonoxxuta mil-liġi Internazzjonali, kif ġie nnutat fl-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-Aja f’Ottubru 1975; jiddikjara li l-Marokk qiegħed jokkupa illegalment it-territorju tas-Saħara tal-Punent u, għalhekk, ma għandu l-ebda sovranità fuq ir-riżorsi naturali tagħha, jitlob lill-UE biex titlob li r-Renju tal-Marokk jirrispetta l-liġi internazzjonali rigward l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent;

    9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Marokk u lill-Gvern tar-Repubblika Domokratika Għarbija tas-Saħrawi (SADR).