Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0057/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0057/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fir-Russja (2012/2505(RSP))

8.2.2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Marek Henryk Migalski, Ryszard Antoni Legutko, Paweł Robert Kowal, Michał Tomasz Kamiński, Konrad Szymański, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Roberts Zīle, Mirosław Piotrowski f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0052/2012

Proċedura : 2012/2505(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0057/2012
Testi mressqa :
B7-0057/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0057/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Russja (2012/2505(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ppreżentata mill-OSKE, l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR), l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) wara l-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat fl-4 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja maħruġa fil-11 ta' Ottubru 2011 f'Varsavja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti li saru fis-27 Summit UE-Russja li sar f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, dwar l-elezzjonijiet tad-Duma fil-Federazzjoni Russa tas-6 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha drittijiet u libertajiet sħaħ; billi r-Russja impenjat ruħha li tħares u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u bħala firmatarja ta' għadd ta' trattati internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

B.  billi skont rapporti tal-OSKE/ODIHR u tal-grupp ta' osservazzjoni elettorali Golos, l-elezzjonijiet parlamentari tad-Duma Russa tal-4 ta' Diċembru 2011 kienu kkaratterizzati minn għadd ta' irregolaritajiet u manipulazzjonijiet elettorali sinifikanti, inklużi każijiet fejn persuni vvutaw f'iktar minn post wieħed (l-hekk imsejħa "karużelli bix-xarabank"), it-tfigħ ta' voti żejda fil-kaxxi tal-voti, it-tfixkil ta' osservaturi tal-partiti tal-oppożizzjoni u d-detenzjoni ta' ġurnalisti li kienu qed jirrapportaw dwar l-elezzjonijiet; billi l-OSKE/ODIHR ivvaluta l-għadd tal-voti bħala "ħażin jew ħażin ħafna" f'34 mill-115-il post tal-votazzjoni osservat;

C.  billi, qabel l-elezzjonijiet, l-uffiċjali tal-Gvern u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali għamlu pressjoni fuq impjegati taċ-ċivil, għalliema, pensjonanti u studenti, u heddewhom, sabiex jiggarantixxu l-appoġġ tagħhom għall-Partit Russja Magħquda;

D.  billi seba' partiti biss tħallew jippreżentaw kandidati, filwaqt li l-gruppi ewlenin tal-oppożizzjoni, inkluż il-Partit tal-Libertà tal-Poplu, ma tħallewx jirreġistraw u jagħmlu kampanja elettorali; billi fis-snin li għaddew Parnas huwa d-disa’ partit politiku li, minħabba pretesti differenti, ma tħalliex jiġi rreġistrat uffiċjalment;

 

E.  billi l-irregolaritajiet elettorali wasslu biex il-poplu Russu jagħmel dimostrazzjonijiet paċifiċi ta' skuntentizza waqt protesti tal-massa f'Moska u fi bliet oħra, bil-parteċipazzjoni ta' madwar 100,000 ċittadin; billi mijiet ta' oppożituri ġew detenuti mill-pulizija; billi attivisti tas-soċjetà ċivili qed jitolbu li jorganizzaw għadd ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi favur elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;

F.  billi l-protesti qed jibdew jieħdu l-forma ta' moviment soċjali taċ-ċittadini Russi li huma kapaċi jiiformulaw talbiet politiċi raġonevoli bħal elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda, ir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi kollha, Kummissjoni Elettorali Ċentrali indipendenti, ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi, midja ħielsa kif ukoll l-abolizzjoni taċ-ċensura;

G. billi qabel l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja li se jsiru fl-4 ta' Marzu 2012, reġa' tfaċċa x-xenarju ta' manipulazzjoni u ta' nuqqas ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, billi kandidati tal-oppożizzjoni - Grigori Yavlinsky, il-kap tal-partit liberali Yabloko u Dmitry Mezentsev, il-Gvernatur tar-reġjun ta' Irkutsk - ma tħallewx jirreġistraw mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, minħabba l-preżenza ta' wisq irregolaritajiet fil-lista tal-firem imressqa b'appoġġ tagħhom;

H.  billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), kif ukoll bħala firmatarja tad-dikjarazzjonijiet tan-NU, ir-Russja impenjat ruħha li tħares u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

I.   billi kemm il-President Medvedev kif ukoll il-Prim Ministru Putin iddikjaraw il-ħtieġa urġenti li tingħeleb il-korruzzjoni enormi fir-Russja u impenjaw ruħhom pubblikament li jsaħħu l-istat tad-dritt fir-Russja u esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-ordinament ġuridiku tar-Russja;

J.   billi biex tissikket l-iskuntentizza soċjali, l-awtoritajiet Russi ħadu għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi li l-għan iddikjarat tagħhom huwa d-demokratizzazzjoni tal-liġi elettorali u tal-leġiżlazzjoni dwar il-partit fil-gvern; billi, skont osservaturi indipendenti, din il-liberalizzazjzoni mhijiex imfassla biex tirriforma is-sistema tal-poter iżda biex tikkalma l-iskuntentizza pubblika;

K.  billi Khadzhimurad Kamalov, ġurnalist prominenti mir-reġjun tal-Kawkasu tat-Tramuntana li huwa milqut mill-vjolenza, inqatel b'arma tan-nar fid-Dagestan, u dan żied ma' numru dejjem jikber ta' ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li nqatlu fil-Federazzjoni Russa fis-snin reċenti;

L.  billi l-Federazzjoni Russa hija membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonaijiet Uniti u għandha responsabbiltà konġunta mal-membri l-oħra għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet globali u ż-żamma tal-istabbiltà fid-dinja; billi m'hemm l-ebda approċċ komuni għas-soluzzjoni tal-kriżijiet tas-Sirja u tal-Iran;

M.  billi qed isir progress fil-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, inkluż il-ftehim mal-Gvern Russu dwar it-tneħħija gradwali tad-dazji fuq titjiriet fuq is-Siberja u t-Traffiku Lokali tal-Fruntiera fir-reġjun ta' Kaliningrad Oblast;

N.  billi huwa importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda u turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa;

O.  billi fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni (PfM) l-UE u r-Russja ddikjaraw li r-relazzjoni li qed tiżviluppa bejniethom hija bbażata fuq impenn kbir favur il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi l-PfM għandha sservi bħala parti integrali ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid;

1.  Jenfasizza li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja se jkun jiddependi fuq l-isforzi biex jissaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-Russja;

2.  Jistieden lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u bħala firmatarja ta' għadd ta' trattati internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

3.  Jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu dwar kif saru l-elezzjonijiet tad-Duma tal-4 ta' Diċembru, mgħarrqa bi vjolazzjonijiet frekwenti; jikkundanna bil-qawwa l-arresti u x-xebgħat tal-massa mill-pulizija matul dimostrazzjonijiet paċifiċi f'Moska, f'San Pietruburgu u fi bliet Russi oħra kontra l-vjolazzjonijiet waqt l-elezzjonijiet tad-Duma; jistieden lill-awtoritajiet Russi jippermettu dimostrazzjoni paċifika favur elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti u r-rispett għall-istat tad-dritt;

4.  Iħeġġeġ lir-Russja tippermetti kampanja kompetittiva u demokratika u elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti fl-4 ta' Marzu 2012; jistieden lill-awtoritajiet Russi jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjoni li ma jippermettux lill-kandidati tal-oppożizzjoni, Grigori Yavlinsky u Dmitry Mezentzev, jieħdu sehem fl-elezzjonijiet presidenzjali; jistieden lir-Russja twettaq riformi serji u profondi favur id-demokratizzazzjoni;

5.  Itenni l-fatt li mindu l-Prim Ministru Vladimir Putin ħa l-poter fir-Russja, l-ebda elezzjoni f’dak il-pajjiż ma ġiet rikonoxxuta bħala ħielsa u demokratika minn osservaturi tal-Punent;

6.  Jistieden lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni jappoġġjaw b'mod sħiħ u konsistenti lill-attivisti tas-soċjetà ċivili u lir-rappreżentanti tal-moviment soċjali ġdid fil-livell lokali kontra l-prattiki mhux demokratiċi tal-awtoritajiet Russi; jistieden lill-UE tħeġġeġ b'mod kostanti lill-awtoritajiet Russi biex jissodisfaw l-istandards tal-OSKE rigward id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jissuktaw bl-investigazzjoni dwar il-mewt tal-ġurnalist Khadzhimurad Kamalov; itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi jiċċaraw iċ-ċirkustanzi tal-qtil ta' Sergey Magnitsky, Anna Politkovskaya u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili u jagħtu kastig ġust lil min kien involut;

8.  Jitlob lill-UE tadotta konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin (FAC) dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja li jenfasizzaw it-tħassib tal-UE dwar l-ambjent persistentement ostili għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-ispazju għas-soċjetà ċivili biex tiffunzjona mingħajr restrizzjonijiet bla bżonn u s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; huwa mħasseb dwar l-impunità rampanti għat-tortura li ssir, l-għajbien sfurzat u abbużi serji oħra fil-Kawkasu tat-Tramuntana u jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa mir-Russja tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala mezz kif jiġu indirizzati dawn l-abbużi;

9.  Jistieden lir-Russja tinvolvi ruħha iktar biex tintlaħaq pożizzjoni komuni fil-livell internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward tal-bidliet demokratiċi fl-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani; jiddikjara li l-veto tar-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jista' jwaqqaf sforzi internazzjonali biex tinstab soluzzjoni paċifika fis-Sirja u jistieden lir-Russja tieħu sehem f'approċċ ikkoordinat fir-rigward tar-reġim ta' Assad;

10. Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali fl-Iran u l-iżvilupp tal-programm nukleari tiegħu jeħtieġu approċċ deċiżiv u kkoordinat tal-komunità internazzjonali bil-parteċipazzjoni attiva tar-Russja;

11. Jistieden lill-UE tikkoopera iktar fil-livell ekonomiku u politiku mar-Russja dejjem b’rispett għall-valuri Ewropej bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertà;

12. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mar-Russja fil-qasam tal-enerġija; itenni, fl-istess ħin, li l-progress fil-ħolqien ta' relazzjonijiet mill-qrib għandu jimxi id f'id mat-titjib tal-istat tad-dritt u l-istandards demokratiċi fir-Russja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija jsiru parti integrali mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid; jirrimarka li l-UE għandha tittratta d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija bħala l-prijorità ewlenija tagħha u tagħmel l-isforzi kollha possibbli għall-finalizzazzjoni ta' proġetti bħal Nabucco jew AGRI; ifakkar f'dan ir-rigward li d-diversifikazzjoni tfisser li jinstabu pajjiżi oħra b'sorsi ta' żejt u gass, u mhux rotot alternattivi tat-trasportazzjoni tagħhom mir-Russja; jistieden lill-UE ma tapplikax standards doppji fir-relazzjonijiet mar-Russja bħall-eżenzjoni minn parti mir-regolamenti tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija;

13. Jilqa’ l-fatt li l-Ġeorġja u r-Russja laħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet bilaterali pendenti rigward l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, bil-ħolqien tal-prospettiva li r-Russja tidħol fl-organizzazzjoni, dħul li kieku jiffaċilita l-kummerċ u joħloq kundizzjonijiet indaqs għan-negozji; ifakkar, madankollu, li biex isir dan, ir-Russja għandha tegħleb ostakoli fuq medda wiesgħa, bħas-sussidji industrijali, il-burokrazija, restrizzjonijiet fuq l-investiment barrani u standards tas-saħħa pubblika mhux adegwati;

14. Jistieden lir-Russja tikkontribwixxi attivament għas-soluzzjoni tal-'kunflitti ffriżati' fil-viċinat tagħha; itenni l-ħtieġa li r-Russja timplimenta għalkollox il-ftehim b'sitt punti dwar il-waqfien mill-ġlied inkluż ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jappoġġa l-Grupp ta' Minsk fil-progress tiegħu rigward il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh u jilqa' l-inizjattivi riċenti tar-Russja biex tagħti momentum ġdid lit-taħditiet tal-paċi; jilqa' l-bidu mill-ġdid tan-negozjati fil-format 5+2 fir-rigward tal-kunflitt Transnistrijan u jieħu nota tal-ewwel laqgħa uffiċjali fl-1 ta' Diċembru 2011 li wieħed jittama li tkun il-bidu ta' soluzzjoni għall-kunflitt;

15. Jinnota li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni għandha tinkludi mhux biss kwistjonijiet u sfidi ekonomiċi u teknoloġiċi, iżda għandha tkun ibbażata wkoll fuq il-kooperazzjoni wiesgħa, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' ordinament ġuridiku affidabbli;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.